Clyde Puli | Lil hinn mill-illużjonijiet – Il-bidla li hemm bżonn

Is-soluzzjoni għall-Partit Nazzjonalista mhix sempliċi bidla ta’ kap ieħor li għamel ħiltu kollha. L-istennija tal-Messija mhux se tissarraf f’xi soluzzjoni maġika. Għall-kuntrarju toħloq aktar kompjaċenza u staġnar. Hemm tibdiliet importanti li jridu jiġu indirizzati mill-aktar fis

Bla dubju, Bernard Grech ta l-aħjar tiegħu biex jagħti ħajja ġdida lill-Partit Nazzjonalista. Il-fatt li ma rnexxilux ma jnaqqas xejn mill-gratitudni li hemm lejh bħala persuna li ta sehmu fi żmien daqstant diffiċli għall-partit.  

Fl-aħħar ħames snin, is-surveys qatt ma kienu favurih. Il-PN baqa’ dejjem minn taħt u t-Trust Rating tiegħu baqgħet baxxa ħafna kkumparata ma’ dik ta’ Robert Abela. Dawk is-sondaġġi, anke jekk mhux preċiżi, kienu riflessi fl-elezzjonijiet ġenerali, tal-Parlament Ewropew, u tal-Kunsilli lokali. Madankollu, ir-riżenja tiegħu ftit ġranet ilu ma kinitx ideali, daqskemm ma kinitx in-nuqqas tagħha wara l-elezzjoni tal-2022. Imma li jintefa’ t-tort kollu ta’ dawn ir-riżultati fuq Bernard Grech huwa totalment skorrett.  

It-tmexxija ta’ Grech twieldet bħala kompromess ta’ konvenjenza fi kriżi interna. Huwa kkontesta lil Adrian Delia li kien diġà fil-kariga u f’nofs terminu ta’ tmexxija. Sentejn ta’ ġlied intern u l-elezzjoni għall-Kap innifisha ħalliet togħma morra u feriti li baqgħu ma fiqux. L-istrateġisti tiegħu ħarġu bil-mantra ta’ ‘Niġġeddu, Ningħaqdu u Nirbħu’ u għamlu appell biex kull min ġie elett tliet darbiet jagħmel spazju għal min għadu ma telax. Dan fisser li diversi deputati ta’ esperjenza u statura għażlu li ma jikkontestawx l-elezzjoni tal-2022. Oħrajn ikkontestaw u ma ġewx eletti, u dawk li ġew eletti ġew imwarrba fl-ewwel reshuffle.  

Sadanittant, Delia, elett minn żewġ distretti, wera li minkejja kollox baqa’ jaħdem b’lealtà u rebaħ il-kawża Vitals, u Metsola saret President tal-Parlament Ewropew u ġabet rekord ta’ voti. L-istatura ta’ dawn it-tnejn kibret ħafna tant li setgħet iġġenerat paraguni fil-konfront tal-Kap uxxenti. Fl-istess waqt diversi deputati bdew ta’ spiss jagħmlu l-pożizzjoni politika personali tagħhom pubblika, anke jekk din kienet tmur kontra l-pożizzjoni uffiċjali tal-partit. Il-każ ta’ Manoel Island u x-xenati grotteski kontra l-ispeaker fil-parlament esponew in-nuqqas ta’ spazju li Bernard Grech kellu biex jimbotta n-narrattiva li xtaq hu. Fil-mument li Grech prova jinqata’ min-narrattivi preferuti ta’ dawk li tellgħuh, spiċċa tilef l-appoġġ wiesa’ li kap għandu bżonn biex imexxi. 

L-istennija għall-miġja tal-Messija 

Is-soluzzjoni għall-Partit Nazzjonalista mhix sempliċi bidla ta’ kap ieħor li għamel ħiltu kollha. L-istennija tal-Messija mhux se tissarraf f’xi soluzzjoni maġika. Għall-kuntrarju toħloq aktar kompjaċenza u staġnar. Hemm tibdiliet importanti li jridu jiġu indirizzati mill-aktar fis. L-anqas l-illużjonijiet tan-numri miksuba fl-elezzjonijiet tal-MEPs mhuma s-soluzzjoni. Lil hinn mill-persentaġġi, in-numri tal-PN ma kinux wisq ’il bogħod minn dawk li kiseb fl-aħħar 20 sena. Dak ir-riżultat ukoll serva biex joħloq aktar kompjaċenza u reżistenza għall-bidla li l-ħtieġa tagħha kienet ilha tinħass.  

Kap ġdid irid ikun għalhekk kap kariżmatiku li jispira lin-nies. Kap li jisfida l-kompjaċenza u l-istatus quo. Kap ġdid irid jabbraċċa l-bidla u l-innovazzjoni. Kap li kapaċi jempatizza daqskemm jiddixxiplina. Min ma jbiddilx ibiddlu lilu. 

Imma filwaqt li hawn konsensus wiesa’ dwar il-ħtieġa ta’ bidla, ma jistax jingħad l-istess dwar id-direzzjoni tal-bidla li hemm bżonn. Din se tirrikjedi analiżi klinika u kultant brutali biex jiġu stabbiliti l-fatti u t-triq ’il quddiem. X’tip ta’ Partit għandu jkun il-PN? Konservattiv, Liberali, jew woke? U f’moħħi qed niddistingwi b’mod ċar bejn liberali u moderati, u estremisti woke. 

Lezzjonijiet mill-istorja riċenti  

Responsabbiltà – Ir-responsabbiltà tar-riżultati tal-lum hija ta’ dawk kollha li qed imexxu llum. Tnax-il sena wara l-elezzjoni tal-2013, il-PN ġdid ma jistax jibqa’ jaqa’ għan-narrattiva tal-Partit Laburista u jwaħħal f’dak li ġara taħt gvernijiet Nazzjonalisti għan-nuqqaas ta’ popolarità li għandu llum. Jeħtieġ kulħadd ixammar il-kmiem u jaħdem biex jibdel fejn hemm bżonn u jżomm dak il-ħafna tajjeb li llum saħansitra addottah u għamlu tiegħu l-Partit Laburista. Baqa’ xi partit f’Malta kontra l-liberaliżmu tal-PN li jkun nazzjon liberu, l-Unjoni Ewropea, l-Ewro, is-suq ħieles jew it-tekonoloġija tal-informatika?  

Legat b’saħħtu u mod ġdid – Tmien snin wara l-elezzjoni tal-2017, il-PN irid isib mod ġdid kif jikkonvinċi lill-poplu. Il-legat kbir li nkiseb bejn l-1987 u l-2013, u li ntrema fis-snin li wasslu għal dik l-elezzjoni, żnaturaw l-identità tal-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista għandu l-valuri tiegħu u l-elettorat tiegħu stess mhux lest jivvota lill-PN biex jikseb Partit Laburista ieħor. L-ossessjoni fuq il-kwistjoni tal-korruzzjoni askapitu ta’ weġgħat tanġibbli li kienu qed iħossu n-nies. Dan in-nuqqas ta’ empatija wassal biex il-partit deher maqtugħ mir-realtà tal-maġġoranza tan-nies. L-approċċ goff fil-komportament u fil-preżentazzjoni tal-argumenti, anke fejn kienu korretti, komplew biegħdu lin-nies mill-partit. 

Għaqda mibnija fuq valuri aktar milli simpatiji: Wara l-2019, il-partit spiċċa fi gwerra ċivili frott dak li ġara bejn l-2017 u l-2020. U dak li ġara qatt ma missu ġara. Kien żbaljat. Ħalla feriti li ma ngħalqux. Il-valur tad-demokrazija interna ma kienx irrispettat meta l-ħidma ta’ kap elett demokratikament kienet kontinwament issabotaġġjata. L-assassinju tal-karattru tiegħu serva biss biex ħoloq weġgħat personali u feriti fost il-partitarji u biex elimina kull ċans li l-partit jirbaħ l-elezzjonijiet li ġew immedjatament wara. L-għaqda tal-partit tista’ biss tkun mibnija fuq valuri komuni aktar milli simpatiji fazzjonali li jservu biss biex jifframmentaw il-kobor u s-saħħa ta’ partit sħiħ.  

Mod ġdid – It-tfittxija għat-triq ’il qudddiem 

Huwa ċar daqs il-kristall li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ mod ġdid. Mod ġdid ibbażat fuq il-prinċipji bażiċi li jsawruh u fuq strateġiji aġġornati li jirriflettu soċjeta u politika moderna. 

Soċjeta li nbidlet: Il-PN jeħtieġ iżomm idejh fuq il-polz tas-soċjetà. Studju soċjoloġiku jista’ jagħtih apprezzament aħjar tal-bidliet li seħħew fl-aħħar snin anke b’riżultat tal-politika ta’ gvernijiet Nazzjonalisti sussegwenti. Id-dritt tal-għażla li introduċa Fenech Adami, f’moħħ ħafna nies, ma baqax biss assoċjat mal-ixkaffa tas-supermarket u nfirex għal aspetti oħra tal-ħajja personali. Is-sens ta’ libertà individwali llum mhux ikkontestat.  

