
Naomi Cachia | Id-dinjità f’ħajjitna u fi tmiemha
'Meta affaċċjat bil-karba tal-muġugħ li qed jgħidlek li ma jridx ikompli jsofri, u jixtieq li jkollu l-għażla li jtemm ħajtu b’dinjità, il-leġiżlatur għandu jikkunsidra l-argumenti favur u kontra? Jien nemmen li iva'

Spiss nitkellmu fuq id-dritt tal-ħajja. Huwa argument li jsib ruħu fiċ-ċentru ta’ bosta mid-dibattiti etiċi, morali u filosofiċi, li bla dubju iqanqlu emozzjonijiet kbar u opinjonijiet varji, anzi spiss polarizzati. Fl-istess waqt, diskussjoni li tmiss mal-mewt hija dejjem waħda sensittiva, eżistenzjali u personali għal kull individwu.
Allura, ladarba l-Gvern qed jistieden il-kontribut tagħna fi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fuq l-Ewtanasja Volontarja Assistita u qafas ta’ prinċipji u salvagwardji proposti, wieħed għandu jistenna dibattitu emozzjonali. Suġġett bħall-ewtanasja jixraq li jkollu diskussjoni wiesgħa u matura, fejn nisimgħu lil xulxin u nikkunsidraw il-perspettivi kollha inkluż l-implikazzjonijiet morali u legali. B’hekk, minn dejjem kont inħoss li kienet aħbar tajba ferm li l-manifest elettorali tal-Partit Laburista inkluda proposta għal din id-diskussjoni.
Madwar tmien snin ilu, meta kont għadni attivista żagħżugħa fi ħdan il-Forum Żgħażagħ Laburisti, internament fi ħdan il-fergħa spiss konna niddiskutu din it-tema. Infatti, f’April tal-2017, bħala uffiċjal politiku tal-istess fergħa kont organizzajt diskussjoni msejħa ‘L-Ewtanasja: Dritt li ttemm ħajtek b’dinjità?’ Il-preparamenti għal din l-attività laqqgħuni ma’ Chalie Agius, inzerta Rabti bħali. Chalie kellu madwar 50 sena, u kellu marda rari li kienet qed tikkundizzjonalu ħajtu. Mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-kundizzjoni għax ma nħossx li hu ġust dment li m’iniex ġejja mill-qasam mediku, l-effett tagħha kien li ma setax jgħix ħajja indipendenti u jfendi għal rasu anke fl-iżjed affarijiet sempliċi ta’ kuljum, l-affarijiet li ħafna minna m’aħniex grati għalihom. Kien qed ibati u ma kellux tama li l-affarijiet setgħu jmorru għall-aħjar.
Niftakar, xi ħadd tani n-numru tat-telefown tiegħu, u ċempiltlu. Introduċejt ruħi u għedtlu li qed nipprepara għal din id-diskussjoni. Kienet telefonata li ma ninsa qatt. Chalie kien jitkellem b’mod apert fuq l-ewtanasja, u qed insemmi l-istorja tiegħu għax kien għażel li jagħmilha pubblika hu ukoll. Is-sofferenza kienet qed tikkaratterizzalu ħajtu. Miegħi beka u fetaħ qalbu. Ma kienx jafni, kull ma kien jaf li jien attivista u li kelli interess fis-suġġett. Niftakru jgħidli biex nibqa’ nirsisti biex f’pajjiżna nitkellmu iżjed dwar l-ewtanasja. Wegħedtu li se nagħmlu li nistgħu, u li mhux se ninsa x-xewqa tiegħu.
U allura, esperjenzi bħal dawn iġegħluk taħseb fuq il-ħajja: id-dritt tal-ħajja u l-valur tal-ħajja. Meta affaċċjat bil-karba tal-muġugħ li qed jgħidlek li ma jridx ikompli jsofri, u jixtieq li jkollu l-għażla li jtemm ħajtu b’dinjità, il-leġiżlatur għandu jikkunsidra l-argumenti favur u kontra? Jien nemmen li iva. Anzi nħoss li hu dmir, la darba nemmen u nipprattika politika bbażata fuq l-imħabba, l-empatija u l-kompassjoni. Din il-diskussjoni hi, attwalment, eżerċizzju ta’ kompassjoni vera, fil-prattika.
Illum nitkellmu dwar il-kwalità ta’ ħajja b’mod kontinwu. Nagħrfu li l-bniedem ma jridx biss jeżisti, imma li jrid jgħix – anzi, irid jgħix ħajja tajba. Ma jridx biss jaħdem, imma irid xogħol ta’ kwalità. Irid ir-rispett u d-dinjità. Allura għalfejn ma nitkellmux iżjed dwar id-dinjità fi tmiem il-ħajja?
Ovvjament ma nistax ma nirrikonoxxix is-servizzi ta’ kura paljattiva, iżda nħoss li waħda ma teskludix l-oħra. Filwaqt li l-istat għandu l-obbligu li jkompli joffri u jinvesti fl-aqwa kura paljattiva, jibqa’ l-argument li kull pazjent, dment li jkun fi stat tajjeb ta’ saħħa mentali u mhux sfurzat, għandu jkollu l-libertà tal-għażla, li jieħu dik id-deċiżjoni li jħoss li hi l-iżjed dinjituża għalih, u li tiġi rrispettata totalment l-awtonomija tiegħu.
Sena wara li sirt nafu, Chalie ħalliena. Għallimni li wara dibattitu bħal dan hemm stejjer umani li b’responsabbiltà nistqarr li nħoss li għandhom bżonn jinstemgħu.
Seba’ snin wara, l-ewtanasja fl-aħħar tinsab fuq l-aġenda nazzjonali. Sintendi, din id-diskussjoni ma tistax tkun biss ikkaratterizzata minn stejjer bħal ta’ Chalie, imma għandha tkun ibbażata fuq kriterji ċari u salvagwardji li jipproteġu lil min hu vulnerabbli. Infatti, il-Gvern qed ikun ċar kristall mill-punt tat-tluq, li abbażi ta’ dak li hu propost ghall-konsultazzjoni, mhux kull min għandu marda terminali se jkun jista’ jagħmel l-ewtanasja volontarja assistita, imma t-talba trid issir b’ċertifikat minn speċjalista li jipprovdi li l-pazjent isofri minn marda terminali irriversibbli li raġonevolment se ttemmlu ħajtu fi żmien sitt xhur. U allura, f’każijiet fejn ikun ċar li l-mewt ta’ tibqax mistoqsija ta’ meta, imma kif.
Dawn il-kriterji u l-pakkett ta’ prinċipji u salvagwardji issa qegħdin hemm għall-iskrutinju u l-kontribuzzjoni ta' kulħadd. Li hu żgur hu, li d-diskussjoni trid issir. Ma nistgħux nibqgħu naħarbu minn suġġetti importanti sempliċement għax jafu jkunu kontroversjali. Xogħol il-leġiżlatur issa hu li jisma’ u jiżen sew dak li qed jintqal, b’maturità, b’sensittività u lil hinn mill-għamad partiġġjan li sfortunatament jirnexxilu joħnoq ħafna dibattiti sinifikanti għal pajjiżna.
Naomi Cachia hija Membru Parlamentari, avukat u medjatur, u l-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern