Abigail Camilleri | Il-politika bħala servizz lill-poplu

'Il-poplu llum jistenna aktar mill-politiku. Mhux biżżejjed wegħdi jew soluzzjonijiet ta’ malajr iżda politika ta’ servizz li tagħraf verament tippjana b’mod strateġiku u bi mħabba lejn il-pajjiż senza interessi'

Propju fis-7 ta’ Mejju, kienet il-ġurnata li fiha tliet snin ilu ħadt il-ġurament tal-ħatra fl-ogħla istituzzjoni ta’ dan il-pajjiż. Nistqarr li minn dik il-ġurnata ’l quddiem ħajti nbidlet kompletament u bdejt nifhem dejjem aktar kemm il-politika hija għodda b’saħħitha li tista’ tkun ta’ għajnuna għan-nies u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.  

Gvern Laburista dejjem mexa fuq il-prinċipju li n-nies jibqgħu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet. Matul dawn is-snin, Gvern Laburista rnexxielu jwettaq kisbiet importanti li tejbu ħajjet in-nies. Ta d-dinjità lill-pensjonanti tagħna għax hekk jixirqilhom b’żidiet sostanzjali u kostanti fil-pensjonijiet, investa fis-sistema edukattiva ta’ wliedna b’miżuri li jnaqqsu l-piż minn fuq il-ġenituri u jagħtu għajnuna lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jibqgħu jistudjaw. Baġit wara ieħor, rajna miżuri soċjali favur il-familji u issa wkoll, tnaqqis tat-taxxa, akkomodazzjoni affordabbli, investiment fis-saħħa, miżuri għall-intrapriżi ż-żgħar, kif ukoll skemi u miżuri favur l-ambjent. Dan seħħ għaliex Gvern Laburista kien kapaċi jżomm kuntatt man-nies, jisma’ l-istejjer tagħhom u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom. Il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela wara li ta widen għal dak li kellhom xi jgħidu n-nies, ra li jittieħdu dawk id-deċiżjonijiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u tal-Maltin.   

Illum qed ngħixu f’dinja bi sfidi politiċi, ambjentali, soċjali u ekonomiċi u għalhekk dan jitlob reazzjonijiet maturi u strateġiċi. U dan proprju li qed jagħmel dan il-Gvern. Bit-tnedija tal-‘Viżjoni għal Malta 2050’ qed naraw biċ-ċar li dan il-Gvern għandu viżjoni ċara għall-futur, għal Malta aktar b’saħħitha, reżiljenti, ġusta u sostenibbli. L-enfasi fuq tkabbir sostenibbli, servizzi aċċessibbli u użu għaqli tar-riżorsi naturali juru potenzjal ta’ politika li tassew tisma’ u tħaddan dak li jixtieq iċ-ċittadin. F’dan il-kuntest, Għawdex għandu jingħata attenzjoni speċjali, mhux biss bħala reġjun b’karatteristiċi uniċi, iżda wkoll bħala gżira b’potenzjal għal żvilupp sostenibbli u innovattiv mingħajr ma jnaqqas mill-karattru distintiv tal-istess gżira. Il-Viżjoni 2050 tagħraf l-importanza tal-konnettività u infrastruttura aħjar. Dan huwa l-qofol sabiex jiġi attirat aktar investiment fuq din il-gżira u b’hekk toffri, mhux biss opportunitajiet ta’ xogħol, iżda wkoll karrieri fil-qasam diġitali. Nemmen li għandna ninvestu aktar fl- ‘ekonomija blu’ anke sabiex jinħoloq aktar xogħol ta’ kwalità li fl-istess waqt jipproteġi l-baħar ta’ madwarna.  

Pilastru fundamentali tas-setturi kollha hija l-edukazzjoni u hawnhekk ukoll il-Gvern qed juri li għandu viżjoni ċara għal dan il-pajjiż mibnija propju min-nies u għan-nies. L-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni 2024-2030 għandha rwol kruċjali sabiex ikollna edukazzjoni inklussiva fejn kull individwu ma jibqax jara l-edukazzjoni biss bħala mezz kif isib xogħol iżda jagħraf il-valur tiegħu stess bħala ċittadin attiv.  

Il-poplu llum jistenna aktar mill-politiku. Mhux biżżejjed wegħdi jew soluzzjonijiet ta’ malajr iżda politika ta’ servizz li tagħraf verament tippjana b’mod strateġiku u bi mħabba lejn il-pajjiż senza interessi.  

Kemm ilni fil-Kamra tar-Rappreżentanti, qed nifhem li bħala deputati rridu nkunu attenti għal dak li jista’ jkun qed jinkwieta lill-poplu ħalli jittieħed rimedju ta’ malajr u effettiv. Fuq kollox, irid ikollna kuntatt regolari mal-kostitwenti ħalli nifhmu x’inhuma l-ambizzjonijiet tagħhom. B’hekk biss inkunu nistgħu nfasslu politika ekonomika u soċjali ġusta li tilħaq l-aspettattivi tal-poplu u tkun garanzija, mhux biss ta’ tkabbir ekonomiku, iżda wkoll ta’ kwalità tal-ħajja aħjar. 

More in Politika