Darren Carabott | Tmexxija li tispira

Il-missjoni tagħna hija aktar minn rebħa politika, imma hija l-bini mill-ġdid ta’ fiduċja bejn il-poplu u l-politika

Ir-riżenja mhux mistennija ta’ Bernard Grech din il-ġimgħa, xegħlet ħuġġieġa ta’ diskussjoni kemm fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, kif ukoll Nazzjonali, dwar il-futur tal-politika ta’ pajjiżna. Mhux kuljum li jirreżenja kap ta’ partit politiku, u għalhekk meta jinħoloq dan it-tip ta’ vacuum, naturali li jinbet dibattitu dwar l-aspirazzjonijiet għal dak il-partit, fi sfond ta’ proċess demokratiku f’waqtu. 

Min-naħa tiegħi, minnufih insellem il-kuraġġ ta’ Bernard Grech li għal darb’oħra wera s-sens ta’ dmir qawwi lejn pajjiżna, u kif dejjem qiegħed lilu nnifsu l-aħħar, u lil Malta l-ewwel. It-tmexxija ta’ Dr Grech tibqa’ mfakkra għall-ħidma bla heda li ġabet riżultati sbieħ u inkoraġġanti. Flimkien tegħemna r-rebħa, u naqqasna d-distakk b’mod konsiderevoli, madanakollu t-tiġrija sal-barkun, u llum erġajna ninsabu f’salib it-toroq sinifikanti ieħor. 

Mhux ħa noqgħod nintilef fuq il-passat, għax nemmen li dak kulħadd jafu sew. Inħallu lill-istoriċi jiddiskutuh. Però, nixtieq naqsam ftit ħsibijiet dwar dak li naħseb għandu jkun il-futur tal-Partit Nazzjonalista.   

Nemmen li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jerġa’ jkun forza politika li tispira lill-Maltin u ’l-Għawdxin. Bħala moviment politiku kredibbli, jeħtieġ li jerġa’ jikseb dik il-kapaċità li forsi fl-aħħar snin tilef xi ftit, li jispira u jħeġġeġ lill-imħuħ u l-qlub li jsegwuh, jimmilitaw fih, u fl-aħħar mill-aħħar jagħtuh l-appoġġ tagħhom. Dan kien għamlu b’suċċess kbir meta Malta l-iktar kienet teħtieġ tmexxija soda, u viżjoni kuraġġuża. Iż-żminijiet tal-lum ma jeħtieġu xejn inqas minn hekk. 

Jeħtieġ nimxu ’l quddiem b’sens ta’ serjetà, u mingħajr klixejiet vojta u għajjenin. Għalhekk fil-bidu ta’ dan il-proċess elettorali nixtieq nisma’ ħafna inqas il-kelma ‘niġġeddu’, li titlef is-sinifikat tagħha kull darba li nismagħha, iżda nisma’ iktar ideat ta’ kif tassew ħa nġibu bidla vera u profonda li tmur lil hinn mill-islogans. 

Il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jinbena mill-ġdid, minn ġewwa għall-barra. Jeħtieġ ristrutturar bis-serjetà, ta’ kif nikkomunikaw mal-familji u l-individwi, b’mod partikolari f’Medialink, iżda wkoll kif nużaw il-mezzi moderni tal-media. Id-dinja llum tinbidel b’rata ferm iktar mgħaġġla, u ma nistgħux ninqabdu spettaturi għal sekonda.  

M’għadux biżżejjed li nkunu attivi fuq Facebook jew Instagram. Illum in-nies jiksbu l-aħbarijiet, jiffurmaw opinjonijiet u jikkunsmaw il-media tagħhom fuq mezzi informali, bħal podcasts, live streams, u oħrajn. Il-modi medjatiċi fi żmien l-elezzjoni li jmiss jafu jkunu totalment differenti, u għalhekk jeħtieġ li nkunu attenti u sensittivi għal dan iċ-ċaqliq. 

