
“Il-lokalità għandha sfidi kbar u rridu naħdmu bil-għaqal biex dawn jiġu indirizzati”
Il-ġurnal ILLUM ipoġġi mas-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Ċensu Galea, fejn staqsejnieh xi mistoqsijiet dwar numru ta’ kwistjonijiet li qed jolqtu lil-lokalità tiegħu, partikolarment l-iskart u t-tiswija tat-toroq.

Bħala s-sindku tal-ikbar lokalità ta’ Malta, x’inhuma l-isfidi uniċi li taffaċċja?
San Pawl il-Baħar, li jinkludi lil Buġibba, Burmarrad, il-Qawra, iċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar propja, ix-Xemxija, u nħawi iżgħar bħal Għajn Rihana, il-Pwales, Limbordin, Parti mill-Bidnija, San Martin u postijiet iżgħar, illum sar l-ikbar lokalità li għandna f’pajjiżna. Hu kkalkulat li għandna almenu 50,000 resident li joqogħdu fil-lokalità. Dan ma jinkludix lill-eluf ta’ turisti li jkunu magħna matul is-sena, meta tqis li fil-lokalità għandna kważi 16,000 sodda fi stabbilimenti residenzjali. Minbarra hekk, il-firxa kbira ta’ art li fuqha tinsab San Pawl il-Baħar, toħloq ukoll diffikultajiet oħra li jridu jiġu indirizzati. Fil-lokalità għandna madwar 300 triq, li kollha għandhom l-isfidi tagħhom.
Il-kobor tal-lokalità sfortunatament iwassal biex il-lokalità jkollha problemi partikolari. Pereżempju wieħed huwa l-ammont kbir ta’ skart iġġenerat fil-lokalità. X’qed isir biex jittaffew dawn il-problemi?
Il-kwistjoni tal-iskart tinqasam fuq żewġ partijiet differenti. Din tolqot il-ġbir tal-iskart, kif ukoll tolqot il-kwistjoni tal-knis.
Se nipprova nagħti ftit dettalji dwar dan. Kif inhu magħruf minn Jannar 2023, il-ġbir tal-iskart ma baqax jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kunsilli lokali. Meta tgħid hekk lir-residenti, ir-risposta tkun ‘mela intom x’qegħdin tagħmlu hemm?’ F’ċertu sens dan il-kumment jasal bl-iktar mod naturali, għaliex waħda mill-ewwel responsabbiltajiet li kellhom il-kunsilli lokali kien propju l-ġbir tal-iskart. Minn Jannar 2023, dan il-ġbir issa qed jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tar-reġjuni (f’Malta għandna ħames reġjuni, u hemm ukoll ir-reġjun ta’ Għawdex). Madanakollu meta ħarġet it-tender tal-ġbir tal-iskart, it-tender kienet waħda fejn ma ttiħdux il-ħtiġijiet partikolari tal-lokalitàjiet differenti li hemm fir-reġjun. It-tender lanqas inħarġet mir-reġjuni, u l-kuntratt lanqas ġie ffirmat mar-reġjuni. Għal din ir-raġuni, pereżempju filwaqt li lokalità bħal San Pawl il-Baħar fir-reġjun tat-Tramuntana l-ħin kollu tilmenta dwar il-ġbir tal-iskart, lokalitajiet oħra fl-istess reġjun, bhall-Imtarfa u l-Imġarr ma jaffaċċjawx l-istess diffikultajiet li naffaċċjaw aħna.
Dan għaliex filwaqt li l-lokalitajiet iż-żgħar jinqdew bi trakk wieħed, San Pawl il-Baħar suppost li għandu sitt trakkijiet. L-ironija hi li ilni disa’ xhur nitlob l-informazzjoni dwar minn fejn qed jibdew ir-rotta tal-ġbir tal-iskart, u s’issa għadni ma ngħatajtx l-informazzjoni.
Minbarra hekk, minn Jannar 2023, inbidlu wkoll l-iskedi tal-ġbir tal-iskart u tnaqqset il-ġabra tal-borża s-sewda. Illum kull lokalità għandha l-ġabra nhar ta’ tlieta u nhar ta’ Sibt. Il-kunsilli ma jistgħux jaddattaw skont il-bżonnijiet tagħhom. Kunsill ma jistax jorganizza ġabriet oħra. L-ironija hi li fl-istess waqt li l-kunsill ma jistax jagħmel dan, id-Dipartiment tal-Indafa pubblika jitkellem dwar l-ammont ta’ skart extra li jiġbor kuljum mil-lokalità tagħna.
Hawn tqum domanda importanti jekk Kunsill ma jistax jorganizza ġbir extra, għaliex id-Dipartiment qed jagħmel dan. Possibbli ħadd ma tgħaddilu minn rasu hu li hemm bżonn ta’ ġabriet iktar regolari, u fondi iktar kbar ipprovduti lill-kunsilli lokali, minflok ma l-Gvern jonfoq il-miljuni biex ikun jista’ jagħmel hu dak li fil-fatt bil-liġi suppost jagħmlu l-kunsilli.
B’żewġ ġabriet fil-ġimgħa (li iżda mbagħad qiegħda titfixkel bil-preżenza tal-ħaddiema tal-Gvern jiġbru f’ħinijiet differenti), l-iskop tal-indafa mhux qed jintlaħaq.
Meta tqis li f’San Pawl għandna almenu 20,000 household li mhux kollha josservaw ir-regoli, hu evidenti li jkun hemm numru ta’ problemi. Għalkemm mhux ċifri realistiċi (għaliex hemm iktar minn 10% li ma josservawx ir-regoli), kieku 10% tar-residenti ma josservawx ir-regoli, kieku jkun hemm 2,000 borża jiġru mat-toroq tagħna fil-ġranet li mhux suppost ikun hemm boroż fit-toroq. Ara 2,000 borża, x’dehra kerha jagħtu lil-lokalità.
Minbarra dawn, hawn mijiet ta’ stabbilimenti kummerċjali ta’ bosta ġeneri li kollha għandhom l-iskart tagħhom. Il-kunsill hu responsabbli mill-iskart residenzjali, imma huwa fatt magħruf li fil-verità ħafna mill-istabbilimenti kummerċjali jpoġġu l-iskart tagħhom fuq il-bankini biex jinġabru mill-istess kollettur tal-ġabra domestika. Insaqsi x’dixxiplina qed ikun hemm fuq hekk? Min qed jenforza l-liġijiet dwar il-ġbir tal-iskart?
Ir-risposta hawn hi waħda sempliċi. ĦADD. Il-kontroll illum sar responsabbiltà tal-ERA. Jekk tara kemm ċitazzjonijiet jinħarġu matul is-sena tibda tidħak. Skużani, tibda tibki, għaliex meta tqis il-ksur tant evidenti u tara wkoll x’ċitazzjonijet ikunu nħarġu, in-numri huma redikoli.
Nemmen li reġa’ wasal iż-żmien li l-kontroll kollu tal-ġbir tal-iskart, u d-dixxiplina dwaru tiġi lura għand il-kunsill lokali. Dan tar-reġjun nemmen li kien esperiment li falla, li almenu falla fejn hemm lokalitajiet kbar, bl-isfidi partikulari tagħhom.
Il-problemi qed jeħel bihom il-kunsill, imma dixxiplina u kontroll ma jaqgħux taħtu. Biex tkompli tgħaxxaqha, issa lanqas ir-reġjun mhu qed jitħalla jieħu passi dixxiplinari fil-konfront tal-kuntratturi, għaliex ir-reġjuni ngħataw direttiva li biex ikunu jistgħu jiddixxiplinaw lill-kuntrattur irid ikun hemm il-barka tad-Dipartiment. Barka burokratika li ma tasal qatt. Il-kunsilli qed jaffaċċjaw l-isfida tal-ġabra, u fl-istess ħin qed jaffaċċjaw l-isfida ta’ nuqqas ta’ dixxiplina.
Wara iktar minn sentejn ta’ esperiment li ma ħadimx, nemmen li wasal iż-żmien li l-kunsilli jerġgħu jingħataw l-awtonomija tagħhom dwar dan. Dan hu punt li qajjimtu f’kull laqgħa tar-reġjun li kellna matul dawn l-aħħar xhur kemm ilni Sindku.
Fir-reġjun hemm sens ta’ rassenjazzjoni li donnu ma nistgħu nagħmlu xejn. Imma għalija mhux aċċettabbli li l-ġbir tal-iskart jibqa’ għaddej sas-sitta ta’ filgħaxija, b’mod partikulari kull nhar ta’ Sibt. X’sens jagħmel li r-residenti nitolbuhom joħorġu l-iskart fis-7.00 ta’ filgħodu biex imbagħad dak l-iskart jibqa’ barra sas-sitta ta’ filgħaxija? Possibbli ħadd ma jinduna bil-falliment tas-sistema?
