
Bi ħġarna wara l-protesta nazzjonali kontra liġi proposta tal-ippjanar
Din il-gazzetta mingħajr tlaqliq, mingħajr dubji, u mingħajr ma taħsibha darbtejn tappoġġja l-protesta ta’ nhar is-Sibt fit-toroq tal-Belt kontra din il-proposta tal-liġi u tħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi.

Mit-twaqqif tagħha f’April tal-2006, il-gazzetta ILLUM kienet dejjem tarka favur ambjent u politika ambjentali. Fl-2006, il-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, immexxi minn Laurence Gonzi u xprunat mill-Ministru ta’ dak iż-żmien George Pullicino, fasslu local plans; pjanijiet li kienu eżerċizzju fl-istupru ta’ pajjiż; pjanijiet li kienu mfassla fuq politika favur l-ispekulazzjoni.
Dakinhar il-protesti fit-toroq kienu appoġġjati minn politiċi tal-oppożizzjoni ta’ Joseph Muscat. Wara li sar Prim Ministru fl-2013 u farrak lil Gonzi fl-elezzjoni, mexa biex hu stess ifassal politika miskina u skabruża biex il-kampanja Maltija u l-pajsaġġ Malti jkompli jitfarrak.
Dak iż-żmien Robert Abela ma kienx attiv fil-politika. Kien avukat attiv u fuq kollox l-avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar, liema awtorità kienet responsabbli minn deċiżjonijiet żbaljati li kienu biss immirati għal skop wieħed: l-ispekukazzjoni.
Il-politika ta’ Gonzi, imbagħad ta’ Muscat u issa ta’ Abela hija waħda ispirata mix-xewqa li l-industrija tal-bini u dik tal-ispekulazzjoni tkompli mingħajr xkiel. Ftit li xejn hemm indikazzjoni li hemm xi interess biex jinstab bilanċ. Anzi kull diskors dwar sostennibbiltà hija waħda frivola u mingħajr sustanza.
Fl-aħħar ta’ Lulju, meta kulħadd kien moħħu biex imur il-baħar, isiefer, u jinsa ftit mid-dinja, inkiss inkiss, il-Gvern ħareġ riforma fil-forma ta’ liġi li tbiddel il-prinċipju tal-liġi tal-Ippjanar. Tant kienet miskina l-attentat ta’ riforma, li ħafna ministri lanqas biss kienu jafu biha. Ħafna minnhom esprimew l-opinjoni li din kienet liġi żbaljata. Imma l-ebda wieħed minnhom ma kellu s-sinsla jgħid xi ħaġa fil-pubbliku.
Din kienet liġi li l-Gvern, u għandna nifhmu anki l-Prim Ministru, ried jgħaddi mingħajr ebda diskussjoni fil-Parlament.
Issa qed issir konsultazzjoni, liema konsultazzjoni qed tiġi deskritta bħala fażulla.
Tant hu hekk li l-għaqdiet ambjentali u anke dik ċivili qed jingħaqdu biex jipprotestaw kontra din il-proposta tal-liġi. Ċertament min qed imexxi din il-protesta – il-grupp Graffitti – ma jistgħux jiġu deskritti bħala laħam mibjugħ. Huwa grupp tax-xellug, ispirat minn interessi ambjentali u politiko-soċjali; grupp li dejjem kien vuċi għal dawk li m’għandhomx vuċi.
Wara l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew fejn il-Partit Laburista rebaħ b’marġni żgħira ta’ 8,000 vot, Robert Abela kien stqarr li lest jisma’ l-karba tan-nies fuq l-ambjent u l-kostruzzjoni.
Bil-proposta tal-liġi wera li hu għamel l-oppost.
Din il-gazzetta mingħajr tlaqliq, mingħajr dubji, u mingħajr ma taħsibha darbtejn tappoġġja l-protesta ta’ nhar is-Sibt fit-toroq tal-Belt kontra din il-proposta tal-liġi u tħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi.