Sena ta’ kisbiet għal Malta fil-Parlament Ewropew
Peter Agius huwa MPE Malti
Hekk kif qed tagħlaq is-sena, ħafna jħarsu lura lejn dak li għamilna tul l-aħħar 12-il-xahar, nitgħallmu mill-iżbalji, nissaħħu bit-tajjeb li għamilna. Għalija din kienet l-ewwel sena sħiħa tiegħi bħala MEP għal Malta u Għawdex. Għalhekk xtaqt naqsam magħkom rendikont tal-ħidma tiegħi favur il-familji Maltin u Għawdxin. Kienet sena fejn għamilt sforz qawwi biex nidentifikaw il-bżonn ta’ Malta f’dak li tiddeċiedi l-Ewropa u naġixxu fuq dan il-bżonn biex inwasslu riżultati konkreti favur il-familji.
Aktar opportunitajiet għan-negozji
L-ewwel tema li ħdimt fuqha kienet favur aktar trasparenza u opportunitajiet għan-negozji Maltin li jieħdu xogħol tal-gvern u entitajiet pubbliċi — għal dan li għan ressaqt emendi li jitolbu li l-Gvernijiet u awtoritajiet pubbliċi jkunu obbligati jagħtu raġuni meta jużaw direct orders mingħajr pubblikazzjoni b’mod li kumpaniji oħra li jridu joffru s-servizzi tagħhom ikunu jafu b’dawn ix-xogħlijiet għall-gvern. Dawn l-emendi ġew appoġġjati minn sħabi l-MEPs b’maġġoranza qawwija u s-sena d-dieħla mistennija jidħlu fil-liġi l-ġdida tal-public procurement.
Kellna wkoll negozjati biex intaffu l-piżijiet tan-negozji fuq rapportaġġ u due diligence kif ukoll it-taxxi marbuta mal-importazzjoni ta’ materjali inkluż il-ħadid u s-siment u l-prodotti tal-karta u mis-siġar. Fuq dawn kollha imbuttajt biex inħaffu l-piż fuq in-negozjanti speċjalment dawk żgħar u medji. Hemm bżonn inżommu dejjem f’rasna li n-negozju joħloq ix-xogħol u jdawwar ir-rota ekonomika.
Għawdex dejjem f’qalbi
Tema oħra fundamentali għalija hija Għawdex u l-konnettivita — irrid li Għawdex igawdi bis-sħiħ mill-Ewropa u għalhekk tlabt rapport dettaljat kif Għawdex jista’ juża l-fondi Ewropej għal vapuri ġodda sbieħ u effiċjenti. Ir-rapport ippubblikajtu u tellajna wkoll konferenza nazzjonali f’Għawdex li wriet ċar kristall li hemm il-fondi u nistgħu nużawhom favur Għawdex u l-Għawdxin. Issa nittama li l-gvern jikkopera f’dan u juża dawn il-fondi.
Tul din is-sena rajt ukoll li l-Għawdxin u Għawdex ikollom post ċentrali fil-politika tagħna fi Brussell. Għalhekk, pereżempju, ressaqt emendi fil-qasam tal-biedja fejn enfasizzajt il-bżonnijiet u l-isfidi tal-agrikoltura fil-gżejjer. Rajt ukoll li f’dak kollu li nagħmel niftaħ opportunitajiet għall-Għawdxin bħal fil-każ tal-istudy visits fejn kellna xejn anqas minn ħames żgħażagħ Għawdxin jipparteċipaw fix-xogħol tiegħi fi Brussell.
Bieb miftuħ ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ
Wegħda importanti għalija fil-fatt kienet li rrid niftaħ il-bibien tal-opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin bl-Ewropa. Dan qed nagħmlu f’kull okkażjoni li tiġi, mhux biss billi ngħin żgħażagħ b’mod dirett iżda anke billi nedejt programm ta’ study visits fejn xejn anqas minn 36 student Malti u Għawdxi kellhom esperjenza diretta tal-ħidma tal-Parlament Ewropew fl-uffiċċju tiegħi fi Brussell.
Minbarra dan organizzajna bħal Parlament Ewropew taż-żgħażagħ fejn ġbart ħames MEPs oħra u kellna simulazzjoni ta’ negozjati mmexxija miż-żgħażagħ infushom.
Nadattaw dejjem l-Ewropa għall-bżonn ta’ Malta
Fix-xogħol kollu tiegħi bħala MEP għal Malta u Għawdex rajt li nadattaw dejjem id-diskors u l-azzjoni tal-Ewropa għall-bżonn ta’ Malta u l-Maltin. Dan kelli ħjiel tal-bżonn tiegħu qabel ma kont MEP minħabba l-esperjenza tiegħi fl-istituzzjonijiet. Issa bħala MEP qed nara kemm dan huwa assolutament fundamentali.
