Michael Piccinino | Fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern Laburista, Gvern ġdid magħmul mill-PN jindirizza bis-serjetà l-kriżi tal-għoli tal-ħajja

'Għażla ċara bejn partit li moħħu biss kif jipproteġi lilu nnifsu u partit li jinteressah biss li int tgħix aħjar u qed joħroġ b’soluzzjonijiet konkreti li jtejbu l-livell tal-għejxien tal-Maltin u l-Għawdxin'

L-għoli tal-ħajja qed jaffettwa ħażin lil kulħadd: mill-ħaddiema sal-pensjonanti, mill-familji żgħar sa min iħaddem. Il-prezzijiet tal-ikel, tal-kera, tal-mediċini u ta’ servizzi essenzjali oħra sfortunatament splodew fl-aħħar snin. Ħafna familji qed jagħmlu sagrifiċċji biex ilaħħqu mal-ħajja. Minkejja dan, il-Gvern Laburista baqa’ indifferenti, anzi agħar minn hekk, minħabba s-suppervja tiegħu mar kontra s-soluzzjonijiet li offra l-Partit Nazzjonalista biex jgħin lin-nies.  

Aħna, bħala Partit Nazzjonalista, din il-ġimgħa ppreżentajna mozzjoni fil-parlament b’soluzzjonijiet konkreti biex il-ħaddiema, il-pensjonanti u s-self-employed ikollhom aktar flus fil-but. Iżda, kif mistenni, il-Gvern Laburista, minflok ħadem magħna biex igawdu n-nies, ħareġ b’attakk partiġġjan u ivvinta kull skuża biex jiġġustifika għalfejn se jkun qiegħed jivvota kontra. Se jkompli jdawwar wiċċu u jwebbes rasu.  

Id-differenza bejn iż-żewġ partiti hija ċara: il-Labour moħħu kif jipproteġi lilu nnifsu, waqt li aħna moħħna kif ngħinu lilek.  

Sfortunatament għandna Gvern li qed jaħdem għalih innifsu, mhux għalik.  

Din mhix l-ewwel darba li l-Gvern ta’ Robert Abela injora d-diffikultajiet tan-nies u rrifjuta li jindirizza l-għoli tal-ħajja. Minn meta tela’ fil-gvern, il-Partit Laburista wettaq deċiżjonijiet li għollew l-ispejjeż għal kulħadd. Żied il-popolazzjoni ta’ Malta b’mod sproporzjonat mingħajr ippjanar, b’konsegwenza li splodew il-prezzijiet tal-kera u servizzi essenzjali. Għamel minn kollox biex iħalli l-konsulenti u l-klikka tiegħu jieklu mill-flus pubbliċi filwaqt li l-familji Maltin u Għawdxin qed jispiċċaw jifilħu inqas minn qatt qabel.  

Meta bdew jogħlew il-prezzijiet tal-ħajja, il-Gvern Laburista qalilna li din hija problema globali u li “m’hemmx x’tagħmel”. B’hekk ċaħad ir-responsabbiltà tiegħu li jintervjeni u li jdaħħal miżuri li jgħinu lill-poplu Malti u Għawdxi.  

Imma l-verità hi li f’pajjiżi oħra, fejn il-gvern huwa verament impenjat li jħares il-ħaddiema, ittieħdu azzjonijiet biex jiżdied id-dħul u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-għejxien. Pajjiżi bħal Franza, l-Irlanda u l-Olanda daħħlu miżuri ta’ sostenn biex l-inflazzjoni ma tkunx piż fuq il-familji. Imma Malta, taħt Gvern Laburista, baqgħet lura għax il-Gvern kien iktar moħħu biex iġib l-iskużi milli biex jgħin lin-nies.  

