Carmel Cacopardo | Appoġġ għall-Abbozz ta’ Liġi li qed iressaq il-Gvern

Il-Partit Laburista hu korrett li jgħid li mhux qed jintroduċi l-abort permezz tal-abbozz numru 28: L-abort teapewtiku ilu magħna ipprattikat anke fl-isptar pubbliku 

L-emenda għall-Kodiċi Kriminali li tifforma parti mill-Abbozz ta’ Liġi Numru 28 li l-Parlament beda jiddiskuti nhar it-Tnejn 28 ta’ Novembru jikkodifika l-prattika diġà eżistenti fl-isptar pubbliku. Hu abbozz li jiddefinixxi l-qafas legali meħtieġ għal abort terapewtiku. Mhux abbozz li bih ser ikun introdott l-abort terapewtiku, għax dak ilu magħna żmien! 

L-abbozz jevita li juża’ l-kelma “abort”. Minflok jagħmel użu mill-frażi “terminazzjoni ta’ tqala”, li kif nafu tfisser l-istess ħaġa! 

Sal-lum il-liġi dwar l-abort terapewtiku mhi ċara xejn. Waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ta’ Marzu 2022, ADPD kien l-uniku partit politiku li tkellem ċar dwar dan. Għamel dan, fost oħrajn, billi ddedika sezzjoni mill-manifest elettorali tiegħu għall-ħarsien tas-saħħa sesswali u d-drittijiet riproduttivi. Għidna iktar minn hekk, għax tkellimna ukoll dwar id-dikriminalizzazzjoni tal-abort. 

Il-Gvern Laburista, li ftit li xejn tkellem dwar dan waqt il-kampanja elettorali, issa ddeċieda li jaġixxi billi qiegħed jieħu linja minimalista. Qed jillimita l-azzjoni tiegħu billi jipprova jassigura li l-prattika kurrenti tkun protetta mill-liġi. Filwaqt li dan mhux biżżejjed hu definittivament pass tajjeb 'il quddiem li jixraqlu l-appoġġ tagħna anke jekk il-proposta għad tista’ titjieb sa ma tittieħed deċiżjoni finali. 

Il-Partit Laburista hu korrett li jgħid li mhux qed jintroduċi l-abort permezz tal-abbozz numru 28: L-abort terapewtiku ilu magħna ipprattikat anke fl-isptar pubbliku.   Riżultat ta’ dan, l-approvazzjoni tal-abbozz 28 kif imfassal u ippreżentat ma hu ser jibdel xejn: sempliċiment ser jirrikonoxxi l-istat attwali. Dan għandu jwassal għal serħan il-moħħ tal-ispeċjalisti mediċi fl-isptar għax ħidmiethom ser tkun rikonoxxuta mil-liġi, kif, wara kollox, hu xieraq. 

F’ċertu sens id-dibattitu kultant feroċi u esaġeratament emottiv li għaddej hu wieħed esaġerat. Imma, riżultat tiegħu nissel għaqda (fil-ħsieb) bejn il-forzi konservattivi lokali li f’daqqa waħda insew id-differenzi kollha ta’ bejniethom! L-oppozizzjoni għall-abbozz hi fuq żewġ binarji. Min-naħa waħda hemm il-pożizzjoni li ħa l-PN li, bħall-Arċisqof Scicluna iddikjara qbil mad-dokument ippubblikat min-numru ta’ akkademiċi: Qbil mal-abbozz ta’ liġi iżda b’tibdil sostanzjali. Primarjament qed jinsistu fuq l-esklużjoni tas-saħħa mentali bħala ġustifikazzjoni għall-intervent mediku. Qed jinsistu ukoll dwar il-limitazzjoni ta’ tali intervent biss u esklussivament fil-każ ta’ theddida għall-ħajja.  Min-naħa l-oħra il-fundamentalisti “nsara” jopponu totalment l-abbozz. F’din il-kategorija hemm uħud fil-PN. 

Fi kliem sempliċi id-dibattitu identifika tlett argumenti bażiċi.  L-ewwel argument hu dak tal-Gvern Laburista fl-abbozz 28, li jrid li l-liġi tkun tirrifletti l-prattiċi kurrenti b’mod li jagħti l-awtorità lill-professjonisti mediċi li jieħdu deċiżjoni dwar kull każ fuq il-merti tiegħu. It-tieni argument hu dak appoġġat mill-PN u l-ġerarkija tal-Knisja li trid tnaqqas kemm tista’ id-diskrezzjoni tal-professjoni medika, primarjament billi telimina konsiderazzjonijiet dwar is-saħħa in ġenerali kif ukoll dwar is-saħħa mentali. It-tielet konsiderazzjoni mbagħad hi dik fundamentalista ta’ oppożizzjoni totali għal dak propost. 

Waqt d-dibattitu Parlamentari iktar kmieni din il-ġimgħa osservajt bosta diskorsi pożittivi, fosthom dawk tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, tas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg u tal-kelliema tal-Oppożizzjoni Joe Giglio u Mario Demarco. Ta’ importanza, fil-fehma tiegħi, kienet ir-referenza ta’ Fearne għall-proċeduri operattivi tal-isptar. Qed jiġi emfasizzat li dawn il-proċeduri, fil-fatt, jindirizzaw parti mill-kritika li diġà saret. In partikolari qed nirreferi għall-punt imsemmi li deċiżjonijiet dwar abort terapewtiku m’għandhom qatt jittieħdu minn professjonist wieħed jew waħda: Dejjem għandha tkun meħtieġa l-konferma minn tal-inqas tat-tieni persuna. B’hekk ħadd ma jerfa’ d-deċiżjoni waħdu. Għandi nifhem li miżura ta’ din ix-xorta diġa qegħda fis-seħħ! 

Dejjem għandhom ikunu ikkunsidrati possibilitajiet ta’ titjib fl-emenda proposta kif indikata fid-diskors b’ħafna sens tal-kelliemi tal-Oppożizzjoni Joe Giglio fis-seduta Parlamentari ta’ nhar l-Erbgħa.  

Kif emfasizzajt fl-artiklu tiegħi tal-Ħadd li għadda kien ikun aħjar kieku qabel ma tressqet il-liġi kien hemm eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika. Kien ikun hemm il-ħin biex wieħed jisma’ u jgħarbel dak li jkun intqal. Punt validu li ġie ukoll emfasizzat minn Mario Demarco. 

F’dan il-kuntest, avolja meqjus biss bħala l-ewwel pass, li jista’ jiġi mtejjeb, bla ebda dubju l- ADPD jappoġġa fil-principju l-proposta fl-abbozz numru 28. 

More in Politika