Ġustizzja għall-Palestina | Minn ħabs miftuħ għal infern fuq l-art

Nistiednu lil kulħadd biex iżomm sħiħ fir-reżistenza kontra l-inġustizzja ta’ din il-gwerra traġika u l-ksur ta’ kuljum tad-drittijiet umani tal-Palestinjani

Diversi gruppi tad-drittijiet umani, inkluż il-Ġnus Magħquda (UN), il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), u l-Kunsill Norveġiż għar-Refuġjati (NRC), iddeskrivew is-sitwazzjoni f’Gaża bħala “ħabs miftuħ”. Gaża ġiet diskritta hekk, wara l-imblokk impost minn Iżrael fuq Gaża, li beda fil-bidu tas-snin 90. Iżrael jikkontrolla l-fruntieri tal-ajru, tal-baħar u tal-art, u ilu għal għexieren ta’ snin jikkontrolla b’madmad tal-azzar kull loqma li tidħol f’Gaża.   

L-imblokk kontinwu ta’ Iżrael fuq Gaża huwa “kastig kollettiv” li jmur kontra l-liġi internazzjonali umanitarja u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Aħna nissieħbu mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda (UNHCR) (2011) u l-Amnesty International (2017) fit-talb tagħhom biex jitħassar dan l-apartheid. Flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħra, inżommu lill-Gvern Iżraeljan responsabbli bħala l-poter okkupanti ghall-atroċitajiet li saru u qed isiru. Naqblu mad-direttur tal-organizzazzjoni Iżraeljana tad-drittijiet umani Gisha, li qal li Iżrael mhux qed timponi l-imblokk biex tevita li jidħlu armi f’Gaża, iżda bħala kastig kollettiv fuq il-popolazzjoni Palestinjana. Oġġetti li f’ħinijiet differenti ġew imblukkati milli jidħlu jinkludu oġġetti ta’ konsum ordinarji bħal xemgħat, kotba, strumenti mużikali, xampù, karti A4, u annimali bħal tiġieġ, ħmir, u baqar.  

Dan l-imblokk kontinwu wassal għal livelli għoljin ta’ anemija f’madwar 65% tat-trabi u insigurtà fl-ikel f’mill-inqas 65% tal-popolazzjoni ta’ Gaża (WHO 2009) ħafna qabel is-sena 2023. Fl-2015, il-Bank Dinji stima li l-imblokk li kien beda fl-2007 wassal għal telf ta’ 50% tal-GDP ta’ Gaża. Is-settur tal-manifattura ta’ Gaża, li darba kien sinifikanti, naqas b’60%. L-ekonomija ta’ Gaża kienet “f’xifer il-kollass” minħabba l-imblokk intenzjonat ta’ Iżrael.  

Fl-2022, l-okkupazzjoni ta’ Gaża minn Iżrael kien wassal għal kriżi umanitarja serja: nuqqas ta’ provvisti essenzjali, aċċess limitat għall-kura tas-saħħa, u livelli għoljin ta’ faqar u qgħad fil-popolazzjoni Palestinjana. Iżrael kien adotta politika formali ta’ separazzjoni bejn Gaża u l-Bank tal-Punent (West Bank), minkejja li t-tnejn huma partijiet mit-territorju Palestinjan. B’hekk il-libertà ta’ moviment tal-Gażani lejn id-dinja ta’ barra ġiet ristretta iktar. 

Illum, il-popolazzjoni ta’ Gaża qed taffaċċja riskju għoli ta’ ġuħ minħabba l-eskalazzjoni tal-imblokk Iżraeljan, kif ukoll minħabba l-invażjoni militari sħiħa. Matul l-aħħar 19-il xahar, l-attakki militari tal-ajru qerdu l-infrastruttura tal-ikel u l-ilma, bħal fran, razzetti, ħwienet tal-ikel u ċisterni tal-ilma. L-attakki Iżraeljani, li jiffokaw fuq l-isptarijiet u l-iskejjel qed joqtlu madwar 27 tifel kuljum (UNICEF Mejju 2025). 

