
Manoel Island jista’ u għandu jiġi rritornat għand in-nies
Jekk nitilqu mill-premessa li dawn l-iżviluppaturi għandhom jiġu mħarsa mill-Partit Laburista mela nistgħu nwaqqfu din id-diskussjoni issa.

Li l-Gvern Laburista ta’ Muscat u issa ta’ Abela huma favur żvilupp huwa ċar kristall, imma mhux in-nies kollha li jappoġġjaw lill-Partit Laburista huma favur li Malta u Għawdex jintradmu taħt l-iżvilupp bla rażan u li tinbiegħ lill-ispekulaturi. 29,000 firma talbu lill-Parlament biex jittrattaw Manoel Island, u t-talba tagħhom kienet li l-gzira ta’ Manoel Island tingħata lura lin-nies. Ir-risposta tal-Prim Ministru kienet waħda bierda għall-aħħar. Qal le għax hemm kuntratt u hemm ukoll spiża biex l-iżviluppaturi jitħallsu lura.
Fost il-firem hemm il-firma tal-President tal-Partit Laburista. Alex Sciberras mhuwiex yes man u esprima dak li jemmen. Hemm ħafna oħra bħalu. Min-naħa l-oħra, fuq programm tar-radju, Owen Bonnici, il-Ministru l-ġdid tal-Artijiet, iddefenda l-konċessjoni ta’ Manoel Island. Xejn sorprendenti minn persuna li ta direct order lil persuna li jopera minn razzett ġewwa Spanja u huwa magħruf għall-kritika oxxena li jagħmel fuq in-nies.
L-iżviluppaturi jaħsbu li huma s-salvaturi ta’ Malta. Li huma għandhom id-dritt divin li dan il-pajjiż iġibuh mandra. Iġibuh fabbrika ta’ bini, appartamenti, vilel, showrooms u lukandi. U jargumentaw li mingħajrhom dan il-pajjiż ma jkunx jista’ jdawwar l-ekonomija. Li ma jgħidux hu li għandhom regħba kbira u li għandhom il-partiti politiċi fil-but tagħhom.
X’inhu l-iskop li jkollna l-flus meta l-uniku possibbiltà li għandna biex nieħdu n-nifs hu li nitilqu minn pajjiżna?
Il-Partit u l-Gvern Laburista għandhom shareholder ċar – dan huwa l-poplu Malti. L-iżviluppaturi ta’ Manoel Island jirrappreżentaw azzjonisti li għandhom skop wieħed biss … li jkomplu jistagħnew a skapitu ta’ pajjiżna.
Il-Partit Laburista għandu obbligu li jħares l-interessi tan-nies u mhux min għax għandu l-flus jagħmel triq fil-baħar. Dan il-pajjiż ħaqqu aħjar.
Il-kuntratt ta’ Manoel Island kellu ċerti obbligi li ma ġewx rispettati. Jekk il-Gvern irid u jemmen li hemm bżonn żona ħadra f’nofs ġungla ta’ konkrit isib soluzzjoni. Jekk hemm determinazzjoni li naħsbu fin-nies mela nsibu mezz li Manoel Island jerġa’ jingħata lin-nies.
Jekk nitilqu mill-premessa li dawn l-iżviluppaturi għandhom jiġu mħarsa mill-Partit Laburista mela nistgħu nwaqqfu din id-diskussjoni issa.
Illum hemm karba, u l-karba ġejja minn gruppi mmexxija mill-Graffitti; grupp li żgur m’għandux aġenda ulterjuri.
Din se tikber.
F’dan l-editorjal lanqas għamilna referenza għal dak li qal jew ma qalx Bernard Grech dwar Manoel Island. Tant hu politiku limitat, tant m’għandux viżjoni, li anke f’din lanqas kellu s-sens iżomm man-nies. Minflok, żamm ma’ min irid jiżviluppa u huwa sinjurun.
Illum in-nies qed jitkellmu, u jkun ħażin ferm li l-Prim Ministru Robert Abela jinjora x’qed jgħidu. Għax illum l-oppożizzjoni mhux fil-bankini tal-parlament qiegħda, imma fit-triq, f’idejn nies normali li m’għandhom l-ebda skop ulterjuri ħlief li jkollhom pajjiż isbaħ milli hu.