Se nibqa’ ninsisti li s-sistema tiġi indirizzata u tinbidel.
Kif qegħdin fuq it-tema tal-iskart: f’rapport li ħarġet dil-gazzetta, ħareġ li San Pawl il-Baħar għandu biss bring-in site wieħed fejn suppost hemm 16 installati. Kif raħal daqshekk ippopolat spiċċa mingħajr biżżejjed bring-in sites? U x’qed isir biex titranġa dis-sitwazzjoni?
Dwar il-bring in sites, ilni li bdejt id-diskussjonijiet mal-ERA iktar minn sitt xhur. F’Lulju li għadda sibt sitwazzjoni fejn San Pawl il-Baħar kellu site wieħed li qiegħda ssir referenza għalih bħala bring in site, liema site jinsab fil-Wardija. Dan ifisser li fl-inħawi residenzjali m’hemm l-ebda site. Mhux talli hekk, talli kien sar ftaħir kbir li l-kunsill preċedenti kien neħħa s-sites kollha, u ma ttieħdu l-ebda passi. Fil-fatt f’San Pawl il-baħar kien hemm żmien meta kien hemm ferm iktar bring in sites milli sibt f’Lulju li għadda. Ir-raġuni għaliex tneħħew kienet l-abbuż esaġerat tan-nies li jagħmlu miżbla madwar dawn l-istess sites. Miżbla li għal darb’oħra tiġi għaliex is-sites ma kinux ikkontrollati permezz tal-kameras.
Ftit wara li lħaqt Sindku ntlabt niltaqa’ mal-ERA biex niddiskutu din is-sitwazzjoni. Attendejna għal-laqgħa, jien u l-Viċi Sindku Chris Vella Petroni li hu wkoll il-persuna li taħtu jaqa’ d-dekasteru tal-indafa pubblika. Hemm kont infurmat bl-obbligi legali li suppost għandna, u li San Pawl il-Baħar suppost għandu 16-il sit minn dawn. Mill-ewwl ħadna l-pożizzjoni li se mmorru l-Kunsill u nippruvaw insibu postijiet fejn għandna npoġġu dawn is-siti, u kif se jiġu kkontrollati.
L-impressjoni li ngħatajna kienet li aħna nsibu s-siti u mbagħad il-kuntrattur imqabbad mill-istess ERA se jkun responsabbli biex jiggarantixxi li l-areas madwar is-siti jkunu kkontrollati bil-kameras u li l-indafa neċessarja tkun ukoll responsabbiltà tiegħu.
Il-kunsill identifika s-siti fejn jistgħu jsiru dawn il-bring in sites. Qabel li nibdew b’numru iżgħar minn 16 imbagħad inżidu bil-mod il-mod. Iltqajna mal-kuntrattur u saru diskussjonijiet. Imma jidher li għadna bogħod biex naslu li verament il-kuntratturi jkunu responsabbli mill-garanzija ta’ ndafa kontinwa madwar is-sites, u li jkun hemm monitoraġġ kontinwu ta’ dawn is-siti. Jekk l-ERA trid li s-siti jiżdiedu, għandha tipprovdi l-garanziji neċessarji biex il-kunsilli ma jkollhomx jidħlu għal spejjeż li m’għandhomx flus biex jiffinanzjawhom. Il-kunsill ħa d-deċiżjonijiet neċessarji wara li ddiskuta s-suġġett iktar minn darba, imma hemm ħtieġa li nimxu bis-serjetà ħalli jkollna kontroll tas-siti fejn dawn il-bins jistgħu jitpoġġew. Il-kunsill iddiskuta s-suġġett iktar minn darba u hu favur li jkun hemm siti fejn dan l-iskart jitpoġġa, imma l-ispiża ma tistax taqa’ fuq il-kunsill sakemm ma jiżdidux sostanzjalment il-fondi neċessarji.
Bla dubju l-lokalità għandha bżonn ferm iktar minn bring in site waħda, imma biex dan iseħħ, u ma noħolqux miżbliet ġodda hu meħtieġ li kull bring in site tkun monitorjata u mnaddfa/maħsula regolarment. Biex dan ikun jista’ jsir sew huma meħtieġa eluf kbar ta’ ewro. Il-kunsilli m’għandhomx mezz kif ikollhom dawn il-fondi.
Bħalissa għaddej il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Buġibba. Il-Kunsill qed jagħmel xi ħaġa biex jitnaqqas l-impatt ta’ proġett bħal dan fuq ir-residenti u l-istabbilimenti tal-madwar?
Dwar il-pjazza, tajjeb wieħed jgħid li din il-pjazza suppost li kienet lesta qabel ma saru l-elezzjonijiet tal-kunsill lokali f’Ġunju li għadda. Għal dan il-għan meta nbidel il-kunsill, dan il-kunsill ma kellu l-ebda say fuq il-pjanti li se jkunu qed jiġu implimentati. Il-pjanti kienu approvati, inkluż il-permess biex jinqala’ l-palm li kien hemm fil-pjazza.
L-attitudni tiegħi f’dan il-każ kienet biex nassiguraw li waqt li jkun qed isir ix-xogħol ikun hemm l-inqas inkonvenjenti possibbli għar-residenti u għal dawk il-bosta anzjani li jkunu qed jiffrekwentaw dawn l-inħawi. Bil-kontroversji kollha li joħolqu n-negozji taż-żona, il-kunsill xorta jrid jara li l-inħawi jkunu miżmuma fl-aħjar stat possibbli.
Nistqarr li qabel ma nbeda x-xogħol, il-kunsill kien infurmat. Li kien għalija, ix-xogħol ma nbediex fl-istess waqt li kien għaddej xogħol fuq iktar minn 30 triq oħra fil-lokalità, imma x-xogħol inbeda. Kif inhu magħruf, l-inħawi huma ċentrali għal-lokalità. San Pawl il-Baħar, kif inhu magħruf, għandu bosta sfidi wkoll fl-immaniġġjar tat-traffiku. Meta għandek daqstant sfidi ta’ traffiku, ma tistax taqbad u tagħlaq bl-addoċċ.
L-immaniġġjar tat-traffiku jiġi affettwat bil-kbir, u għalhekk hu meħtieġ bosta ħsieb. Ikolli ngħid li kemm jien, kif ukoll il-kunsillier reponsabbli mill-infrastruttura, iltqajna fuq il-post iktar minn darba, u suppost li niltaqgħu (kemm jista’ jkun darba fil-ġimgħa) biex niddiskutu dak li hu meħtieġ. Hemm bżonn ta’ kordinazzjoni, imma nistqarr li nħolqu sitwazzjonijiet li stajna evitajna, u li konsegwenza tagħhom qed ikollu jinbidel ftit il-mod kif isir ix-xogħol meħtieġ. Waħda mill-isfidi kbar li se tiġi affaċċjata hi l-mod ta’ kif se jiġu mdawra s-servizzi tal-karozzi tal-linja meta tkun imkissra t-triq ta’ quddiem il-pjazza.
Il-kunsill m’għandux l-immaniġġjar tas-sit, imma l-isfidi li jiltaqgħu magħhom ir-residenti rridu naffaċċjawhom aħna. Għal dan il-għan, il-kunsill il-ħin kollu jikkomunika ta’ dawk responsabbli biex jipprova jnaqqas il-problemi.
Xorta nagħmel appell lill-awtoritajiet li minkejja kollox ikun ferm aħjar jekk id-deċiżjonijiet tagħhom jeħduhom magħna, mhux minn wara daharna. Hu importanti wkoll li ma jitħallewx ostakli żejda madwar is-sit, biex b’hekk jiġi evitat xogħol doppju.
Riċentement inħolqot kwistjoni bejnek u bejn il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Chris Bonett minħabba t-tiswija ta’ ċerti toroq. Kif irrisolviet ruħha dil-kwistjoni? Issewwew it-toroq? U jekk iva, il-kont intbagħat lill-Kunsill kif qal il-Ministru?
Il-kwistjoni li qed tagħmel referenza għaliha hi waħda bla sens. Il-kunsill lokali l-ħin kollu għaddej bi programm ta’ patching, Il-maintenance tat-toroq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill lokali, imma l-kunsill m’għandux fondi biex jagħmel rikostruzzjoni ta’ toroq u lanqas mhu responsabbli biex jagħmel tali rikostruzzjoni (u jien inżid ukoll li lanqas m’għandu jkun responsabbli ta’ large scale maintenance). Fil-fatt, b’mod regolari, l-aħbarijiet ikunu mimlija b’informazzjoni ta’ xogħlijiet f’diversi nħawi madwar Malta, fejn IM twettaq xogħol fil-lokalitajiet, li mhumiex bini mill-ġdid ta’ toroq. Nista’ nassigurak li meta niltaqgħu flimkien is-sindki differenti, kollha bl-istess mod nitkellmu, ċioè li l-kunsilli m’għandhomx il-mod ta’ kif jagħmlu ċertu xogħol.
Għal dak li jikkonċerna San Pawl il-Baħar, f’Ottubru 2022 il-Kunsill lokali kien irċieva korrispondenza li titkellem dwar investiment kbir li kellha tagħmel IM fil-lokalità. Il-kunsill Lokali, f’Ottubru stess għandu minuti tal-kunsill li juru l-apprezzament tal-kunsill għal dan l-investiment qawwi. Minkejja lista twila ta’ toroq li ntbagħtu lill-IM, bosta minn dawk it-toroq baqgħu ma saru qatt, lanqas sal-lum. Mhux talli hekk, talli triq minnhom (Triq il-Ħamra) li saret mill-istess IM baqgħet ma ngħatatx l-aħħar wiċċ, u għadha hekk sal-lum, snin wara li suppost tlestiet.
It-toroq li dwarhom inqalgħet il-kontroversja mal-Ministru kienu kważi kollha inklużi f’dik il-lista tal-2022.
Madanakollu, qabel ma faqqgħet il-kontroversja, il-kunsill lokali preżenti kien beda komunikazzjoni ma’ IM tista’ tgħid mill-ewwel wara li kien hemm il-bidla fil-kunsill. Il-korrispondenza l-ewwel inbdiet bit-telefonati, imbagħad bl-emails u b’laqgħat meħtieġa. Dan ġara għaliex kien ovvju li t-toroq indikati ma setgħux isiru mill-fondi tal-kunsill lokali. Fit-3 ta’ Diċembru 2024, intbagħtet lista formali ta’ disa’ toroq lis-CEO ta’ IM, u bqajna nippruvaw naslu biex it-toroq indikati jsiru. Lill-Ministru kellimtu wkoll personalment. Meta rajt li mhux qed naslu, ktibt lill-Prim Ministru dwar dan. Minbarra hekk ktibt ukoll lill-Ministru tat-Turiżmu, li naturalment għandu interess ukoll li jara li t-toroq ta’ San Pawl ikunu fi stat tajjeb, anke minħabba l-importanza għat-turiżmu li jiġi fil-lokalità (Kif għedt iktar kmieni, għandna madwar 16,000 sodda fil-lokalità).
Donnu li din il-korrispondenza ma ntlaqgħetx tajjeb.
Ix-xogħol fi wħud mill-inħawi tlesta, f’oħrajn mistenni li jsir matul il-jiem li ġejjin. S’issa ma rċivejna l-ebda kont, imma biex tħallas kont irid ikollok il-flus. Ejja naraw li dak meħtieġ f’lokalità bhal San Pawl il-Baħar, jitwettaq mingħajr battibekki żejda, iktar u iktar meta xogħol inqas gravi f’lokalitajiet oħra jitwettaq il-ħin kollu.
Jekk huwa minnu li l-ispiża tat-tiswija tat-toroq intbagħtet lill-Kunsill, taħseb li huwa sew? Speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-kunsilli ma tantx għandhom fondi biex joperaw?
Il-kont għadu ma ġiex imma hu bla sens li l-kont jintbagħat, iktar u iktar għal xogħol li mhux maintenance.
Fil-fehma tiegħek, għalfejn inħolqot dil-kwistjoni? Taħseb li minħabba l-politika partiġġjana, speċjalment minħabba l-fatt li l-Ministru, biex nikkwota lil TVM, “ikkritika lill-Partit Nazzjonalista li skontu minkejja li għamel sena jikkampanja biex jirbaħ il-maġġoranza f’din il-lokalità, issa li ilu jopera dan il-kunsill kważi sena u ma sar xejn fuq it-toroq”?
Kif taf, matul ħajti għamilt 30 sena fil-Parlament. 16-il sena minnhom servejt bħala Ministru. Bħala ministru dejjem evitajt li nindirizza lis-Sindku skont l-affiljazzjoni politika tagħhom. Hemm bosta persuni li servew bħala sindki, u li kienu ġejjin mill-kamp politiku oppost li jistgħu jixhdu dwar il-mod ta’ kif ħdimna flimkien. Uħud minnhom għadhom Sindki sal-lum, u minn żmien għal żmien niltaqgħu fil-laqgħat tas-sindki. Ir-rispett reċiproku qatt ma naqas. Fil-fatt, minbarra fuq TVM, il-Ministru tkellem ukoll fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, fejn kien iktar goff.
Nibda biex ngħid li jien m’għamilt l-ebda sena nagħmel il-kampanji elettorali għaliex sa ftit iktar minn xahar qabel l-elezzjoni lanqas biss kont kandidat, minbarra l-fatt li kulħadd jaf x’kienu ċ-ċirkostanzi familjari fil-bidu tas-sena 2024. Il-kunsill qed jipprova jindirizza problema wara l-oħra minn dak li sab ma’ wiċċu f’Lulju li għadda. Qed jipprova wkoll idaħħal ftit sens f’dak li hu x-xogħol tiegħu ta’ kuljum. Dan mhux faċli minħabba numru ta’ tenders mhux skont il-ħtiġijet tal-lokalità. Lanqas mhu faċli meta wieħed iqis li ċerti drawwiet diffiċli tbiddilhom. Għal dak li jikkonċerna maintenance tat-toroq, il-patching isir b’mod regolari. Madankollu hemm sfida kbira minħabba l-fatt li korporazzjonijiet bħal WSC il-ħin kollu jħaffru fit-toroq tal-lokalità, kif tagħmel regolarment l-Enemalta, u jħallu kollox mhux irranġat sew, ħlief wara battibekki kbar magħhom.
Dak li hu maintenance regolari jsir mill-kunsill, permezz tal-ħaddiema tiegħu. Għadu kif għalaq ukoll tender għal xogħlijiet normali fit-toroq. Issa naraw x’joħroġ mit-tender.
Il-Ministru jrid jiftakar li x-xogħol il-kbir, il-Gvern hu responsabbli għalih. Jagħmel sew ukoll jekk jara x’commitments għamlet IM qabel ma sar ministru responsabbli minn dan is-settur hu. Fl-aħħar nett, nemmen li jkun sew jekk il-Gvern jieħu bis-serjetà l-infrastruttura tal-lokalità għaliex diġà indikajt numru ta’ toroq oħra li l-Kunsill m’għandux biex jirranġahom, u li mhux se jgħaddi wisq żmien biex ikunu fi stat ħażin ħafna. Tagħmel sew ukoll jekk IM tibda mit-toroq li kienu mniżżla fil-lista li ntbagħtet fl-2022 mill-Kunsill preċedenti. Dawk l-istess toroq diġà spiss jinstabu beyond repair (iktar milli kienu fl-2022).
Illum għandi dmir li nara li l-affarijiet jitranġaw u li nindirizzaw il-problemi. Hekk se nkompli nagħmel.
Rigward il-kwistjoni, int imbagħad tkellimt u sostnejt li t-toroq ma kellhomx bżonn manutenzjoni iżda tiswijiet estensivi — xi ħaġa li taqa’ f’idejn il-gvern ċentrali. Minħabba f’hekk, il-kunsilliera Laburisti ddiżassoċjaw ruħhom mill-kummenti tiegħek. X’qed isir biex jiġi indirizat dan id-diżgwid?
Għalkemm il-kunsilliera Laburisti ddiżassoċjaw ruħhom minn korrispondenza li ġiet diskussa fl-aħħar laqgħa tal-kunsill biex tintbagħat lil dawk ikkonċernati, iktar milli dwar is-suġġett propja, il-kunsilliera eletti f’isem il-Partit Laburista xtaqu li l-ittri jkollhom kliem iktar kawt, u kien għalhekk li vvutaw kontra. Fil-fatt huma stess jixtiequ jaraw titjib fl-infrastruttura tal-lokalità, u l-Infrastruttura hi wieħed mid-dekasteri li jaqgħu taħt kunsillier elett f’isem il-PL. Nemmen li qed nippruvaw naħdmu b’mod li kull kunsillier li jrid jagħti sehmu, ikun jista’ jagħmel dan.
Nawgura li nkomplu għaddejjin b’ħidma kostanti favur ir-residenti, u l-lokalità. Il-lokalità għandha sfidi kbar u rridu naħdmu bil-għaqal biex dawn jiġu indirizzati.