Delia jinnega li riedha ta’ interim leader imma minn kellimna kellu storja oħra

Minkejja kollox jidher li hemm lobby qawwi fil-PN biex Metsola tkun fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni ħalli tikkonfronta lil Robert Abela.

Delia kien kap tal-PN qabel Grech
Delia kien kap tal-PN qabel Grech

Adrian Delia, l-Eks Kap tal-PN, ma’ din il-gazzetta, innega li hu qatt ma tkellem biex ikun interim leader imma persuni qrib Delia qalulna storja differenti. Qalulna li kien qed jingħad li Bernard Grech kien imxebba’ u kien lest jirtira sakemm ikun hemm indikazzjoni ċara li tiġi Roberta Metsola. L-idea kienet li Delia jkun interim leader sakemm tiġi Metsola ftit qabel l-elezzjoni.  

Il-ġimgħa kien hemm għajdut li Grech kien irriżenja u li Delia kien se jkun interim leader. Imma din l-aħbar ġiet imxejna mill-istqarrija ta’ Grech li ddikjara li hu kien u għadu kap tal-PN. Minkejja kollox jidher li hemm lobby qawwi fil-PN biex Metsola tkun fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni ħalli tikkonfronta lil Robert Abela. Metsola, li tokkupa l-kariga tal-President tal-Parlament Ewropew, evitat li tikkommetti ruħha u qed tħalli lil kulħadd jispekula. 

Delia, li kien kap tal-PN sakemm inħatar Grech bħala kap, reġa’ sab postu fil-partit u jibqa’ popolari ħafna mal-partitarji Nazzjonalisti. Huwa oratur tajjeb meta mqabbel ma’ Bernard Grech, imma ħafna osservaturi jaħsbu li Metsola biss tista’ ssalva lill-PN u tkun avversarju denju kontra Robert Abela. 

More in Politika