Jeħtieġ li nitkellmu b’mod li jolqot lill-ġenerazzjoni kollha, b’mod intelliġenti u attraenti. Dan ma jistax ikun xi dettall sekondarju jew ħsieb żejjed, imma għandna nqisuh bħala kanal dirett tal-komunikazzjoni mal-elettorat. 

Għax ejja nkunu onesti, il-Partit Nazzjonalista għandu ħafna sustanza. Fl-aħħar snin ħdimna fuq li ħdimna, ipproponejna u konna Oppożizzjoni kostruttiva fuq kull kwistjoni li kien hemm. F’ċerti każi saħansitra effettwajna d-dibattitu nazzjonali aħna. 

Dan wettaqnieh għax għandna nies tajbin, ta’ esperjenza, u b’entużjażmu, kemm fil-Grupp Parlamentari, kif ukoll fil-partit kollu, iżda l-messaġġ tagħna għadu jbati sabiex jinfirex kemm jixraq u mixtieq. Il-valuri tagħna, il-proposti tagħna, u l-ħidma tagħna mhumiex qed jaslu. Dan mhux ħabba f’nuqqas ta’ ideat, imma nuqqas ta’ komunikazzjoni effettiva. 

L-iktar importanti hu li l-persuna li se tintgħażel sabiex tmexxi l-Partit Nazzjonalista, tkun min tkun, għandha jkollha l-istatura ta’ politiku kapaċi u li  jikseb l-ammirazzjoni ta’ pajjiż sħiħ — persuna li tassew tkun idonea biex tkun il-Prim Ministru tal-futur ta’ Malta. 

Mhux sempliċement bħala Mexxej tal-Oppożizzjoni jew figura partiġġjana, imma statista. Persuna li tispira. Li tixpruna fiduċja. Li tirrappreżenta mhux biss lil dawk li jivvutaw lill-PN, imma lil pajjiż sħiħ li għandu bżonn direzzjoni ġdida u eċitanti. 

Il-mument hu wieħed delikat, imma wkoll mimli potenzjal. Il-Gvern Laburista, wara tant snin fil-poter, m’għadux joffri ispirazzjoni. In-nies għejew, diżillużi, u f’bosta każijiet, qed iħossu li l-politika ma sservihomx. F’dak l-ispazju vojt, għandna opportunità kbira — imma rridu nkunu kapaċi nidħlu f’dak l-ispazju b’mod effettiv, u nimlewh b’viżjoni u tmexxija li tispira. 

Dan mhux biss mument dwar min se jokkupa kariga jew dwar strateġija elettorali. Huwa mument ta’ verità għalina bħala partit. Irridu nieħdu deċiżjonijiet iebsa. Irridu ngħaddu minn proċess ta’ rinaxximent li mhux biss joħloq sensazzjoni ta’ bidla, imma li tassew iġib ir-riżultati li l-pajjiż jeħtieġ. 

Il-persuna magħżula għat-tmexxija li jmiss trid tkun simbolu ta’ serjetà, determinazzjoni u integrità. Xi ħadd li ma tibżax mill-kritika, li taf tisma’, u li taf tmexxi. Persuna li kapaċi tiġbor in-nies magħha — mhux billi ċċedi, imma billi tispira. Li turi kif il-politika tista’ tkun nobbli, u li l-ġid komuni mhux kliem vojt imma direzzjoni konkreta. 

Dan kollu jfisser li l-missjoni tagħna hija aktar minn rebħa politika, imma hija l-bini mill-ġdid ta’ fiduċja bejn il-poplu u l-politika.  

Il-ġenerazzjoni l-ġdida waslet. Il-mistoqsija hi jekk hix se ssib tmexxija li tgħinha tilħaq l-aspirazzjonijiet li kapaċi tilħaq. U f’din il-missjoni, m’hemmx lok għal kompromessi fuq il-valuri u l-kwalità tat-tmexxija. 

Il-mument hu issa. Ejja nilħquh flimkien.

L-Avukat Darren Carabott huwa l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi 

More in Politika