Editorjal | Mit-turiżmu jiekol kulħadd (jew kważi)

Veru li l-ekonomija iddiversifikat mas-snin, imma ejja ma tgħaddix mill-kurituri ta' moħħna li dan il-pajjiż jista' jkollu ekonomija vibranti, li qed toħloq il-ġid u l-impjiegi, li qed tkabbar il-kejk ekonomiku biex il-Gvern ikun jista' jqassam, mingħajr it-turiżmu u dawk kollha li investew ħajjithom u l-miljuni kbar fih

Ninsabu fuq l-għatba ta' staġun turistiku, staġun li se jkun importanti ħafna sabiex il-pajjiż ikun tassew jista' jibda jistejqer xi ftit mid-daqqiet kollha li qala' sforz il-pandemija, bir-restrizzjonijiet li wasslu biex in-negozji jkomplu jesperjenzaw profitti mnaqqrin jekk mhux telf qawwi. Se jkun staġun importanti wkoll għaliex se jiddetermina kemm pajjiżna se joħloq ġid sabiex il-Gvern ikun jista' jżomm kelmtu u filwaqt li jżomm l-awsterità 'l bogħod, jibda jwettaq il-programm ambizzjuż tiegħu ta' miżuri u inizzjattivi finanzjarji li se jiswew lil pajjiżna miljuni kbar. Minn ximkien il-miljuni - biex il-Gvern iqassam u jħallas il-benefiċċji soċjali u ma  jżidx taxxi - jridu jiġu! U ħafna minnhom mit-turiżmu se jiġu!

Imma l-mistoqsija hija: Malta ippreparata? 

L-ewwelnett huwa importanti li Malta jkollha konnessjonijiet u seat capacity tajbin għax huwa inutli li jkunu jixtiequ jiġu eluf kbar ta' turisti hawn jekk Malta titlef il-kompetizzjoni ta' kemm hija konnessa tajjeb minn uħud mill-aktar ajruporti importanti u kruċjali u li minnhom jiġu l-aktar turisti f'pajjiżna. Huwa importanti daqstant ukoll li Malta jkollha biżżejjed ajruplani deħlin u ħerġin, biex dawk li jridu jiġu Malta minn dawn l-ajruporti jkunu jistgħu jiġu bl-eluf kbar, minflok bl-eluf inqas. 

Issa niġu għal pajjiżna. 

Ma għandniex xi ngħidu, dawn il-jiem mirjieħa u l-grigalati li għamlu komplew juruna kemm għandna pajjiż maħmuġ. Ma hemmx fejn iddur magħha. Kaxxi, plastik, laned, karti, kollox geġwiġija jtir mar-riħ. Imbagħad forsi l-ġimgħa d-dieħla tara kennies wieħed, waħdu. Bir-rispett kollu din li donnu l-awtoritajiet mhumiex jieħdu din il-kwistjoni bis-serjetà ma nistgħux nifmuha. Is-servizz tat-tindif tal-pajjiż għandu jkun effiċjenti u kontinwu - kullimkien u b'mod speċjali f'żoni tursitiċi. U filwaqt li huwa veru li belt bħal San Pawl il-Baħar - fejn għandek eluf kbar jgħixu, tara ħafna aktar diżrispett fejn jirrigwarda r-rimi tal-iskart u nuqqas ta' għarfien li jwassal għal aktar ħmieġ, il-ħidma u l-investiment f'dan il-qasam jeħtieġ jittripplaw. Filwaqt li l-Ministru Clayton Bartolo kien ħabbar Dipartiment tat-Tindif iddedikat apposta għal din il-lokalità - liema servizz fil-fatt beda jitħaddem - u dan huwa tajjeb, issa li ġej Sajf ieħor din il-ħidma jeħtieġ tikber, is-servizz ikun estiż aktar u jekk hemm bżonn isir aktar investiment. U l-istess hemm bżonn isir f'lokalitajiet oħrajn: San Ġilajn, Tas-Sliema, Marsaxlokk u Birżebbuġa, fost oħrajn. 

It-tielet kwistjoni wara l-konnettività u l-ħmieġ, huwa s-servizz. 

