Editorjal | Il-każ tal-knisja f’Raħal Ġdid

Li ddawwar il-flus biex tgħin lill-parroċċa hija ħaġa, imma li tiftaħ u tiżviluppa bejt ta’ knisja biex tagħmel stabbiliment tal-ikel hija oħra

L-episodju tal-knisja ta’ Raħal Ġdid jikkonferma f’liema stat ta’ biki u tad-daħk ninsabu fih.   

Il-Knisja Maltija taħt l-Arċisqof Scicluna għandha dritt tagħmel li trid waqt li tipprietka kif aħna għandna nfasslu ħajjitna. 

Urietna x’kienet kapaċi tagħmel meta abdikat ir-responsabbiltà tagħha fil-kwistjoni tal-art fil-Qala, Għawdex.   

Imma jekk il-Knisja għandha dritt tagħmel li trid, aħna għandha dritt niġġudikaw id-deċiżjonijiet li tagħmel.   

Wisq iktar meta dejjem nisimgħu Knisja tipprietka dwar ir-regħba.   

Għax il-knisja issa qed issir iktar minn istituzzjoni li tipprietka s-sewwa jew inkella l-moralità – anzi saret magna tas-servizzi finanzjarji u flus permezz tal-bank tagħha, pjattaforma għall-aħbarijiet partiġġjani permezz tal-pjattaforma u l-istazzjon tar-radju, tarka għal min hu kontra l-Partit Laburista permezz ta’ ċertu kleru, u sur kontra riformi soċjali meħtieġa fil-pajjiż permezz tal-Arċisqof Scicluna.   

Li ddawwar il-flus biex tgħin lill-parroċċa hija ħaġa, imma li tiftaħ u tiżviluppa bejt ta’ knisja biex tagħmel stabbiliment tal-ikel hija oħra. 

Apparti li l-idea hija stupida, l-iktar inkwetanti hu li l-Knisja kienet qed taħseb li din l-azjenda tingħata lil persuna/i li għandha/hom passat ikkulurit u xejn sabiħ. 

Ir-reazzjoni tal-pubbliku kienet mistennija u ġġustifikata. Il-pubbliku jawgura li l-Knisja tkun moħħha fil-batut, fl-emarġinat, u mhux fil-but. Knisja li tgħix dak li tipprietka. 

Diġà kellna l-istorja ta’ kappillan ieħor li jiġbor flus mill-komunità għall-parroċċa biex imbagħad jixtri oġġetti ta’ lussu u jintefa’ jniżżel sigħat bla tmiem ta’ pornografija l-iktar skabruża.   

U jekk immorru lura fis-snin, l-eżempji xejn sbieħ ta’ azzjonijiet minn qassisin u sorijiet f’abbużi ta’ minorenni juruna kemm il-Knisja ma tista’ qatt tipprietka s-sewwa. U wisq aktar kif għamlet biex kollox jibqa’ mistur u biex taħbi dawn il-ħniżrijiet. 

Jew inkella Knisja mehdija biex tarmi l-flus tan-nies f’ċelebrazzjonijiet esterni li jiswew il-belli liri. 

Illum qed naraw anqas nies li jridu jimxu wara l-Knisja, jew ikunu parti minnha, jew anke jattendu l-quddies. Ħaġa bħal din twassalna biex nistaqsu kif tista’ l-Kurja taċċetta li tkompli tagħmel dawn l-affarijiet. 

Tikkonferma l-medjokrità ta’ istituzzjoni li tfittex ir-raġunament tal-eżistenza bħallikieku hi xi xempju tal-perfezzjoni jew inkella kelliem ta’ xi Alla. 

Il-Knisja Maltija, bħalma tgħallimna, mhija xejn għajr organizzazzjoni magħmula minn bnedmin bid-difetti tal-bnedmin u l-aspirazzjonijiet dejqa tal-bnedmin. Organizzazzjoni li wrietna li għandha, kemm għanijiet politiċi, kif ukoll għanijiet ta’ negozju. 

L-Istat għandu jittratta l-Knisja ta’ li hi. Xejn differenti minn ħaddieħor. 

Aħna fil-gazzetta ILLUM mit-twelid tagħna għażilna li nagħmlu hekk. 

More in Politika