Is-soluzzjoni taż-żewġ stati: kliem fieragħ jew ideal li verament nemmnu li għandna naħdmu għalih?

nisħaq li l-ideal li attivament infittxu l-paċi u paċi sostenibbli u li ttul f’din il-parti tal-Mediterran m’għandniex naqtgħu qalbna minnu u għandna nibqgħu niġġieldu u naħdmu għalih bħala komunità internazzjonali

f'sitt xhur ta'dmija u inferm sħiħ, inqatlu b'kollox 33,137 ruħ f'Gaża
f'sitt xhur ta'dmija u inferm sħiħ, inqatlu b'kollox 33,137 ruħ f'Gaża

Nies tal-ġenerazzjoni tiegħi u ikbar ilhom jisimgħu bil-famuża soluzzjoni taż-żewġ stati fil-Lvant Nofsani minn kemm ilna niftakru. The Two State solution. Soluzzjoni taż-żewġ Stati. Innotaw l-ewwel kelma – soluzzjoni. Mela l-komunità internazzjonali taf eżatt x’inhi s-soluzzjoni: dik li jkollna żewġ stati. 

Dak li għaddej bħalissa Gaża hu għalkollox inaċċettabbli u kompletament kundannabbli. Nikkundanna bla riżervi l-ħruxija li wettqu l-Ħamas fis-7 t’Ottubru li għadda meta ħasdu l-ħajja ta’ 1,139 persuna u ningħaqad fl-appelli biex jiġu rilaxxati l-madwar 250 ostaġġ illum qabel għada. Però, bla tlaqliq nikkundanna l-mod ta’ kif qed isir massakru u qtil indiskriminat u brutali f’Gaża. Inqatlu 13,000 tifel u tifla fl-aħħar sitt xhur: immaġinaw ftit 13,000 tifel u tifla. Jista’ xi ħadd jgħidilna x’nitfa ta’ tort għandu mqar wieħed jew waħda minn dawn it-tfal?  

Qed jinqatlu wkoll in-nies li jġibu l-għajnuna umanitarja f’Gaża: minn meta min iġib l-għajuna umanitarja jitqies bħala terrorist jew theddida?  

F’sitt xhur ta’ dmija u infern sħiħ, inqatlu b’kollox 33,137 ruħ f’Gaża. Imma dan kif nistgħu nħalluh għaddej? Din mhux krudeltà? 

M’għandna qatt nieqfu nappellaw biex b’effett immedjat jieqaf l-assassinju u l-qtil brutali li għaddej fl-istess Baħar Mediterran li aħna ngħixu fih. M’għandna qatt nieqfu biex attivament naħdmu għall-paċi f’Gaża għax dak li qed isir għad jitniżżel fl-istorja tad-dinja bħala tebgħa sewda u tebgħa sewda mill-ikbar. 

M’għandux ikun hemm persuna oħra – tifel ieħor, tifla oħra li titlef ħajjitha iktar f’dan il-massakru mdemmi li għaddej. 

Li llum titkellem fuq soluzzjoni dejjiema għall-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestina probabbilment tinstema’ xi ftit surreali jew daqslikieku wieħed mhuwiex saqajh mal-art jew ideali wisq. Dak li jkun jgħidlek: lanqas wasalna biex jieqaf l-attakk kontinwu u l-qtil li għaddej, qed titkellem fuq il-paċi bejn dawn iż-żewġ ġnus? 

Biss, jien nisħaq li l-ideal li attivament infittxu l-paċi u paċi sostenibbli u li ttul f’din il-parti tal-Mediterran m’għandniex naqtgħu qalbna minnu u għandna nibqgħu niġġieldu u naħdmu għalih bħala komunità internazzjonali. Irid ikun mira li għandna npoġġu quddiemna jekk vera rridu nkunu aġenti tal-bidla għall-aħjar u tal-paċi. 

Ma jista’ qatt ikun hemm il-paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm il-paċi fil-Mediterran. Hi biss il-paċi li sservi ta’ bażi biex fil-baħar li qed jiċċirkondana ma jibqax ikun hemm l-aħmar iebes tad-dmija imma minflok il-friegħi taż-żebbuġ. U għalhekk irridu attivament naħdmu għaliha. 

U dan l-ideal għandu jkun valur li jiddistingwina fil-ħidma li aħna l-politiċi li nappartjenu fil-familja soċjali demokratika Ewropea u internazzjonali għandna nagħmlu. Mingħajr valuri tkun għeri mill-identità u l-għodod biex twettaq il-bidla. Bil-valuri, mhux biss tieħu identità imma jkollok l-għodod li twassal għal dinja aħjar u b’iktar ġustizzja soċjali. 

Jien nirrifjuta li naqta’ qalbi milli xi darba, qabel nies tal-ġenerazzjoni tiegħi nagħlqu għajnejna, naraw żewġ stati – l-Iżrael u l-Palestina – jgħixu wieħed fejn l-ieħor. Biex dan iseħħ irridu bħala komunità internazzjonali nimbottaw għaliha u ngħinu fit-tweġiba li rridu nagħtu għal forsi l-iktar erba’ domandi prinċipali – għax m’għandix dubju li hemm oħrajn – li rridu nagħmlu: 

  1. Kif se naraw li l-Ħamas ma jibqgħux attivi fil-Lvant Nofsani u jiġi kompletament demilitarizzat? 

  1. Kif se naraw li s-settlements illegali li bniet l-Iżrael fuq art li skont il-ftehimiet ta’ Oslo ma kellhiex dritt tibnihom jiġu vvakati u jingħataw lill-Palestina? 

  1. X’se jiġri minn Ġerusalemm? 

  1. Kif se ssir ġustizzja ma’ dawk il-Palestinjani jew dixxendenti tagħhom li spiċċaw imkeċċija minn arthom fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija? 

 

Iż-żewġ naħat għandhom jirrikonoxxu d-dritt rispettiv ta’ eżistenza, ħelsien u libertà. Il-Palestina kollha għandha tirrikonoxxi d-dritt ta’ Iżrael li jeżisti bħala nazzjon ħieles u sovran, u bl-istess mod Iżrael għandu jirrikonoxxi lill-Palestina bħala nazzjon ħieles u sovran bil-konfini ċari skont dawk tal-1967. Dak li għaddej fil-Lvant Nofsani mhu xejn ħlief okkupazzjoni minn Stat fuq ġens ieħor u din għandha tispiċċa immedjatament. Inkella ma tgħallimna xejn minn lezzjonijiet bħal dawk li tawna nies kbar bħal Nelson Mandela fil-ġlieda kontra l-Apartheid. Inkella nkunu qed naċċettaw li nkomplu ngħixu l-Apartheid taħt forma oħra. 

Jien nemmen li n-nies ta’ Iżrael u tal-Palestina jridu l-paċi. Għandi ħafna ħbieb Iżraeliti u Palestinjani li jitkellmu fuq l-istess ideal u persważ li l-qarrejja ta’ dan il-ġurnal għandhom ukoll ħbieb miż-żewġ ġnus li jagħmlu l-istess. Naturalment dawn l-aħħar sitt xhur ħolqu ambjent vizzjuż ta’ tpattija u kontrotpattija li mhuma se jwasslu mkien u anke min forsi kien bilanċjat u newtrali, illum qed jieħu pożizzjonijiet militanti. Biss, persważ li l-familji sew jekk huma Iżraeliti u sew jekk huma Palestinjani, iridu l-paċi. 

Il-politiċi għandhom rwol enormi x’jilagħbu f’din il-kwistjoni kollha. Għandhom għażla li l-Prim Ministru Benjamin Netanyahu u l-Kabinett tiegħu jew jitniżżlu fl-istorja bħala n-nies li taħthom sar u għadu jsir massakru mill-iktar krudili li attira l-istmerrija ta’ miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja kollha, jew li jitniżżlu fl-istorja bħala n-nies li f’mument diffiċli immens u ta’ qtigħ u qsim il-qalb, bnew u fasslu l-pedamenti kuraġġużi ta’ paċi dejjiema. 

Ilkoll kemm aħna għandna obbligu li attivament naħdmu għall-paċi. Fil-Lvant Nofsani, fil-Mediterran li jdawwarna. 

More in Politika