
Raphael Borg | Lil hinn mill-politika tal-bnadar: X’inhi l-politika?
'Il-politika hija dik; dak li hu tal-pajjiż. Il-politika jagħmilha l-poplu b’dak li jaċċetta u dak li ma jaċċettax. Dak li jemmen u dak li ma jemminx'

Għad-detriment tan-nervi tiegħi, huwa eżerċizzju interessanti li tieqaf u tixtarr ftit ir-retorika tal-poplu dwar il-partiġjaniżmu.
Tgħidli, “Stenna ftit; għaliex qed tuża ‘partiġjaniżmu’ minflok ‘politika’?
Dan għaliex diġà minn hemmhekk għandna idea fundamentalment żbaljata dwar x’jagħmel il-politika. Il-politika ma jagħmilhiex il-parlament jew aħjar, il-partiti — b’mod esklussiv. Meta jgħiduli “tidħolx f’politika, għax il-politika maħmuġa”, nibda nidħak; il-politika fiha nnifisha mhijiex “maħmuġa” — il-partiġjaniżmu hu.
Mela għalhekk, biex nimxu ’l quddiem jeħtieġ nagħmlu distinzjoni: x’inhi “politika”?
Malta hija repubblika parlamentari demokratika. Suppost din nafuha. Iżda nipprattikawha?
Il-politika hija dik; dak li hu tal-pajjiż. Il-politika jagħmilha l-poplu b’dak li jaċċetta u dak li ma jaċċettax. Dak li jemmen u dak li ma jemminx. Il-parlament, suppost, huwa l-vuċi tal-poplu. Jekk m’hemmx biżżejjed rappreżentanza ta’ x’jagħmel il-pajjiż hija problema.
“Repubblika” tfisser “jaħkem il-poplu” — “Res Pubblica”. Imma l-poplu mhuwiex il-partiti. Anzi, jekk għandna noqogħdu a bażi tas-sondaġġi konsistenti, għandna numru konsiderevoli ta’ nies li ma jħossuhomx rappreżentati fil-parlament.
Fiha nnifisha, il-politika hija plurali, mhux ta’ individwi; hija kollettiva, mhux ta’ partit jew ieħor. Għalhekk anke li meta ngħidu “il-gvern” nirreferu biss għal partit fil-maġġoranza huwa żball, għax finalment — suppost, ġaladarba aħna parlament repubblikan demokratiku — il-pajjiż huwa ggvernat mid-deċiżjonijiet meħuda mill-parlament.
Il-problema hi li, b’mod sproporzjonat, bejn il-ħitan tal-parlament ma jiġux mitkellma l-interessi tal-pajjiż kollu, minkejja li huma “eletti”. Il-maġġoranza huma eletti fuq relazzjoni klijentelista — “kif se naqdik” — mhux “kif nirrappreżenta l-fehma tiegħek.” Il-fehma li jirrappreżentaw il-partiti huma tal-klabbs ristretti tagħhom, tal-bagalja magħluqa tagħhom ta’ esperjenzi. Li jekk aħna għandna nagħmlu l-eżerċizzju tedjanti tal-istorja tiegħu malajr nindunaw li li huwa fattwalment rappreżentat mhuwiex l-esperjenza tal-poplu kollu, imma tal-esperjenza ta’ klassi politika dinastika u imprenditriċi u l-lagħqa tagħhom, fejn dawn ta’ l-aħħar lesti jarmu l-esperjenza fattwali tagħhom biex jarawha biss mill-perspettiva ta’ dawk tal-ewwel.
Interessi li huwa mantnut mill-partiti u r-rappreżentanti tagħhom.
Mela anke meta qed inxejru l-bnadar ħomor (jew aħjar, bojod) u blu, m’aħniex inxejru l-bnadar tal-poplu. Qed inxejru l-bnadar ta’ interessi ristretti ħafna. M’aħniex qegħdin nagħmlu politika, imma qed nagħmlu partiġjaniżmu.
Il-partiġjaniżmu fil-glorja kollha tiegħu
Għamel biċċa xogħol; iskot ftit kultant u pprova aqra d-diskors ta’ nies li jgħidu li huma ma’ partit jew ieħor jekk għandek l-istonku.