L-Ewropa ħa timxi dejjem — u mhux bilfors se tagħti każ il-bżonn speċifiku ta’ Malta. Għalhekk irridu nkunu aħna li niġbdu l-attenzjoni li d-deċiżjoni trid tqis il-bżonn tal-Maltin, inkella ma tkun tajba xejn. Dan issa nista’ nagħmlu bi dritt u b’qawwa fix-xogħol tiegħi fi Brussell.
Qed nagħmlu fid-difiża, fejn irridu niġbdu l-attenzjoni tal-Ewropea li hemm pajjiżi newtrali li ma jridux jipparteċipaw f’inizjattivi militari. Qed nagħmlu fuq l-abort, fejn kelli nieqaf għal inizjattivi Ewropej li jridu jimponu l-abort fuq il-pajjiżi meta dan għandhom jiddeċiduh il-pajjiżi. Qed nagħmlu fuq il-liġijiet tal-klima u t-trasport, fejn irridu ninsistu li l-piżijiet tat-taxxi fuq l-emissjonijiet irid jinqasmu b’mod ekwu — b’mod li ma jippenalizzawx gżejjer bħal Malta. Qed nadatta l-Ewropa wkoll fil-qasam tas-saħħa fejn ressaqt emendi għal liġijiet tal-mediċini li rnexxielna ndaħħlu fin-negozjati u mistennija jtejbu qatigħ id-disponibbiltà u l-prezzijiet tal-mediċini f’pajjiżna.
Tellajt il-vuċi tiegħek li fittixtni fl-Ewropa
Minbarra li biddilt il-liġijiet Ewropej biex jaqduna aħjar qed nara wkoll li min ifittixni nara nistax ngħinu u jekk hemm bżonn intella’ wkoll il-vuċi tiegħu fl-Ewropa.
Dan qed nagħmlu kważi kull ġimgħa bi kwistjonijiet differenti. Mill-kwistjoni tal-inċineratur u l-inkwiet tar-residenti li tellajt għand il-Kummissarju Ewropea Jessika Roswall, sal-kwistjoni tad-Drenaġġ fil-Baħar u n-Noise Pollution li tellajt quddiem il-Parlament Ewropew b’mod dirett fejn ir-residenti jkollhom vuċi diretta u jiġu jispjegaw il-problema huma stess fil-Parlament Ewropew. Nemmen ħafna f’din id-demokrazija parteċipattiva u qed nara li nimbuttaha b’kull kif. Għamilt dan ukoll billi nnominajt lil bidwi żagħżugħ Ryan Portelli u l-Inġinier Chris Ciantar għal premju tal-Young Farmers Ewropej li huma rebħu bil-proġett Syneco. Din kienet okkażjoni oħra li saret possibbli biss permezz tal-inizjattiva li ħadna fejn rajna opportunità u ħtafnieha għal Malta.
Kien hemm diversi kwistjonijiet oħra Maltin li tellajna fi Brussell. Fost dawn hemm id-delizzjoni tal-karozzi klassiċi u l-bżonn li r-regoli ġodda tal-VRT ma jheddux dan id-delizzju sabiħ. Tkellimt ukoll fuq l-energy drinks li l-konsum tagħhom mit-tfal qed jinkwieta lil ħafna ġenituri. Tkellimtu u organizzajt żewġ inizjattivi Ewropej fuq Dijabete u d-diżabilitajiet inkluż diffikultajiet fit-tagħlim bħalma huma l-ADHD u l-awtiżmu.
Grazzi għall-appoġġ tiegħek
Bl-appoġġ tiegħek li qed taqra u li tibgħatli u tikkummenta fuq il-mezzi se nagħmel ħilti kollha biex inkompli dan ir-ritmu qawwi ta’ ħidma għal Malta u Għawdex anke fis-sena li ġejja. Qed nagħmel dan għax jiena grat għall-appoġġ li tajtuni biex inkun nista’ nirrappreżentakom fl-Ewropa u rrid irrodd lura dak l-appoġġ b’riżultati konkreti.
Issa li ġejjin il-festi se niċċarġjaw ftit il-batterija billi nqattgħu ftit ħin ta’ mistrieħ mal-familja. Nawgura lilek ukoll u lill-għeżież tiegħek ftit mistrieħ u nawguralek ukoll il-paċi u l-hena li jġib il-Milied qaddis.
