.png)
Adrian Delia, akkost ta’ kollox, determinat biex isir kap tal-Partit Nazzjonalista
Iż-żmien itina parir!

Minkejja pariri biex ma jikkontestax għall-kariga tal-kap tal-Partit Nazzjonalista, inkluż familja u ħbieb intimi tiegħu, Delia beħsiebu jerġa’ jikkontesta. Anke minkejja l-fatt li sondaġġ imħejji mill-gazzetta oħt MaltaToday jindika li fost it-tesserati tal-PN m’għandux l-appoġġ tal-maġġoranza. Hemm ukoll il-fatt li jixtieq joħroġ mill-mossa li anke ssorprendiet lil Alex Borg. U dan wara li kien qed jappoġġja l-kandidatura ta’ Alex Borg stess qabel ma ħarġet li kien għamel patt ma’ Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew. Fil-patt ta’ bejniethom, il-ħsieb kien li Metsola tibqa’ Brussell bħal Alex Agius Saliba u tkun il-kap tal-Partit u Adrian Delia jsir kap tal-Oppożizzjoni.
Delia kien litteralment affaċċjat minn sfiduċja minn numru mdaqqas ta’ membri parlamentari fl-2020, inkluż dawk li kienu magħrufin li ‘kienu’ viċin ta’ Roberta Metsola u magħrufin bħala l-Blue Heroes. Kien għalhekk li l-patt imxajtan bejn Metsola u Delia ssorprenda lil bosta.
Dawk viċin Delia qalulna li Delia għamilha ċara li huwa determinat biex jitfa’ l-kandidatura u jibgħat messaġġ lil dawk fil-PN li daħħlulu stalletti f’dahru.
Fis-sondaġġi fl-2020, Delia kellu rata ta’ fiduċja ftit inqas minn dik ta’ Grech. Imma dawk li qed jappoġġjaw lil Delia jargumentaw li huwa persuna differenti mill-persuna ta’ ħames snin ilu.
Delia ħames snin ilu kellu taħlita ta’ problemi. Waħda kienet iż-żwieġ tiegħu, imbagħad kien hemm il-fatt li kien imdawwar minn numru mdaqqas ta’ karattri kkuluriti li kienu assoċjati ma’ stejjer xejn sbieħ. Kien hemm ukoll il-kummenti xejn sbieħ kontra Daphne Caruana Galizia ftit qabel ma nqatlet, wara li karozza bomba splodiet ftit ’il bogħod mid-dar tagħha fil-Bidnija.
Iżda minkejja dan ix-xenarju, fl-aħħar ħames snin ma kien hemm ebda stilla mill-klassi ta’ żgħażagħ li wrew tmexxija u direzzjoni politika ċara. Kien hemm wisq dipendenza fuq Roberta Metsola li kienet tat l-impressjoni li kienet se tkun hi li tmexxi lill-Partit Nazzjonalista.
L-anzjani kollha sparixxew u għalhekk kien fadal biss dawk il-ġodda bħal Darren Carabott, Mark Anthony Sammut u Alex Borg. Imma minn dawn it-tlieta, huwa biss l-Avukat Alex Borg ta’ 29 sena li huwa lest jisfida lil kulħadd. Il-mistoqsija hi jekk hux lest jisfida lil Delia li hu jirrispetta u jikkunsidra bħala ħabib.
Imma ħafna jikkunsidraw lil Borg bħala popolista u viċin wisq il-lobby tan-negozju. Min-naħa l-oħra hemm min jargumenta li Borg għandu l-ikbar ċans li jnaqqas id-distakk bejn il-PN u l-PL, u forsi b’miraklu jrebbaħ lill-Partit Nazzjonalista. Iż-żmien itina parir!