
Dione Borg | Pajjiż fi bżonn ta’ bidla
'Il-poplu Malti jistħoqqlu gvern li jroddlu lura l-valuri li fuqhom għandha tinbena s-soċjetà. Jistħoqqlu gvern li jtih il-libertajiet bażiċi li jkun kiseb matul is-snin u mhux inaqqashomlu biex jiddefendi l-korruzzjoni li tkun twettqet'

Pajjiżna jerġa’ jinsab fi bżonn ta’ bidla f’diversi setturi. Qatt daqs llum, ċerti setturi ma jeħtieġu bidla. Qatt daqs illum m’hawn setturi li jesiġu li fihom, dan il-pajjiż ibiddel id-direzzjoni; mill-mudell ekonomiku, għall-governanza, sa dak politiku.
Minkejja li l-ebda partit politiku m’għandu bakketta maġika u soluzzjonijiet immedjati għall-problemi kollha f’daqqa, f’dan il-mument kruċjali għal pajjiżna, il-PN għandu l-obbligu li jerġa’ jassumi r-responsabbiltà li jkun il-protagonist tal-bidla. Ma tkunx l-ewwel darba li l-PN ikun qed jerġa’ jissejjaħ biex imexxi l-pajjiż f’mumenti diffiċli fejn il-pajjiż ikun jinsab f’salib it-toroq.
Ma tkunx l-ewwel darba fl-istorja li l-PN ikun imsejjaħ biex iwettaq il-bidliet neċesssarji propju f’mument meta l-poplu Malti jkun qed jaqta’ qalbu li din il-bidla tkun tista’ sseħħ. Fil-passat, ħafna kienu jaqtgħu qalbhom li pajjiżna jista’ jwettaq il-bidla li l-poplu ried iżda d-determinazzjoni ta’ politiċi li jpoġġu l-interess nazzjonali bħala prijorità wasslet biex fl-aħħar, minkejja d-diffikultajiet, din il-bidla twettqet.
Kontra dan l-impenn politiku tal-PN u anki ta’ ċittadini li ma jappartjenux għall-PN, hemm id-determinazzjoni tal-PL li jżomm il-gvern akkost ta’ kollox. Bla dubju li ma tridx tkun Nazzjonalist biex tkun konvint li l-pajjiż għandu bżonn bidla f’ħafna setturi, partikolarment dawk fundamentali għad-demokrazija, is-saltna tad-dritt u l-mudell ekonomiku.
Minkejja dan, il-PL fil-gvern jibqa’ jagħmel dak kollu biex minflok ibiddel is-sitwazzjoni għal dik stabbli f’soċjetà demokratika, jibqa’ jippersisti u saħansitra jdaħħal miżuri li jkollhom effett negattiv fuq il-pajjiż u s-soċjetà.
Il-konfront politiku fil-pajjiż mhuwiex bejn żewġ partiti li qed joffru proposti konkreti u reali għal titjib fil-pajjiż iżda bejn il-PN li jrid bis-saħħa jerġa’ jirritorna l-pajjiż għall-istabbilità politika, ekonomika u soċjali u l-PL li jinsab maqbud jiddefendi l-ikbar skandli ta’ korruzzjoni, jattakka l-ġudikatura u l-inkjesti, u jdaħħal miżuri biex jipprova jnaqqas l-impatt tal-problemi li ħoloq hu stess wara l-2013.
Pajjiżna għandu bżonn bidla għaliex il-PL ma żammx il-wegħdi elettorali tiegħu mal-poplu; partikolarment dawk ewlenin. Li kieku wara l-2013, il-Gvern Laburista ġdid baqa’ jmexxi fuq il-ħolqien ta’ ekomonija bbażata fuq il-kwalità, it-turiżmu ta’ kwalità, il-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda, it-trasparenza, il-kontabbiltà, ir-reputazzjoni tajba internazzjonali, popolazzjoni skont id-daqs tal-pajjiż u t-tisħiħ tal-gvernanza, kieku d-dibattitu politiku hu wieħed ferm iktar avvanzat u ffukat fuq miri ekonomiċi, demokratiċi u ta’ goveranza ogħla.
Iżda dak li seħħ fl-aħħar 12-il sena, wassal lill-pajjiż biex juża l-enerġija tiegħu biex jirrestawra dak li kisser il-Gvern Laburista. Biex tirrikonxxi dan, ma tridx tkun Nazzjonalist iżda trid biss tkun ċittadin Malti li tanalizza mingħajr għamad politiku s-sitwazzjoni politika.