Hemm bżonn jibqa' jkun aċċertat illi s-servizz mogħti lit-turist, mit-taxi sal-lukanda, sar-ristorant ikun dejjem tajjeb. Il-Ministru Bartolo kien qal f'intervista ma' din il-gazzetta illi hu jrid li kemm jekk turist imur jiekol pizza u anke jekk imur jiekol fl-aktar ristorant għoli, dejjem hemm bżonn jingħata servizz tajjeb. U filwaqt li s-servizz tjieb u hawn ħafna iktar ordni minn meta ħafna kien moħħhom biex iqaxxru qamla minn fuq dahar turist, hemm lok għal titjib. Ħafna negozji batew minn nuqqas ta' ħaddiema - u wħud għadhom qed jesperjenzaw din il-problema - u inti ma jistax ikollok prodott tajjeb jekk ma għandekx min jwassal dak il-prodott għand il-klijent. 

In-nuqqas ta' ħaddiema hija kwistjoni li trid tibqa' tkun inidirizzata u fejn hemm problemi u sfidi ċari ta' impjiegi li mhux se jimtlew mill-Maltin, anke jekk il-paga offruta tkun aċċettabbli u skont ir-realtà ta' dak l-impjieg, mela n-negozju għandu jkollu faċilità akbar biex jimpjega barranin. Dejjem bil-patt u l-kundizzjoni li dawn jitħaddmu legalment, skont il-liġijiet tax-xogħol u bi ħlas ugwali għal persuna Maltija li tagħmel dak l-istess xogħol. Ħlas ugwali, għal xogħol ugwali - ma hemmx tidwir.

Ħaġa oħra hija l-kostruzzjoni. Din il-problema mhux se tissolva mil-lum għall-għada u hemm bżonn politika aktar fit-tul biex ikun determinata kif se tiġi ffaċċjata din l-isfida. Ċerti żoni f'Malta bħalissa tant għaddej żvilupp ta' kostruzzjoni fihom - liema żvilupp hemm densità qawwija tiegħu fi spazju żgħir - li spiċċaw qishom sit ta' kostruzzjoni enormi. Il-Qawra u Paceville huma tnejn minn dawn. Krejnijiet, trab u bini tiela' kullimkien. 

Filwaqt li l-investiment huwa bżonnjuż u kull fejn joħloq l-impjiegi u huwa sostenibbli huwa ħafna aktar milqugħ, irridu niddeċiedu wkoll x'irridu. Irridu turist li jiġi pajjiżna biex malli jiftaħ it-tieqa tal-lukanda jara barriera jew krejn u pajjiż 'under construction'? Jew irriduh jara pajjiż sabiħ u uniku? Pajjiż b'karattru jew pajjiż li f'xi partijiet minnu dejjem qisha waqgħet bomba fihom?

U finalment, it-tradizzjonijiet. Minkejja li hawn min jara t-tradizzjonijiet tagħna bħala xi ħaġa kważi ħażina (snobbiżmu u klassisżmu fost xi wħud!) huwa importanti ħafna li pajjiżna jibqa' jdakkar u jieħu ħsieb it-tradizzjonijiet soċjali, kulturali u gastronomiċi tiegħu. Il-festi, l-armar, in-nar tal-art u l-ajru, il-festivals li jippromovu prodott Malti u tant aktar hemm bżonn li l-Gvern u l-Ministeru tat-Turiżmu jkomplu jinvestu fihom. Kif hemm bżonn li jsiru inizzjattivi biex aktar negozji jitħarju jiftħu ristoranti u stabbilimenti li jservu ikel u inbejjed kif ukoll prodotti, ġenwini Maltin.

Għandna nieħdu ħsieb u ngħollu 'l fuq dak kollu li jagħmilna Maltin u li jagħmilna differenti u jagħtina identità, mhux narmuh sforz il-progress. Għandna niftaħru bl-ikel Malti u Mediterranju u mhux nagħtuh bis-sieq - mhux biss għat-turist, imma għalina stess u għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.

Lit-turist irridu nagħtuh esperjenza mill-isbaħ u esperjenza unika. Dan huwa l-aqwa investiment fina nfusna, fl-ekonomija tagħna u wara kollox fil-but tagħna għax kif tgħid dik il-famuża frażi - kważi klixè saret illum - Mit-turiżmu jiekol kulħadd. 

Veru li l-ekonomija iddiversifikat mas-snin, imma ejja ma tgħaddix mill-kurituri ta' moħħna li dan il-pajjiż jista' jkollu ekonomija vibranti, li qed toħloq il-ġid u l-impjiegi, li qed tkabbar il-kejk ekonomiku biex il-Gvern ikun jista' jqassam, mingħajr it-turiżmu u dawk kollha li investew ħajjithom u l-miljuni kbar fih. 

More in Politika