Kellu jkun l-aqwa budget
Michael Piccinino huwa l-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista
Il-Budget 2026 kellu jkun l-aqwa budget fl-istorja. Il-Budget li joffri soluzzjonijiet għall-problemi li qed jaffaċċja pajjiżna. Wara snin li Clyde Caruana jgħidilna li hemm bżonn bidla fil-mudell ekonomiku, il-poplu ried jisma’ messaġġ li jġib tama. Minflok, smajna ħafna kliem sabiħ u ħafna propaganda, imma ftit soluzzjonijiet għall-problemi li kulħadd iħoss.
Ma nistgħux ngħidu li kollox kien ħażin. It-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri bit-tfal hu pass tajjeb, u kull familja li qed tissielet biex tlaħħaq mal-ispejjeż ta’ kuljum taf kemm ftit serħan jagħmel differenza. Dak li huwa tajjeb, irridu ngħidulu tajjeb u rridu nsostnuh.
Imma fl-istess ħin, irridu ngħidu l-verità kollha: il-budget ma jindirizzax il-kriżijiet il-kbar li qed jgħaffġu lill-familji Maltin u Għawdxin. Il-problema tat-traffiku, il-popolazzjoni li qed tikber bla pjan, l-għoli tal-ħajja, is-servizzi tas-saħħa li qed iċedu taħt il-piż, u l-prezzijiet tad-djar li ħallew lil ħafna żgħażagħ mingħajr tama, dawn kollha baqgħu bla soluzzjoni.
Il-flus jistgħu jgħinu, imma ma jistgħux jixtru l-kwalità tal-ħajja. U l-kwalità tal-ħajja f’Malta qed tiddeterjora.
Il-Gvern iħobb jiftaħar bin-numri, imma l-veru numru li jikkaratterizza lil Robert Abela u Clyde Caruana hu d-dejn. Fi ftit żmien ieħor dan se jaqbeż l-€14-il biljun. Kuljum, jien u int, qed inħallsu kważi miljun ewro f’imgħax biss.
Il-mistoqsija hi waħda: x’għandna x’nuri għal dan id-dejn kollu? It-traffiku għadu l-istess, l-isptarijiet mimlija, u Għawdex għadu jistenna l-proġetti li ilhom imwiegħda. Dan mhux investiment; dan hu piż fuq il-futur tagħna u fuq uliedna.
Id-dejn, meta jkun bla rażan, ifisser li ħaddieħor se jħallas il-prezz tal-lum.
Il-problema tat-traffiku ma tistax tibqa’ tiġi injorata. Kull darba li noħorġu għax-xogħol jew għal appuntament, inħossu kemm it-toroq tagħna staġnaw. Sigħat mitlufa fit-triq, arja mniġġsa, u stress li jkompli jżid mal-piżijiet ta’ kuljum.
Dan kollu jmur id f’id mat-tkabbir bla pjan tal-popolazzjoni. Malta ma tiflaħx aktar tikber b’dan ir-ritmu mingħajr infrastruttura, pjan urban u politika li taħseb fit-tul. Imma l-budget ma qal xejn dwar dan.
Il-Gvern, flok investa, naqqas in-nefqa kapitali għas-sena d-dieħla b’€100 miljun. Dik hi d-differenza bejn min jara l-problema u min jgħattiha.
Il-ħajja ħadd ma jemmen li żdiedet biss b’€4.66 fil-ġimgħa fl-aħħar sena. Għal ħafna familji, dik mhix żieda, imma insult. Speċjalment meta l-Gvern sab il-flus biex jimla l-Malta billboards però mbagħad ma sabx flus biex jieqaf jintaxxa ż-żieda tal-għoli tal-ħajja.
Għawdex kellu jkun prijorità. Għandu potenzjal kbir, imma taħt dan il-Gvern baqa’ jistenna. L-isptar il-ġdid sparixxa mill-pjanijiet, it-titjib tat-toroq għadu biss fuq il-karti, u t-turiżmu Għawdxi qiegħed ibati.
Għawdex jistħoqqlu direzzjoni, mhux tliet ministri għall-fotografiji. Għawdex jista’ jkun mudell ta’ kif Malta kollha tista’ tmexxi b’viżjoni u serjetà, imma għal dan għandna bżonn tmexxija li temmen fit-tul, mhux fl-effett ta’ headline.
Clyde Caruana sejjaħ dan “l-aqwa budget fl-istorja.” Imma fl-istess jum tal-budget, mijiet ta’ nies kienu jipprotestaw kontra r-riforma tal-ippjanar.
Wara l-applaws fil-Parlament, il-poplu qam l-għada u sab ruħu fl-istess Malta, it-traffiku, il-kju fl-isptar, l-ispejjeż dejjem jogħlew u ż-żgħażagħ li jispiċċaw iħarsu lilhinn minn xtutna għal futur aħjar.
Pajjiżna jixraqlu gvern li jippjana u jindirizza l-problemi li għandna. Jixraqlu gvern li jagħmel investiment fl-infrastruttura vera; skejjel, sptarijiet, toroq u trasport tal-massa.
Għandna naħdmu għal ekonomija ta’ kwalità, li tħares lejn is-suċċess tal-bniedem mhux lejn il-kwantità tan-numri. Għandna naħdmu biex il-ħaddiema jkollhom paga li tagħtihom ħajja, mhux sempliċement jgħixu biex jaħdmu. Fejn il-ġenituri jkollhom ħin għat-tfal, mhux ħajja ta’ ġiri bla tmiem biex ilaħħqu mal-kontijiet.
Dak kollu jista’ jsir realtà. Mhux b’miraklu, imma b’viżjoni, serjetà u direzzjoni. Malta għandha bżonn tmexxija li tisma’ u li taħdem, mhux li tpinġi stampa sabiħa biex tgħatti l-problemi.
Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg lest jagħti dik id-direzzjoni. Gvern li jara lill-Malti u Għawdxi mhux bħala numri, imma bħala nies. Gvern li jħares lejn il-familji, lejn iż-żgħażagħ, lejn min qed jagħmel l-almu tiegħu biex jgħix b’dinjità.
Il-vera sfida mhix li nqassmu aktar flus, imma li noħolqu futur aħjar. U dak il-futur jista’ jinbena biss b’politika serja, rispett lejn in-nies, u fiduċja li pajjiżna jista’ jerġa’ jimxi ’l quddiem.
Il-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom Malta li taħdem għalihom, li terġa’ tagħtihom il-kalma, il-bilanċ u l-fiduċja. Din hi Malta li nemmen fiha jien, Malta b’enerġija, b’direzzjoni u b’tama ġdida.
