‘Il-fatt li llum il-ġurnata Ħal Balzan huwa litteralment mibni minn tarf sa tarf huwa tat-tħassib’

Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħhom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Angelo Micallef, is-Sindku ta’ Ħal Balzan

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek? 

Ħal Balzan, bħal kull lokalità f’Malta u Għawdex, għandu sfidi li huma strettament lokali u sfidi oħra li huma fuq livell aktar nazzjonali. Fuq livell lokali, pereżempju, huwa ta’ tħassib il-fatt li llum il-ġurnata Ħal Balzan huwa mibni minn tarf sa tarf litteralment, u hekk kif il-popolazzjoni tal-lokalità qiegħda tkompli tiżdied qed ikomplu jiżdiedu l-isfidi ta’ traffiku, parkeġġ, u anke dawk ta’ natura ambientali. Fuq livell aktar nazzjonali huwa car li l-kunsilli f’pajjiżna għandhom bżonn aktar saħħa fejn jidħol l-infurzar tal-liġi.   

Il-Kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità? 

Bħala kunsill dejjem nimxu bil-kejl tas-sostenibbiltà. Għalina huwa importanti li kwalsiasi żvilupp ma jwassalx għal degradazzjoni fil-kwalità tal-ħajja. Huwa għalhekk diżappuntanti għalina meta jkun hemm proġetti ta’ żvilupp li jwasslu propju għal dan jew minħabba nuqqas ta’ infurzar tal-liġi, inkella minħabba li forsi ma jkunx ġie meqjus l-impatt sħiħ fil-proċess tal-permess.  

Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti?  

F’lokalità mibnija minn tarf sa tarf, il-problema hija l-oppost. Ħal Balzan għandu bżonn li l-ftit sorsi ta’ spazju miftuħ li fadal jintużaw bħala pulmun għar-residenti. 

Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin? 

Bħala kunsill se nkomplu naħdmu fuq numru ta’ prijoritajiet. Se nkomplu naħdmu flimkien mal-awtoritajiet ċentrali sabiex naraw li l-wirt storiku f’Ħal Balzan jiġi ppreservat bħalma ġara bl-istatwa ta’ Santa Marija fi Triq il-Kbira u bħalma ġara bis-salib li hemm biswit l-akkwadotti. Se nkomplu wkoll naħdmu sabiex il-proġett li għandu l-Kunsill għal ħolqien ta’ spazju miftuħ ġdid minflok għalqa mitluqa, isir realtà bl-għajnuna ta’ fondi ċentrali. Tkompli wkoll il-ħidma sabiex insaħħu s-servizzi li joffri l-Kunsill bħalma huwa t-trasport lill-anzjani li noffru lejn postijiet ta’ importanza bħal pereżempju l-Isptar Mater Dei matul il-ġurnata.  
Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib? 

Hemm numru ta’ inzjattivi li qed naħdmu fuqhom fosthom dawl dekorattiv ġdid fil-pjazza u ħidma sabiex jinkisbu fondi għal ħolqien ta’ spazju miftuħ ġdid. Naturalment qegħdin naħdmu wkoll biex insaħħu servizzi eżistenti u naraw li l-lokalità tibbenefika kemm tista’ minn skemi differenti li joħorġu matul is-sena. Naturalment il-finanzi huma li huma u allura wieħed irid jimxi b’kawtela. Forsi wasal iż-żmien li bħala pajjiż naraw jekk hux qed inħallu lill-kunsilli nixfin wisq mill-finanzi.  

Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?

Apparti spazju miftuħ ġdid li diġà semmejt, nixtieq ħafna li kieku l-Kunsill għandu aktar għodda biex jaħdem fejn tidħol l-infurzar tal-liġi. 

Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku? 

Ma nħobbx inkun pessimist u allura mhux se ngħid le, però nemmen li hemm lok għal titjib kbir. F’pajjiżna għadna wisq naraw lill-kunsilli bħala xi ħaġa taż-żejjed u tan-nieqes, jew xi kumitat li jista’ jiġi injorat. Jeħtieġ li jekk tassew irridu nagħmlu l-qabża lejn gvern lokali nibdew nimxu mal-kunsilli bħala gvern lokali. Naturalment dan ma jfissirx li kollox huwa iswed u dlam. Ikun hemm okkażjonijiet fejn il-kollaborazzjoni tkun waħda tajba — hemm bżonn li dawn il-mumenti jsiru r-regola!  

Bidliet leġiżlattivi reċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal sittax-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-Kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali? 

Minn meta kont żagħżugħ kont dejjem attiv fil-politika f’xi livell jew ieħor. Kont attiv fl-SDM u fil-KSU meta kont l-Università, kont attiv fl-MŻPN bħala żagħżugħ, u llum il-ġurnata għadni attiv fil-politika. Nemmen ħafna fl-importanza tal-parteċipazzjoni fil-politika u allura bla dubju ta’ xejn nara kull pass lejn parteċipazzjoni aktar wiesgħa bħala wieħed pożittiv. Fil-fatt Ħal Balzan kien wieħed mill-ewwel kunsilli li aċċetta l-istedina li saritlu sabiex jitwaqqaf kunsill tat-tfal.  

⁠L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-Kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji? 

Wieħed irid jimxi b’kawtela enormi u jara li kull sold minfuq huwa sostenibbli. Naturalment ikun hemm każijiet fejn kunsilli spiċċaw fl-għawġ minħabba nuqqas ta’ kawtela perà huwa ċar nerġa’ ntenni li wasal iż-żmien li neżaminaw is-sistema mill-qiegħ. Ma jistax ikun li l-kunsilli u r-reġjuni jgħaddu bl-għakkarija.  

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu? 

Naturalment m’iniex involut f’din id-diskussjoni u nista’ biss nikkummenta fuq dak li qrajt fil-media. Ħal Balzan jidher li se jibqa’ bħala lokalità unita. Nemmen ħafna li l-qsim ta’ lokalità għandu dejjem jiġi evitat għaliex idgħajjef ħafna s-sens u l-ispirtu komunitarju.  

X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa? 

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nħoss li qiegħed nipprova l-aħjar li nista’ sabiex ikun hemm pass ieħor ’il quddiem pożittiv għal Ħal Balzan. Ħidma li tkompli tibni fuq ix-xogħol li sar minn dawk li servew fil-kariga qabli u li twitti t-triq għal min għad irid jiġi warajja.  

More in Politika