L-ewwel ħaġa li tinnota huwa n-numru diżordnat ta’ pappagallaġni. Fejn l-ebda persuna li tikkummenta ma tuża mqar linja waħda ta’ raġunament, imma tirrepeti litteralment dak li jingħad mill-partiti li tissapportja.
Lil hinn minn dan; mur fuq l-istess nies u staqsihom; “X’inhuma l-valuri tal-partit li xxejjer il-bandiera? Xi jfisser ‘Laburiżmu’ u xi jfisser ‘Nazzjonaliżmu’? Taf x’hemm fl-għeruq tal-partit tiegħek? Dan għadu jiġi rrappreżentat mill-partit? Jirrappreżenta tassew il-valuri tiegħek?”
Meta għamilt dan l-eżerċizzju jien, nammetti li bejn dħakt u ddardart; id-diskors kollu li jingħad juri b’mod ċar kemm la għandna idea ta’ dan kollu, u kemm neħlu f’aktar tixjir ta’ bnadar u wċuħ bla sens mingħajr ma nixtarru sew l-istorja u l-fehma tal-partiti.
Pereżempju, spiss wisq ninnota kemm il-valuri personali tal-persuna li qed ixejjer il-bandiera m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li jixhed il-partit. Spiss wisq issib Laburisti li jimxu kontra l-interessi tal-ħaddiema u favur dawk tal-imprendituri; spiss wisq issib Nazzjonalisti li l-interessi tagħhom huma li jmur ’l hinn mill-interessi dojoq marbutin ma’ bandiera vojta u bla sens.
Mela fuq liema bażi wieħed ixejjer il-bandiera?
Ħeqq, pjuttost ovvju; mhuwiex dwar raġunament, mhuwiex dwar valuri imma dwar min intgħoġob miegħi.
Spiss wisq tara min jikkwota lil Mintoff mingħajr ma jipprova jifhem il-fehma tiegħu xi pprova jwettaq — anzi, jikkontribwixxi fiż-żarmar attiv ta’ dak kollu li pprova jwettaq.
Spiss wisq tara min jikkundannah minħabba li ġara l-kurja u t-Times waqt li jeskludi xi pprova jwettaq għajr li nieqfu fuq delużjoni ta’ awtoritarjaniżmu, mingħajr ma nifhmu li mhux kull awtoritarjaniżmu huwa xorta.
U hawnhekk neħodkom f’pajjiż ieħor biex tifhmu aħjar x’qed nipprova ngħid.
Il-Farfett
Il-proċess biex dudu jsir farfett mhuwiex faċli u lanqas bla uġigħ. Dan huwa esseru li jrid jaqa’ f’koma sabiex ġismu kompletament jibdel is-sura tiegħu sabiex minn oġġett isir ieħor. U biex dan isir jeħtieġlu xi forma ta’ dixxiplina personali — li jħalli dan il-proċess isir, mhux jiġġieled kontrih. Li kieku dudu jirreżesti li jsir farfett isir esseru ta’ xejra kompletament differenti, jekk ma jfissirx ukoll li fin-natura bijoloġika tiegħu, imut.
Il-politika l-istess.
Xi snin ilu fl-Afrika tal-Punent seħħ fenomenu; wara għexieren ta’ snin sabiex ikollhom munita tagħhom, nofs ġidhom kien qed jinżamm f’id min fil-passat ikkolonizzahom minkejja li ssejħu “indpendenti”, seħħu numri ta’ kolpi ta’ stat fejn tneħħew il-gvernijiet simpatizzaturi tal-kolonizzaturi sabiex jieħdu ġidhom lura. Il-Burkina Faso, Il-Mali u n-Niger.
M’hemmx xi ngħidu, il-kolonizzaturi tagħhom ma ħadux gost u pinġuhom bħala kull xorta u għamla ta’ ħażen, u kkontribwixxu ma’ għadd ta’ entitajiet li jridu jneħħuhom.
Mela bilfors kellhom bżonn jiddefendu ruħhom.
Fost l-affarijiet kollha li ntqal fuqhom, ipprovaw ipinġuhom bħala “dittaturi” minħabba li f’dan l-istat ta’ — ħeqq — gwerra — m’hemm ebda mod ieħor kif tiddiskriviha — ma għamlux elezzjoni biex tinżamm id-demokrazija; l-istess kif għamel Zelensky f’pajjiżu hekk kif inhi assedjata mir-Russja.
