2025: Sena ta’ deċiżjonijiet, bidla, sagrifiċċji, u responsabbiltà

Ramona Attard hija deputata Laburista

 L-2025 kienet sena li żgur se nibqa’ niftakarha. Sena li bdiet b’mod partikolari, hekk kif ġejt co-opted fil-Parlament Malti. Deċiżjoni li ma kinitx waħda faċli, u ħadtha wara riflessjoni twila – mhux biss bħala persuna professjonista, iżda fuq kollox bħala omm. 

Wara li ma rġajtx ikkontestajt għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista, kont gawdejt ftit xhur ’il bogħod mill-ħajja pubblika, inklużi l-festi tal-Milied, u dak kien żmien prezzjuż mal-familja tiegħi. It-tlett itfal tiegħi qed jikbru, u f’din il-fażi tal-ħajja tagħhom għandhom bżonn aktar preżenza u ħin. 

Nistqarr li fl-aħħar elezzjoni tal-MEPs, it-tifla tiegħi kienet saħansitra qed tivvinta li tkun ma tiflaħx biex tqatta’ aktar ħin miegħi. Dan il-fatt, il-kuntest ta’ dak iż-żmien, kif ukoll flimkien max-xewqa li nħalli miftuħa l-possibbiltà li nikkontesta elezzjoni ġenerali, wassluni biex ma nerġax nikkontesta l-elezzjoni għal President tal-Partit. 

Fl-istatut tal-Partit Laburista hemm stipulat li min ikun membru fl-Amministrazzjoni tal-Partit ma jistax jikkontesta elezzjoni ġenerali qabel ma jgħaddu sentejn, u dak iż-żmien kien kruċjali biex nieħu deċiżjoni li tħares ’il quddiem. 

Meta l-Prim Ministru tkellem miegħi dwar il-co-option, l-ewwel reazzjoni tiegħi kienet li ngħid li jien m’għandix bżonn siġġu parlamentari biex naħdem għall-Partit. Iżda l-fiduċja li wera fija, flimkien ma’ diskussjonijiet ma’ membri tal-Kabinett u kollegi membri Parlamentari, ikkonvinċewni li flimkien stajna nkomplu naħdmu biex inwettqu bidliet li jħallu impatt konkret fuq il-ħajja tan-nies. 

Il-politika, madankollu, tiġi bi prezz. Il-work-life balance għal min ikun fil-Parlament ħafna drabi jibqa’ kliem sabiħ biss. Il-ħidma ta’ backbencher tfisser preżenza fil-Parlament, impenji politiċi u distrettwali, laqgħat kontinwi man-nies, u ħafna weekends mimlija xogħol. Il-ħin għall-familja ħafna drabi trid tisirqu. U hemm mumenti meta tistaqsi lilek innifsek jekk hux qed tagħti biżżejjed f’kull rwol li għandek. 

Madankollu, meta nħares lura lejn l-2025, nista’ ngħid li kien privileġġ li nkun Membru Parlamentari. Waħda mill-ewwel liġijiet li stajt nikkontribwixxi għaliha fil-Kumitat Parlamentari tal-Abbozzi kienet dik li tagħti t-tieni opportunità lil persuni b’kondotta mċappsa, sabiex ikunu jistgħu jaħdmu wara li jkunu riabilitati. Din hija liġi li mhux biss hi umana, iżda li tħares lis-soċjetà, għax l-aqwa prevenzjoni kontra l-kriminalità hija li toffri opportunità vera lil min skonta s-sentenza tiegħu. 

L-istess ngħid dwar il-liġi dwar id-dritt li tintesa għall-persuni li għaddew mill-kanċer preżentata mill-kollega Amanda Spiteri Grech u li għaqqdet liż-żewġ naħat tal-Kamra. Liġi li tagħti dinjità lil dawk li jridu jkomplu ħajjithom mingħajr diskriminazzjoni. Dawn huma l-mumenti li jfakkruk għaliex tidħol fil-politika. 

Fost miżuri oħra li jagħmlu differenza reali kien hemm ukoll id-deċiżjoni li jiġu offruti egg u sperm freezing b’xejn, kemm għal persuni li għandhom mard u kundizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-fertilità tagħhom, kif ukoll għal dawk li minħabba studji, xogħol, jew sempliċement għadhom ma sabux ma’ min jibnu familja jew ma ddeċidewx li jridu familja. B’din id-deċiżjoni, il-possibbiltà ta’ tqala li tkun suċċess, tiżdied għal dawk il-persuni li jagħżlu li jiffriżaw il-bajd jew l-isperma.  

Il-Budget li approvajna fl-aħħar seduta tal-Parlament kien budget soċjali li jwieżen lill-familji, lill-pensjonanti, u lill-istudenti, f’mument meta pajjiżi oħra kellhom problemi kbar biex japprovaw il-budget tagħhom b’taxxi u miżuri t’awsterità li jagħmlu l-prospetti għas-sena d-dieħla xejn sbieħ.  

L-2025 kienet ukoll sena ta’ deċiżjonijiet storiċi, fosthom ir-rikonoxximent tal-Palestina bħala Stat, kif ukoll sena ta’ impenn internazzjonali, hekk kif kelli l-opportunità nkun parti mid-delegazzjoni Maltija fil-Kunsill tal-Ewropa waqt il-Presidenza Maltija. 

L-2026 mhijiex se tkun sena faċli. Ix-xena internazzjonali mhi stabbli xejn. Minbarra l-kunflitti internazzjonali, xejriet tal-lemin estrem li qed jiżdiedu f’ċerti partijiet tad-dinja wkoll huma inkwetanti għal min verament jemmen fl-ugwaljanza. Iżda nemmen li pajjiżna, jekk jibqa’ jiffoka fuq dak li jgħaqqadna, jgħaddi wkoll is-sena li ġejja b’mod tajjeb u ħajjet il-familji tagħna tibqa’ għaddejja b’mod seren. 

Għalhekk, f’dawn iż-żminijiet li huma instabbli internazzjonalment, id-dikjarazzjoni ta’ stabbiltà tal-Prim Ministru li l-budget li se jitħabbar is-sena d-dieħla se jkun aqwa minn ta’ din is-sena, iserrħilna rasna aktar. Kuntenta wkoll li l-Prim Ministru ħabbar li diskussjonijiet bħal dawk tal-ewtanasja u estensjoni oħra tal-liġi tal-IVF mistennija jintensifikaw aktar din is-sena li ġejja.  

Din ma kinitx sena perfetta. Kienet sena ta’ sagrifiċċji, dubji, u sfidi. Iżda kienet ukoll sena ta’ responsabbiltà u servizz, sena li fiha l-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi baqgħet għaddejja tajjeb; sena li wrietli li, minkejja kollox, il-politika tista’ tkun għodda ta’ ġid. U meta tara li l-ħidma tiegħek tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies, tifhem li – anke jekk il-prezz ikun għoli – iva, se jkun worth it. 

More in Politika