Ideoloġija u skop aġġornat: Il-prinċipji jibqgħu sagri. Imma l-applikazzjoni tagħhom jista’ jkun li jinbidel. Il-prinċipji tal-PN, bla dubju, jinkludu l-preservazzjoni tal-ħajja, tal-familja, u tan-nazzjon, imma jinkludu wkoll l-individwu, il-libertà, u d-demokrazija. U għaldaqstant, il-PN jista’ biss jippreserva ċerti valuri billi jaħdem biex jipperswadi. Dan ifisser li l-PN ikun qed jonqos sew jekk jaddotta valuri li jmorru kontra n-natura tiegħu, bħall-valuri woke, u jonqos ukoll jekk jibqa’ sieket. Il-għala l-PN għandu jiddejjaq jiddefendi l-ħajja u l-kultura Maltija? Meta Fenech Adami tilef l-elezzjoni tal-1996 ma waqafx jemmen fl-Ewropa imma sempliċement wiegħed li jekk jerġa’ jirbaħ jagħmel referendum biex ikun ċert li lill-Maltin jikkonvinċihom dwar is-sħubija. Il-PN rebbieħ kien dak ċentrista u moderat. Dak li ħaddan valuri imma mhux djuq. Il-PN kien dak il-partit li ħolom u wettaq Malta Nazzjon u Malta Ewropea, b’Maltin liberi, b’livelli t’edukazzjoni u kwalità ta’ ħajja dejjem ogħla.  

Il-Partit Nazzjonalista kien Partit moderat li sab it-third way bejn il-kapitaliżmu u s-solidarjetà, bejn individwu u komunità, u bejn konvinzjoni u persważjoni. Dik għadha riċetta valida sal-lum. U fl-aħħar snin, dan is-sens ta’ valuri u prattiċità għaqlija fil-PN intilef hekk kif esponenti tiegħu ġibduh lejn mantra waħda li waħedha hija prinċipju nobbli imma kawża telliefa. U min ma jirbaħx ma jiggvernax, u s-sewwa li jemmen fih ma jwettqux. 

Partit sid tal-aġenda tiegħu u alleanzi strateġiċi: Il-PN għandu bżonn jaħdem mill-qrib mas-soċjetà ċivili, mal-midja, u ma’ atturi oħra fis-soċjetà ċivili. Mhux bilfors biex jaqbel fuq kollox, imma hemm spazju għal djalogu ta’ rispett li jibni alleanzi fejn hemm valuri komuni.  

Imma l-aġenda tiegħu għandu jfassalha hu u m’għandu jaċċetta qatt li xi ħadd jimponilu l-aġenda tiegħu. U l-anqas għandu jiddejjaq iwieġeb jew jaqta’ minn relazzjonijiet tossiċi li jservu biss biex iċekknu r-relevanza tal-partit.  

Anke jekk mhux daqs qabel, il-PN għandu bażi b’saħħitha fil-klassi medja u professjonali. Importanti li jibqa’ jistinka biex iżommha. Imma fl-istess waqt irid jifhem li din hi faxxa żgħira ħafna mill-popalazzjoni Maltija u biex jirbaħ irid jitkellem bil-lingwa li tinftiehem minn kulħadd u jagħti importanza tal-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd. 

Partit inklussiv li jirrispetta u jirrikonoxxi: L-inklussività u r-rikonoxximent u r-rispett ta’ faxex diversi huwa importanti. Forsi m’hemmx ċans ta’ konverġenza ma’ kulħadd, imma kull faxxa u kull individwu għadhom iħossu li l-partit jivvalorizza l-identità tagħha u tagħhom. Le, mhux l-ekonomija kollox. Dak l-aspett li Fukuyama jsejjaħlu ‘recognition’ huwa daqstant importanti jekk mhux aktar mill-ekonomija.  

U din ir-‘recognition’ tgħodd għall-membri kollha tal-partit. Kif tista’ titlef għexieren ta’ esponenti u tibqa’ qisu ma ġara xejn? Jason, Edwin, David, Kristy, Herman, Mario, Jean ... 

Jekk il-PN irid jerġa’ jkun forza reali, irid jara li dan il-mument ibiddlu f’opportunità, u ma tkunx biss bidla ta’ kap, imma bidla ta’ direzzjoni. Wara din l-elezzjoni, il-PN irid jaċċetta r-rule of law, għaliex il-bidla trid tkun waħda demokratika. Min jaħraq Ruma biex jaħtafha jista’ jsir biss imperatur tal-irmied. U l-PN jeħtieġ jibqa’ jeżisti għall-ġid ta’ dan il-pajjiż.  

 

More in Politika