L-istess Gvern li jgħid li ma jistax jgħin lill-familji Maltin u Għawdxin huwa l-istess Gvern li jrid ibiddel il-liġijiet biex jagħmilha aktar diffiċli li jiġu investigati l-każijiet ta’ korruzzjoni. U dan jgħidlek kollox fuq il-prijoritajiet tiegħu. Moħħu biss biex jgħin lilu nnifsu u mhux biex jgħin lilek.  

B’differenza, il-Partit Nazzjonalista ħa azzjoni konkreta.  

Il-Mozzjoni li ressaqna fil-Parlament għandha pjan ċar biex id-dħul tal-ħaddiema u l-pensjonanti jiżdied, filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż għal min iħaddem. Dawn huma ftit mill-proposti ewlenin tagħna:  

 

  • Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-COLA, m’għandhiex tkun taxxabbli; 

  • Tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja; 

  • Jinħoloq Fond Nazzjonali biex nappoġġaw lill-industrija li timporta jew tesporta, u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħalli l-impatt tal-għoli tal-ħajja. 

  • Naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw għal xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna. 

 

Dawn il-miżuri jissarrfu f’aktar flus fil-but tal-ħaddiema u tal-pensjonanti, f’aktar investiment minn min iħaddem, u f’aktar ġid iġġenerat mill-ekonomija.  

Però, sfortunatament, minflok jingħaqdu magħna biex permezz ta’ dawn il-proposti ngħinu lill-poplu Malti, Robert Abela u l-Gvern tiegħu ħarġu kontra tagħhom.  

Il-verità hi li l-Gvern evidentement m’għandu l-ebda intenzjoni li jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja. Kieku ried jagħmel dan, ilu li ħa azzjoni. Minflok, issa se jivvota kontra l-mozzjoni tagħna għax moħħu biss fil-problemi tiegħu.  

U din mhix xi sorpriża. F’kull każ fejn kellu jagħżel bejn l-interess tan-nies jew l-interess tiegħu stess, il-Labour għażel lilu nnifsu. Meta kellu jagħżel bejn li jwaqqaf il-ħela tal-flus pubbliċi jew li jibqa’ jagħti l-miljuni lill-klikka ta’ madwaru, għażel tal-aħħar. Meta kellu jagħżel jekk jagħmilx kuraġġ u jieħu azzjoni kontra l-għoli tal-ħajja, għażel li jibqa’ b’idejh fuq żaqqu.  

Filwaqt li f’pajjiżi oħra l-gvernijiet ħadu deċiżjonijiet konkreti biex inaqqsu l-għoli tal-ħajja, il-Gvern Laburista f’Malta għażel li jagħmel l-oppost:  

 

  • Żied l-ispejjeż fuq in-negozji ż-żgħar li huma l-mutur tal-ekonomija Maltija; 

  • Naqqas il-kompetittività tal-ekonomija minħabba l-għażliet li għamel fuq il-popolazzjoni u l-mudell ekonomiku; 

  • Żied il-piż fuq il-ħaddiema billi baqa’ jdaħħal aktar spejjeż fuqhom mingħajr ma ta kumpens xieraq; 

  • Naqqas il-kwalità tal-ħajja b’politika ta’ tħarbit fl-infrastruttura mingħajr investiment adegwat.  

 

It-tmexxija tal-pajjiż ma tistax tibqa’ sejra hekk. Jekk ma jsir xejn, il-problema se tkompli tikber u l-piż fuq il-familji se jsir akbar. Dan il-Gvern Laburista kellu snin biex jieħu azzjoni, imma għażel li jinjora l-problemi u l-bżonnijiet tan-nies. 

Għalhekk, il-verità hi waħda: jekk verament irridu soluzzjonijiet konkreti, jekk irridu li l-ħaddiema u l-pensjonanti jkollhom aktar flus fil-but, irridu gvern ġdid li jkun iffukat biex jgħin lill-familji Maltin u Għawdxin u mhux biex jipproteġi lilu nnifsu. 

Il-Partit Nazzjonalista għandu l-pjan, għandu l-proposti, u għandu r-rieda li jagħmel dan. 

More in Politika