Sandra Gauci | Int tgħix f’infern ta' tqanċiċ biex ħaddiehor iħaxxen butu

Qed ngħixu sitwazzjoni surreali ukoll għax l-organi u l-awtoritajiet fil-pajjiż li suppost qed jittrattaw iż-żieda fil-prezzijiet huma totalment assenti jew saru irrelevanti

Ħafna nies li nitkellem magħhom jesprimu l-preokkupazzjoni, l-għadab u r-rabja tagħhom għall-mod kif il-ħajja qed togħla b'mod inkontrollabbli. Hawn ukoll min qed ibati fis-skiet, waħdu jew waħedha, jew forsi ma' oħrajn, minħabba dan il-fenomenu, u anke jibża' juri wiċċu minħabba biża' ta' xi vendikazzjoni. 

Smajna ħafna li ż-żieda fil-prezzijiet hija inevitabbli, dovut għall-pandemija tal-Covid u tal-Gwerra fl-Ukrajna. Ma nistgħux niċħdu li l-Covid għamel ħafna ħsara. Nafu wkoll li l-invażjoni tal-Ukrajna kompliet tgħarraq is-sitwazzjoni. U nkunu boloh jekk ma nammettux li d-dinja kollha sofriet u qed issofri riperkussjonijiet fil-prezzijiet ta' diversi oġġetti, inkluż dawk essenzjali. 

Kieku dan il-piż qed jinġarr b'mod ekwu, fiha u ma fihiex. Pero' hawn Malta, bħal dejjem matul dawn l-aħħar snin, għandna sitwazzjoni surreali. U din is-sitwazzjoni hija surreali fuq diversi fronti. 

L-ewwelnett, ma nistgħux nifhmu kif f’Malta il-Gvern, suppost tal-ħaddiema, irnexxielu joħloq diskrepanza enormi u dejjem tikber bejn min qed igawdi b'mod sproporzjonat għax huwa ta' ġewwa jew għax għandu l-ħbieb, billi jingħata  mijiet ta' eluf ta' ewro minn fondi pubbliċi għal xi kariga fittizja mingħajr ebda ġustifikazzjoni, jew xi kuntratt esorbitanti f'direct order, u min qed ibati għax huwa ċittadin komuni, onest, b'paga modesta jew għax pensjonant, għax mhux żviluppatur u għax m'għandux ħbieb Kastilja. 

Filwaqt li għandna President li jippriedka fuq l-għaqda nazzjonali, ir-realta’ turi xort'oħra. Hemm oċean jaqsam bejn iż-żgħir u l-batut li jrid joqgħod attent għal kull ċenteżmu u s-sinjur li sar sinjur mhux għax ħaqqu, imma għax indiehes fil-klikka ta' ġewwa, ħabib ma' Ministru jew saħansitra eks klijent tal-Prim Ministru. 

Lilek, li minitx fil-klikka ta' ġewwa, jarawk darba kull ħames snin. Jafuk u jifirħu bik darba kull ħames snin. Imbagħad jarmuk, itellgħu ix-shutters u jiddawwru b'nies tal-flus u lilek jinsewk. Użawk, daħqu bik u issa jħalluk tissielet waħdek biex tkampa. 

Waqt li għandna żviluppaturi bħal Joseph Portelli li qed jibilgħu lil Għawdex bil-barka ta' awtoritajiet, issib żgħażagħ li dak il-biċċa flat ma jaffordjawhx għax il-banek ma jsellfuhomx. 

Waqt li għandek ħela ta' aktar minn €20 miljun fl-MTA, ħela u tgerfix fl-Enemalta (għax mhux ta' ġid li nkunu nafu x'qed jiġri), direct orders, xogħlijiet fittizji għal-ħbieb tagħhom, ħbieb u familji li kkapparraw Kemmuna, għalik voucher ta €100 qabel l-elezzjoni, biex jagħmik bil-frak waqt li huma jifgaw b'erbat iħluq. 

Waqt li l-ħajja qed togħla kuljum irridu noqgħodu b'żieda surreali għall-għoli tal-ħajja darba fis sena ta' €1.75 meta huwa ovvju li fiċ-ċirkostanzi preżenti ir-reviżjoni trid issir tal-anqas darbtejn fis-sena. 

Il-living wage ġabuha ħolma u bl-iskuża li jkompli jogħla kollox ma jagħmluhiex. U żgur, għax sabiħ tħaddem u tħallas biċ-ċiċri, speċjalment meta tifqa' s-suq b'ħaddiema barranin. 

Ma għadx baqa' Gvern tal-ħaddiem, imma Gvern li jaħdmek, li jċaħdek minn kwalità tal-ħajja deċenti li jġibek skjav ta' bank għal-għomrok kollu biex tħallas flat. 

Li d-dar, li suppost huwa dritt, saret oġġett ta' spekulazzjoni u tajna l-ġenb lit-turizmu, lill-istorja u lil- kultura għall-bwiet tal-ftit. Int tgħix f’infern ta' storbju, trab u tqanċiċ biex ħaddiehor iħaxxen butu u tiegħek dejjem vojt. 

Qed ngħixu sitwazzjoni surreali ukoll għax l-organi u l-awtoritajiet fil-pajjiż li suppost qed jittrattaw iż-żieda fil-prezzijiet huma totalment assenti jew saru irrelevanti. 

Hemm bżonn li l-agenziji li suppost jipproteġu lill-konsumatur iqumu mir-raqda u jaraw li dawn il-prezzijiet li qed jogħlew minn barra, skuża li ilni nisma minn tfuliti, jkunu għolew b’mod ġustifikat sal-inqas ċenteżmu. Ma nistgħux bl-iskuża tas-suq ħieles inħallu min japprofitta għax l-awtoritajiet bla snien jew juruhom rarament ma' min mhux parti miċ-ċirku tal-ħbieb tal-ħbieb. 

U x'sar mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Socjali (MCESD)? X'diskussjonijiet qed isiru fi ħdanu biex tigi trattata din il-problema, kemm fl-immedjat u anke fil-futur? Dan l-organu importanti li jigbor fih l-imsieħba socjali suppost qed iservi ta' xprun sabiex l-għajnuna li joffri l-Gvern tkun waħda għat-tul u mhux tal-vouchers tad-darba kultant. Għax aħna mhux darba kultant nitimgħuhom lit-tfal tagħna, mhux darba kull ħames snin inħallsu l-kontijiet tagħna (għax aħna mhux bħall-partiti politici l-kbar, 'il fuq mill-liġi u mgħaddsa fi djun li jippruvaw inessuhulna). 

Nagħlaq b'appell - appell lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex ma jkomplux jagħtu n-nar lil din id-dikotomija li qed toħloq żewġ klassijiet ta' ċittadini fil-pajjiż u ser tispiċċa tfarrakna bħala nazzjon; appell lill-istituzzjonijiet u organi kompetenti biex, flok jistaħbew, imiddu għonqhom għax-xogħol u jfasslu miżuri ta' fejda li jindirizzaw b'mod konkret u immedjat it-tbatijiet ta' dawk l-aktar fil-bżonn. U fuq kollox, appell lil min qiegħed f'diffikulta' biex ma jaqtax qalbu, isemma leħnu u jingħaqad magħna - din hija kwistjoni li bi ħsiebna nkomplu nsusu fuqha, mhux għax hija konvenjenti, mhux għax trebbaħna l-voti imma għax verament nemmnu li kull bniedem għandu jgħix b'mod xieraq u dinjituż. 

More in Politika