Żviluppaturi jinġabru għar-riċeviment biex jagħtu donazzjoni

Negozjanti involuti fil-proġett ta’ Manoel Island mistiedna fost oħrajn fil-kwartieri tal-Partit Laburista waqt attività esklussiva biex jinġabru fondi 

Fil-maratoni ġbir ta’ fondi għall-partiti ewlenin Maltin, il-partiti politiċi jagħtu l-impressjoni falza li jiddependu fuq il-flus tan-nies tat-triq imma r-realtà hi li huma jiddependu fuq donazzjonijiet kbar mill-iżviluppaturi. 

Tant hu hekk li ftit ġranet ilu, il-Partit Laburista stiednu numru ristrett ta’ l-ikbar negozjanti fl-industrija tal-bini f’Malta fil-kwartieri tal-Mile End fil-Ħamrun. Infatti, kienet tispikka l-preżenza tan-negozjanti involuti fil-proġett ta’ Manoel Island li kienu mistiedna fil-kwartieri tal-Partit Laburista waqt attività esklussiva biex jinġabru fondi.  

Bħalissa quddiem il-parlament hemm 29,000 firma u hemm talba biex Manoel Island jingħata lura l-poplu. Il-Prim Ministru Robert Abela diġà wera li mhux lest jikkunsidra din it-talba, bl-iskuża li l-kuntratt ma jistax jinħall u li l-Gvern m’għandux iħallas flejjes kbar lill-MIDI.  

Il-Partit Laburista għandu storja twila li jiffavorixxi l-industrija tal-bini u jżomm distanza mill-għaqdiet ambjentali li jarahom elitisti. U filwaqt li l-PN ma jonqosx milli jipprova jagħmel l-istess, il-Gvern Laburista kompla fuq l-iżbalji tal-PN u anzi fetaħ beraħ it-tip ta’ żvilupp li jista’ jsir f’pajjiżna billi rriforma l-liġijiet tal-ippjanar. 

Apparti bibita żgħira kien hemm ukoll l-istennija mingħand il-Partit Laburista biex dawk mistiedna jagħtu donazzjoni. Mhux magħruf kemm inġabru flus f’dan ir-riċeviment imma l-liġi tippermetti donazzjoni sa għaxart elef ewro.  

Il-persuni li kienu mistiedna għar-riċeviment ġew ikkordinati mill-istess persuna li huwa sinonimu mal-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni.  

Min-naħa tagħhom il-Partit Nazzjonalista ma organizzax attività man-negozjanti, mhux għax ma xtaqx, imma naqas milli jagħmel u għax bħalissa hemm problemi amministrattivi kbar u limitazzjonijiet biex jorganizzaw attivitajiet interni. 

More in Politika