Issa huwa ż-żmien li nitkellmu fuq is-sigurtà

S’issa ħdimna bit-tama li ma jiġri xejn. Bit-tama biss ma jiġri xejn. 

L-attakk kważi ċert ta’ drone Iżraeljan fuq vapur umanitarju barra mill-ibħra Maltin din il-ġimgħa wera kemm aħna bħala pajjiż żgħir nistgħu nkunu vulnerabbli.   

M’aħniex qed ngħidu li Iżrael se jattakkana, imma lanqas għandna nkunu mistagħġba li jagħmlu xi waħda minn tagħhom. Dawn l-aħħar xhur urewna kemm huma nazzjon krudili u faxxist.  

Fejn jidħlu l-interessi diretti tagħhom, m’hemmx rispetti u wisq inqas attenzjoni għal-liġi internazzjonali.  

Meta riedu joqtlu lil xi ħadd li kkunsidrawh terrorist f’Tas-Sliema, għamlu li kellhom jagħmlu fid-dawl tal-Mulej, imbagħad sparixxew.   

Imma li huwa ċar hu li Malta m’għandha l-ebda kapaċità teknoloġika jew militari biex tiddefendi lilha nfisha kontra attakki bi stil modern.  Malta jew aħjar il-Prim Ministru lanqas għandu l-ħeġġa li jipprotesta mal-Iżrael għal dak li seħħ eżatt mat-territorju marittimu Malti. 

Qed nitkellmu fuq l-użu ta’ drones.  

Kieku, għall-argument – u dan mhux il-każ – kellna gvern li kien kritiku ta’ Iżrael, kif ukoll attivament favur il-Palestinjani, ma trid xejn li dawn jivvintaw xi forma ta’ skuża biex ikun hemm attakk kontrina. Mhux necessarjament militari, imma anke b’forma differenti … inklużi tipo cyber. 

Il-punt hu li min irid jagħmlilna l-ħsara – u dan jista’ jkun minn xi pajjiż jew entità oħra – jista’ faċilment jagħmel dan mingħajr ma joħroġ ħafna għaraq tad-demm. U li hemm bżonn hu li l-Gvern irid jara x’se jagħmel biex ikollu pjan serju li jassigura li pajjiżna jkollu sigurtà li tħares lejn ir-realtajiet tad-dinja. 

S’issa ħdimna bit-tama li ma jiġri xejn. Bit-tama biss ma jiġri xejn. 

Fid-dawl li Malta qiegħda f’nofs triq fil-Mediterran fejn teżisti migrazzjoni ta’ persuni li jfittxu serħan mill-gwerer u sfidi ekonomiċi u f’dinja b’tensjonijiet kbar, jenħtieġ strateġija serja u maħsuba għas-sigurtà ta’ pajjiżna. Bla għajnuna tal-pajjiżi ġirien fl-Ewropa u fl-Unjoni Ewropea, jew biex inkunu ċari bl-għajnuna ta’ dawk li nistgħu forsi nafdaw. 

More in Politika