Mela jekk ta’ dawn it-tliet pajjiżi l-mexxejja tagħhom “dittaturi” — mexxejja li rrinunzjaw li jkollhom paga ta’ president jew mexxej imma żammew wieħed tal-istat tagħhom, mexxejja li qed jiżviluppaw pajjiżhom biex ma jiddependux aktar mill-kolonizzaturi — mela r-raġuni tgħidlek li anke Zelensky dittatur.
Infatti, ħafna kritiċi ta’ Zelensky jipprovaw jiskreditawh preċiżament fuq dan; għax għalaq partiti li kienu qed itennu perspettivi Russi u anke knejjes!
Iżda mhumiex; fiż-żewġ sitwazzjonijiet qed isir eżerċizzju ta’ tiswir. Tassew b’għanijiet differenti — fil-każ ta’ Zelensky li jmantni mod ta’ ħsieb kontra dak Russu, u fil-każ tat-tliet pajjiżi Afrikani, biex il-poplu jibda jaħseb għalih innifsu — imma l-kundizzjonijiet tagħhom huma ftit jew wisq l-istess; pajjiżi li jinsabu taħt assedju li jridu jmexxu l-poplu lejn mod ta’ ħsieb speċifiku qabel ma ssir elezzjoni.
Ma naqbilx għalkollox mar-raġunament ta’ Zelensky fuq għadd ta’ affarijiet; imma tajjeb jew ħażin dan il-mod ta’ ħsieb, l-istorja tad-dinja wriet li dan kien inevitabbli f’kull revoluzzjoni li seħħet. Ibrahim Traore, il-mexxej tal-Burkina Faso, tenna preċiżament dan xi ġimgħat ilu; “Ma ninsabux f’demokrazija — ninsabu f’rivoluzzjoni progressista. Ma jistax ikollna demokrazija qabel il-poplu jkun lest jaħsibha tassew b’mod li jkun demokratiku.”
Fi kliem ieħor, li nedukaw il-poplu xi tfisser politika. Li l-poplu jkun kapaċi mhux ikun pappagall tal-kolonizzaturi u l-interessi tagħhom, li jirrepeti l-interessi tagħhom, imma li jkun kapaċi jitkellem fuq il-kundizzjonijiet ta’ hawn b’għajnejh stess.
Bl-istess mod hekk kif Zelensky ma jridx li l-poplu jaħseb b’għajnejn Russi, imma b’għajnejn Ukreni, li żżomm il-perspettiva tal-esperjenza kollettiva Ukrena. U naqbel jew ma naqbilx lejn fejn miexja r-risposta tiegħu lejn l-invażjoni Russa, li poplu jivvota waqt li qed iħares lejn pajjiżu b’għajnejn min kissirhulu ma jagħmilx sens; hija ovvja li l-akbar qawwa hija ta’ min kissrek — bl-istess mod li kif ma għamilx sens li f’Malta sseħħ elezzjoni b’partiti simpatizzaturi tal-Ingliżi meta suppost tawna s-Self Government fl-1921 u l-Indipendenza. Ara kif spiċċaw Puerto Rico u New Caledonia; ma jistgħux jieħdu l-indipendenza preċiżament għalhekk — għax hemm wisq influwenza ta’ min jaħkimhom!
Għalhekk nidħak jien meta nisma’ li għandna “Valuri Ewropej.” Xi jfissru l-valuri Ewropej, jekk jogħġbok, preċiżament? Hemm xi valuri li huma esklussivament tal-Ewropa mfassla fl-istorja tagħha?
Valuri Maltin x’inhuma, allura? X’jagħmilna preċiżament Maltin? Għandna narmu l-istorja tagħna biex jkollna libsa Ewropea? Mela l-Ewropa hija ħaġa waħda biss?
Xi tfisser Malta allura fi ħdan l-Unjoni Ewropea? Possibbli, ma tistax teżisti Malta fi ħdan l-Unjoni Ewropea li għandha demokrazija li taħseb bil-moħħ tagħha? Li tifli x’inhuma l-partiti tagħha, x’qed jingħad u x’jirrappreżentaw? Xi jrid isir biex poplu ma jirrepetix x’qal dak u x’qal l-ieħor, jixtarr fiex qiegħed u għaliex u jirrispondi għalih?
Xi jrid isir biex il-poplu tassew ikun demokratiku?