Justin Schembri | Il-Klassi tal-Kwarantina

Għalhekk, għalkemm xi studji juru li t-tagħlim online jista’ jkun aktar relevanti għal uħud, wisq nibża’ li l-ebda klassi virtwali ma tista’ tieħu post dik fiżika

Waħdi. Fil-klassi. Mingħajr Ministri, Surmastrijiet, studenti. Il-klassi tal-kwarantina. 

Bilqiegħda fi klassi bi 23 siġġu jistrieħ fuq 23 mejda kwieti jħarsu lejja, għafast il-buttuna tal-“Meet” fuq il-Microsoft Teams, u fi ftit sekondi, qabdu telgħin quddiemi l-inizjali tal-istudenti li dakinhar kienu lkoll “quddiemi” imma daqstant ’il bogħod minni. Ħarist sewwa lejn is-siġġijiet u l-imwejjed, u tajt titwila mal-erba’ naħat tal-klassi kiesħa, bierda, vojta u nieqsa minn kull element ta’ emozzjoni, storbju u ġenn, dawk l-elementi cocktail tal-klassi. Imbagħad qbadt niffoka fuq il-klassi virtwali, ikkonnettjati lkoll b’mezz li sa ftit xhur ilu qas biss konnu nikkunsidrawh bħala mezz alternattiv ta’ tagħlim. 

Ma jidhirli li qatt kelli okkażjoni li fiha ngħallem quddiem klassi vojta! L-għalliem irid l-udjenza li timmotivah, tistimulah u tiggiwdah. L-għalliem ma jgħallimx fi klassi battala. Il-fokus din id-darba kellu jkun kompletament fuq il-kontenut li rrid inwassal skont il-pjan ta’ ħidma miftuħ quddiemi, biss. Ma hemmx ħtieġa li nżomm il-kuntatt indirett ma’ kull tifel u tifla quddiemi waqt li nispjega u nfisser. Dawk il-ftit minuti sakemm kulħadd jirrealizza li l-lezzjoni waslet biex tibda – kemm tibda malajr! – li fihom kulħadd ikollu xi ħaġa xi jgħid lil kulħadd, u li fihom kulħadd isib biżżejjed skużi biex jibqa’ jġebbed kemm jista’ sakemm tibda l-lezzjoni, li fihom nosserva l-uċuħ kollha, li fihom nagħraf il-burdati tagħhom, li fihom ninnota l-attitudni tagħhom, li fihom nizzikaw ftit lil xulxin fuq xi partita futbol, li fihom naqsam magħhom xi ħaġa li nkun skoprejt jew tgħallimt lil hinn mis-suġġett u... illum huma ma jeżistux. Illum, kulħadd kwiet, ipparalizzat wara l-kompjuter... u l-kompjuter tiegħi qed jagħtini biss l-inizjali ta’ ismijiet li naf sew u li llum irrid biss nimmaġinahom, wieħed – wieħed, waħda – waħda. Sadanittant, minn wara dahri, ninduna li għaddejja diskussjoni, virtwali wkoll, bejniethom ilkoll li llum flok qed jiddibattu quddiemi fuq mitt elf ħaġa – u aktarx jiena magħhom – qed jipprovaw jaqtgħu jekk il-background ta’ warajja hux reali jew aġġustat.     

U tibda l-lezzjoni. 

Din hi r-realtà tal-lum, realtà li fiha rridu nsibu kull metodu alternattiv biex nibqgħu għaddejjin bil-pjan edukattiv tagħna hija realtà differenti mhux għax qed ngħixu waqt pandemija u l-metodu ta’ tagħlim kellu jaddatta u jkun diversifikat skont il-ħteġijiet tal-mument, imma għaliex aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed niffukaw biss fuq it-tagħlim akkademiku daqslikieku l-istudenti tagħna, uliedna, huma robots. 

Din l-okkażjoni li spjegat aktar ’il fuq hija biss lezzjoni minn uħud li rrid nagħti lill-grupp ta’ studenti li bħalissa qegħdin fi kwarantina mandatorja, u hemmhekk tinnota li l-edukazzjoni mingħajr il-kuntatt fiżiku hija edukazzjoni kiesħa għaliex il-klassi li tivvibra bl-emozzjonijiet, li titriegħed bid-diskors, bl-għajat u bil-ġenn u bl-istorbju, hija l-klassi li rrid jiena bħala għalliem – li jridu l-maġġoranza tal-għalliema. Min irid statwi pparalizzati wara l-iscrins tal-kompjuter? 

L-argument li qiegħed nipprova nġib hawnhekk jistrieħ aktar fuq in-narrazzjoni milli fuq l-argumentazzjoni. Ilkoll naqblu li l-edukazzjoni li tipprepara lit-tfal tagħna għall-ħajja mhijiex biss l-edukazzjoni kurrikulari, imma ħafna aktar minn hekk. Għalhekk, għalkemm xi studji juru li t-tagħlim online jista’ jkun aktar relevanti għal uħud, wisq nibża’ li l-ebda klassi virtwali ma tista’ tieħu post dik fiżika. 

Il-qofol tal-klassi, u fuq kollox tal-iskola, huwa l-ambjent li jagħti l-opportunitajiet lit-tfal tagħna jitgħallmu dak li mhux maħsub u preparat fis-sillabi. Il-ħiliet komunikattivi, soċjali u interpersonali huma ħiliet li l-ebda klassi virtwali ma tista’ qatt tgħallimhom. Aktar minn hekk il-klassi toħloq atmosfera li tagħti lit-tfal l-opportunità li jkunu parti minn komunità li ma tistax teżisti online. 

Għalhekk, mill-ġdid insostni dak li ilni ngħid, li l-iskejjel għandhom jibqgħu miftuħa u jkunu l-aħħar li jagħlqu. Madankollu rridu nifhmu li l-iskejjel għandhom ikunu aktar protetti mill-pubbliku inġenerali u mogħtija direzzjoni ministerjali. Sfortunatament, wara li rajna b’ħafna pompa lill-Ministru Justyne Caruana żżur l-iskejjel dakinhar tal-istrike biex tinstiga lill-edukaturi li segwew id-direttivi, minn dakinhar lil hawn, ma jidhirlix li żaret l-iskejjel biex tieħu f’idha r-responsabbiltajiet li għandha u li mhux terfa’. Nistaqsi: x’qed isir aħjar fl-iskejjel minn qabel l-istrike? It-tweġiba, ma nweġibhiex jiena, imma jweġbuha dawk kollha li jafu daqs kemm naf jien.

More in Politika