Sa Lulju 2024, il-kampanja tal-ġuħ ta’ Iżrael infirxet ma’ Gaża kollha, u wasslet għall-mewt ta’ mijiet ta’ tfal. Il-każijiet ta’ malnutrizzjoni fit-tfal fit-Tramuntana ta’ Gaża żdiedu bi 300% bejn Mejju u Ġunju 2024. F’Ottubru 2024, il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) wissa li miljun ruħ f’Gaża kienu f’riskju ta’ ġuħ serju.  

Fil-21 ta’ Novembru 2024, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICJ) ħarġet mandati ta’ arrest kontra l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u l-Eks Ministru tad-Difiża Yoav Gallant minħabba “bażijiet raġonevoli” li huma responsabbli li użaw il-metodu tal-ġuħ bħala metodu ta’ gwerra. Madankollu f’Marzu 2025, il-Ministru tad-Difiża ta’ Iżrael għamel dikjarazzjoni uffiċjali fejn qal: “L-ebda għajnuna umanitarja mhi se tidħol f’Gaża.”  

Il-WFP spiċċaw mingħajr l-ikel għall-kċejjen tagħhom f’Gaża fil-25 ta’ April, u l-World Central Kitchen għalqet l-operat tagħha fis-7 ta’ Mejju. Issa żewġ miljun ruħ jinsabu f’ġuħ serju, fosthom 14,000 tarbija li se jmutu bil-ġuħ, jekk il-Gvern Iżraeljan ikompli jipprevjeni l-għajnuna adegwata milli tidħol immedjatament u kontinwament (UN 19 ta’ Mejju, 2025). 

Iżrael ippropona pjan ta’ għajnuna għal Gaza lis-Segretarju Ġenerali tal-UN iddeskrivieh bħala pjan li mhuwiex ibbażat fuq il-prinċipji legali internazzjonali ta’ umanità, imparzjalità, indipendenza u newtralità, iżda pjuttost fuq sistema ta’ “kontroll u limitazzjoni bl-addoċċ tal-għajnuna sal-aħħar kalorija u qamħa.” Il-UNICEF qalet li Iżrael qed juża l-għajnuna bħala “lixka” biex jiġbed ċivili fiż-żoni militarizzati, u qed iġġegħelhom jagħżlu bejn “spostament jew mewt.” 

Il-Gvernijiet Iżraeljani mill-bidu taghhom fl-1948 żammew politiki ta’ okkupazzjoni militari ta’ artijiet Palestinjani u ta’ segregazzjoni razzjali tal-poplu Palestinjan. Setgħat ewlenin tal-Punent bħar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Istati Uniti taw għajnuna kbira lill-proġett Iżraeljan ta’ apartheid vjolenti. Minħabba l-azzjonijiet inumani tal-istat ta’ Iżrael, li wħud minnhom iddeskrivejna hawn fuq, il-poplu Palestinjan ingħaqad fl-2005 f’appell għal kampanja globali ta’ Bojkott, Divestiment u Sanzjonijiet (BDS) kontra Iżrael għat-tkissir tal-liġi internazzjonali umanitarja.  

Għalhekk nistiednu lil kulħadd biex iżomm sħiħ fir-reżistenza kontra l-inġustizzja ta’ din il-gwerra traġika u l-ksur ta’ kuljum tad-drittijiet umani tal-Palestinjani. Uża l-vuċi tiegħek, il-bojkott tiegħek u kun żgur li n-nies kollha fil-Mediterran fl-aħħar jgħixu b’rispett, bi drittijiet ugwali u fis-sliem.

Il-membri ta’ Ġustizzja għall-Palestina jaħdmu ma’ movimenti globali bħal BDS, The Hague Group, u Doctors Against Genocide, waqt li fil-pajjiż jaħdmu ma’ individwi u gruppi li jiġġieldu għall-ġustizzja u l-libertà għal kulħadd.

More in Politika