
Caroline Caruana | Marsaskala: Minn raħal b’karattru għal lokalità taħt pressjoni
Caroline Caruana hija residenta ta' Marsaskala

Marsaskala, raħal maħbub minn ħafna, jinsab f’nofs trasformazzjoni. Kull tant żmien, jidher li jerġa’ jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet. Madanakollu, ħafna drabi l-interventi jidhru reattivi aktar milli parti minn viżjoni ċara u sostenibbli.
Għalkemm xi wħud jippreżentaw Marsaskala bħala lokalità minsija, ir-realtà hija ferm differenti. Fl-aħħar snin, ir-raħal ra żieda qawwija fil-popolazzjoni, li wasslet għal żvilupp bla preċedent. Sfortunatament, ħafna minn dan il-bini żdied b’mod mhux ippjanat u spiss b’livell medjokri li jnaqqas, aktar milli jsaħħaħ, il-karattru uniku ta’ dan ir-raħal.
Il-problema mhix l-iżvilupp innifsu, imma n-nuqqas ta’ direzzjoni, ta’ studji serji u ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-komunità. Bla pjan ċar, żvilupp bħal dan jista’ jwassal għal impatti negattivi li diffiċli jiġu rkuprati. Aktar u aktar meta jidher li l-iżvilupp qed isir fuq il-kundizzjonijiet ta’ investituri, mhux fuq dawk tal-komunità.
Nieħdu pereżempju l-proposta tal-Yacht Marina; proġett li qajjem reazzjoni qawwija mill-komunità ta’ Marsaskala. In-nies tkellmu b’leħen wieħed biex jiddefendu l-identità u l-karattru ta’ dan ir-raħal, u l-Gvern, f’dak il-każ, sema’ l-karba tagħhom u rrinunzja għalih. Din kienet rebħa importanti għal dawk li jemmnu fi żvilupp għaqli u b’rispett lejn il-komunità. Illum, qegħdin naffaċċjaw proposta oħra, is-servizz tal-passenger ferry minn Marsaskala. Din il-proposta qatt ma ġiet diskussa u ppreżentata b’mod uffiċjali, u allura hija waħda li tmur kontra l-prinċipji bażiċi ta’ ppjanar sostenibbli.
Xi ħaġa bħal din m’għandhiex tkun moħbija, għaliex pjanijiet ta’ dan it-tip għandhom jiġu diskussi mar-residenti u n-nies affettwati kollha mill-bidu nett, u mhux meta l-pjan ikun diġà sar u wasal biex jibda jitwettaq.
Il-bajja ta’ Marsaskala mhix port, u allura xi ħtieġa hemm għal servizz bħal dan meta diġà jeżisti wieħed f’Bormla, port kenni b’faċilitajiet adattati tefgħa ta’ ġebla bogħod? Xi ħtieġa hemm għal servizz bħal dan meta vjaġġ minn Marsaskala se jtawwal il-ħin tal-ivjaġġar u mhux iqassru? Jekk hu minnu li dan is-servizz huwa għar-residenti, qiegħed jigi ppjanat illi Marsaskala se tirċievi influss ta’ residenti minn lokalitajiet viċini? Għax f’dak il-każ, żgur li t-traffiku se jiżdied u mhux jonqos ġewwa r-raħal tagħna.
Għaliex allura rridu nkomplu npoġġu pressjoni fuq lokalità kostali bħal din? Proġett bħal dan iwassal għal tniġġiż fl-arja u fil-baħar, ħsejjes mhux mixtieqa, nuqqas ta’ żoni għall-għawm, żieda fit-traffiku, pressjoni fuq parkeġġ u infrastruttura, kif ukoll impatt serju fuq is-sit tan-Natura 2000 – Il-Magħluq. Barra minn hekk, iżid il-pressjoni turistika f’raħal li diġà qiegħed ibati mill-konsegwenzi ta’ żvilupp bla kontroll.
L-ebda studju li sar, jekk sar, ma ġie ppreżentat b’mod trasparenti. F’nuqqas ta’ evidenza ċara li l-passenger ferry ma jagħmilx ħsara serja, dan is-servizz m’għandux jiġi approvat. In-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni loġika jsaħħaħ biss is-sensazzjoni li dan mhux proġett maħsub għall-ġid tal-komunità, imma se jservi biex jaqdi interessi oħra.
L-ekonomija ma tistax tibqa’ tintuża bħala skuża biex ninjoraw l-impatti fuq l-identità lokali. Mhuwiex minnu li Marsaskala hija nieqsa minn attività ekonomika. Il-ħwienet tal-ikel u x-xorb huma spiss mimlijin. Għalhekk, l-argument li hemm bżonn proġetti kbar sabiex “jitqajjem” ir-raħal ma jreġix meta wieħed jara r-realtà.
Huwa wkoll żball li nibqgħu npoġġu t-turisti qabel ir-residenti. It-turist għandu jkun milqugħ u rrispettat, iżda mhux b’detriment għall-komunità. Il-valur ta’ Marsaskala jinsab fil-karattru tagħha: lokalità ta’ ħdejn il-baħar, kwieta, b’ikel lokali, u ambjent naturali prezzjuż. Dan hu l-ġid li għandna nippreservaw, mhux inċedu.
Jekk irridu li Marsaskala verament tirnexxi, irridu nindirizzaw il-problemi li jeżistu llum b’rispett lejn l-identità tagħha, mhux nibdluha f’xi kopja ta’ lokalitajiet oħra bħall-Buġibba jew San Ġiljan, li issa qed jissieltu mal-konsegwenzi koroh ta’ żvilupp eċċessiv u nuqqas ta’ viżjoni sostenibbli. Huwa għalhekk li hemm bżonn approċċ li jippromovi l-kwalità tal-ħajja qabel il-qligħ immedjat.
Il-Malti jgħid: “Qis mitt darba u aqta’ darba.” Dan jgħodd l-aktar meta niġu biex nieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jbiddlu lokalità għal dejjem. Nittama li dawk f’pożizzjoni ta’ tmexxija jifhmu dan, u jagħmlu l-għażliet mhux għall-ġid tal-ftit, imma għall-ġid komuni; għalina llum, u għal dawk li ġejjin warajna.
Caroline Caruana, Residenta ta’ Marsaskala