Il-problemi li ħoloq il-Gvern Laburista fl-aħħar 12-il sena jridu snin oħra biex jissewwew. Il-problema tal-popolazzjoni mhijiex se tissolva immedjatament, l-istesss bħall-problema ta’ governanza, ġustizzja, saħħa, trasport, infrastruttura u ambjent. Mhux biss dawn il-problemi mhux se jissolvew immedjatament, iżda wħud minnhom, fosthom l-ambjent, jistgħu ma jissolvewx u ċerti żoni fil-pajjiż ma jirritornaw qatt għall-istat ambjentali uniku li kienu fih qabel.
In-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern Laburista kważi fis-setturi kollha wassal għad-deterjorazzjoni ta’ postijiet li qabel kienu attrazzjonijiet uniċi. Fost dawn hemm lokalitajiet u rħula li llum kważi ma jingħarfux. Dan ma jfissirx li m’għandux ikun hemm żvilupp iżda qabel il-gvern iddeċieda li jwessa’ t-termini ta’ kif u fejn isir l-iżvilupp, kellu obbligu li jagħmel pjan ħolistiku li jinkludi l-aspett ambjentali, soċjali u ekonomiku. Dan ma sarx.
Il-poplu Malti jistħoqqlu gvern li jroddlu lura l-valuri li fuqhom għandha tinbena s-soċjetà. Jistħoqqlu gvern li jtih il-libertajiet bażiċi li jkun kiseb matul is-snin u mhux inaqqashomlu biex jiddefendi l-korruzzjoni li tkun twettqet.
Il-poplu Malti jistħoqqlu Korp tal-Pulizija li jkun indipendenti u jinvestiga li min iħoss. Jistħoqqlu serħan il-moħħ li l-ġustizzja se titwettaq u mhux li jkollu politiċi li jattakkaw il-proċess tal-inkjesti bi skopijiet ulterjuri. Il-poplu jistħoqqlu d-dritt li jmur quddiem maġistrat u jiftaħ inkjesta skont il-provi li jkollu.
Il-poplu Malti għalhekk iġġieled għal-libertà; għalhekk issieħeb fl-UE. Għax b’mod naturali jemmen li s-soċjetà tagħna għandha tkun ibbażata fuq dawn il-prinċipji fejn il-bniedem jitpoġġa l-ewwel; fejn l-istituzzjonijiet ikunu hemm għall-poplu u mhux il-poplu jkun suġġett għall-istituzzjonijiet.
Il-bidla li qed tinħass fost il-poplu Malti hi waħda bbażata fuq il-valuri bażiċi tas-soċjetà fejn, fost l-oħrajn, ir-reputazzjoni tagħna bħala nazzjon ma tkunx attakkata mill-istess gvern. Dan hu poplu li sempliċement ma jridx gvern li fil-qrati nstab ħati li ffroda lill-poplu tiegħu stess. Il-poplu Malti jrid gvern li jkun fuq in-naħa tiegħu u mhux fuq in-naħa ta’ min iffrodah il-miljuni. Dan, il-poplu Malti jistennieh bi dritt u kull gvern hu obbligat li jtihulu.
Il-pajjiż jerġa’ jinsab f’salib it-toroq f’għażla importanti li minnha l-poplu diġà għadda. Il-poplu Malti diġà għamel għażliet importanti f’elezzjonijiet ġenerali kruċjali tal-passat li r-riżultat tagħhom iddetermina l-futur tal-pajjiż.
Kienu elezzjonijiet li llum inħarsu lejhom u nifhmu aħjar kemm kienu importanti li jintrebħu mill-PN għaliex b’hekk twettqet il-bidla — twettqu riformi — li fuqhom illum hawn qbil ġenerali fil-pajjiż. Dan li qed ngħixu hu mument ieħor kruċjali fejn l-elezzjoni ġenerali li ġejja se tkun qed tiddetermina d-direzzjoni tal-pajjiż fuq diversi setturi, iżda fuq kollox dawk is-setturi li huma l-bażi għall-iżvilupp tal-pajjiż.
Huma dawk is-setturi li fihom il-poplu qed jgħajjat għall-bidla; fejn il-bżonn tal-bidla jinħass. Anki minn dawk li għad m’għandhomx il-kuraġġ li jitkellmu. Minn dawk li għadhom siekta iżda li sa ftit ilu kienu qed jappoġġaw dak li kien qed iseħħ. Illum ħafna minn dawn huma konvinti iktar favur il-bidla, jekk għadhom siekta u jista’ jkun li jibqgħu siekta. Għax anki s-skiet jista’ jkun leħen fis-soċjetà.
It-triq tista’ tidher diffiċli iżda meta d-determinazzjoni tkun kbira u bbażata fuq konvinzjoni, kollox ikun possibbli. Dan iseħħ jekk kull min jemmen, isaħħaħ it-twemmin tiegħu f’rieda politika għall-bidla.
Dione Borg huwa ġurnalist veteran u kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali.