
Mark Camilleri Gambin | Montekristo: simbolu ta’ abbuż bla rażan
Skont stħarriġ tal-impatt ambjentali (EIA) tal-2024, kważi s-sit kollu għandu problemi serji - Madwar 82,000 metru kwadru ta’ art agrikola ġiet okkupata illegalment filwaqt li l-45,000 metru kwadru regolarizzati jinkludu l-“Animal Park & Family Fun Park”

Dak li darba kienu għelieqi tal-patata f’Ħal Farruġ, illum sar raħal żgħir illegali li jkopri madwar 150,000 metru kwadru. L-istorja ta’ Montekristo hija kronaka ta’ kif l-illegalità tista’ ssir normalità meta l-istituzzjonijiet iċedu quddiem il-poter tal-flus u l-politika.
Fis-snin disgħin, Charles Polidano, magħruf bħala ‘iċ-Ċaqnu’, akkwista din l-art barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) għal skopijiet iddikjarati bħala “agrikoli”. Madankollu, bejn l-2000 u l-2008, l-għelieqi bdew jagħmlu wisa’ għal kumpless sħiħ li tfaċċa mingħajr permessi: kċejjen industrijali, gaġeġ għal żoo, swali tal-avvenimenti, palazz, u anke birrerija. F’Novembru tal-2013, f’tentattiv ta’ infurzar li baqa’ wieħed simboliku, l-Awtorità tal-Ippjanar (dak iż-żmien il-MEPA) waslet bil-bulldozers. B’reazzjoni, iċ-Ċaqnu imblokka d-daħla bit-trakkijiet tiegħu u bagħat lill-ħaddiema d-dar. Minn dakinhar, ma twaqqgħet l-ebda ġebla.
Issa, fl-10 ta’ Lulju 2025, l-istess Awtorità tal-Ippjanar tat il-barka tagħha lil dan l-abbuż. B’żewġ permessi, ġew regolarizzati madwar 145,000 metru kwadru b’“kontribuzzjoni” ta’ €1.8 miljun. Biex ipoġġi l-melħ fuq il-ferita, il-Prim Ministru ta’ Malta, bla ebda mistħija, spjega li dan huwa preċiżament l-iskop tal-proċess ta’ sanzjonar.
Iżda €1.8 miljun x’inhuma għal imperu bħal taċ-Ċaqnu? Ċuċata. Dan hu l-istess imprenditur li ftit qabel rebaħ kuntratt ta’ €35 miljun għall-bini tal-flyovers tal-Imsida, u dan huwa biss wieħed minn bosta kuntratti. Biex nifhmu l-kobor tas-sit, iż-żoo waħdu, li jkopri 45,000 metru kwadru, huwa ekwivalenti għall-ispazju ta’ 360 appartament.
Skont stħarriġ tal-impatt ambjentali (EIA) tal-2024, kważi s-sit kollu għandu problemi serji. Madwar 82,000 metru kwadru ta’ art agrikola ġiet okkupata illegalment għaż-żoo u l-produzzjoni tal-inbid, filwaqt li l-45,000 metru kwadru regolarizzati jinkludu l-“Animal Park & Family Fun Park”.
Kull metru kwadru ta’ Montekristo huwa magna li tiġġenera l-flus, grazzi għall-kunsens taż-żewġ partiti l-kbar. Is-sit joffri firxa wiesgħa ta’ servizzi kummerċjali:
● Brauerei Montekristo & Rare Pub & Grill: Birrerija bi stil Ġermaniż u
steakhouse li jattiraw folol kbar, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa.
● Swali għall-Avvenimenti: Il-Palazz, il-Pjazza, The Roof Garden u rRenaissance Suites jospitaw tiġijiet, funzjonijiet kbar u attivitajiet ta’ ġbir ta’
fondi politiċi.
● Attrazzjonijiet oħra: Hemm ukoll areni għall-horse riding, wirjiet storiċi
bħan-“Knights Spectacular Dinner Show”, u spazji kbar li jospitaw il-Fiera l-Kbira u avvenimenti sportivi bħall-boxing.
Dan kollu huwa riżultat ta’ ftehim bipartitiku sieket. Kemm il-Partit Laburista, kif ukoll il-Partit Nazzjonalista baqgħu jinqdew mill-faċilitajiet taċ-Ċaqnu, tant li hu
stess ma jiddejjaqx jammetti li kkontribwixxa għall-bini tal-kwartieri ġenerali taż-żewġ partiti. L-eżempji huma bla għadd: minn rallies lussużi ta’ kandidati Laburisti bħal Keith Azzopardi Tanti u Julia Farrugia Portelli, għal dinners elettorali ta’ Silvio Schembri; minn tombla organizzata mill-Eks Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo għal fundraisers mill-MŻPN. Anke meta esponenti bħal Mario Galea sejjaħ għal bojkott fl-2015, il-partit tiegħu stess injorah.
Kif kitbet il-gazzetta MaltaToday: “Polidano hedded, xaqqaq u qeda lillpolitiku; fl-aħħar il-bully għamel tiegħu.”
Il-liġi tal-bully: għaliex tapplika għalik u mhux għalihom?
Il-mudell taċ-Ċaqnu, li issa qed jiġi replikat minn oħrajn bħal Joseph Portelli
f’Għawdex, huwa bbażat fuq tliet pilastri:
1. Ibni l-ewwel, innegozja wara: Bena żoo, birrerija u torri psewdo-barokk
mingħajr l-ebda permess, għax kien jaf li l-multa eventwali kienet se tkun
prezz żgħir x’wieħed iħallas meta mqabbla mal-profitti ġġenerati.
2. Uża l-impjiegi bħala arma: Kull theddida ta’ infurzar kienet tiġi milqugħa
bi stqarrija li “1,000 impjieg” kienu fil-periklu, u b’hekk il-politiċi kienu
jirtiraw.
3. Immonetizza l-illegalità: Billi joffri l-post għall-attivitajiet taż-żewġ partiti,
ħadd ma kellu l-kuraġġ politiku li jwaqqa’ sala fejn kien għadu kif organizza
attività ta’ ġbir ta’ fondi.
Għaċ-ċittadin komuni, din is-sitwazzjoni hija daqqa ta’ ħarta. Jekk inti tibni gallarija 6 ċm akbar milli suppost, taffaċċja multi kuljum, ittri mill-Qorti, u theddid ta’
twaqqigħ. Iċ-Ċaqnu, min-naħa l-oħra, jibni żoo illegali u jiġi ppremjat b’permess.
Kull darba li l-Awtorità tal-Ippjanar taħfer lil dawn il-“bullies”, tkun qed tgħakkes
lill-familji li jridu jsegwu l-liġi u li għadhom qed iħallsu d-dejn fuq appartament
modest. Tmut il-fiduċja fil-ġustizzja, jogħlew il-prezzijiet tal-art, u jintilfu l-pulmuni
ħodor li għandhom igawdu wliedna.
L-Appell ta’ Momentum
Momentum isostni li mhux kull politiku huwa l-istess u jipproponi soluzzjonijiet
konkreti:
● Projbizzjoni totali fuq regolarizzazzjonijiet f’żoni ODZ.
● Multi li jeskalaw kull ġimgħa sakemm l-istrutturi illegali jitneħħew, mingħajr
limitu fuq l-ammont finali.
● Lista sewda ta’ postijiet li jospitaw attivitajiet politiċi waqt li jkollhom
infurzar pendenti.
● Irkupru awtomatiku ta’ siti illegali li jinjoraw ordni finali ta’ infurzar.
Kull ewro li l-bully jaqla’ minn fuq art illegali huwa ewro misruq mill-arja nadifa
ta’ wliedek, mid-dritt tiegħek għal spazji miftuħa, u mill-fidi tiegħek fis-saltna taddritt. Jekk nibqgħu siekta, inkunu qed nistiednu liċ-Ċaqnu jew lil Portelli li jmiss biex ikomplu jħarbtu dak li fadal minn Malta.
Sfida lill-politiċi tiegħek: staqsihom min ħallas għall-attivitajiet li organizzaw
f’Montekristo. Itlobhom juruk l-irċevuti. Bl-imġiba tagħhom, qed juruk biċ-ċar li lliġijiet huma magħmula għalik, imma qatt għalihom u għall-ħbieb tagħhom fin-negozju.
Jekk xbajt minn din l-arroganza, m’intix waħdek. Wasal iż-żmien li din issistema tinbidel. Ingħaqad ma’ Momentum illum sabiex flimkien inġibu l-bidla li pajjiżna għandu bżonn, fejn il-liġi tkun verament ugwali għal kulħadd u l-ġustizzja
ma tkunx tista’ tinxtara