Editorjal | Politiċi, rigali u s-serjetà!

Xejn mhu b'xejn u xejn ma jsir għal xejn ma' min għandu l-poter.  La mawra fuq il-private jet, la tliet fliexken Petrus, la Whatssapp Messages minn filgħodu sad-dlam, la ħlas ta' akkomodazzjoni f'lukanda ...,. kollox fih prezzu!

Ir-relazzjoni li tqajjem mistoqsijiet u dubji, bejn in-negozjanti u l-politiċi ma bdietx ma' Jason Azzopardi u lanqas se tieqaf miegħu.  Kellna każi li ħarġu u oħrajn li le, għadhom ma ħarġux imma probabbilment se joħorġu, ta' politiċi u uffiċjali pubbliċi li aċċettaw rigali, servizzi b'xejn, xi  mawriet fuq xi private jet - u aktar.  Malta żgħira u n-nies magħrufa, malajr sirna nafu dwar ħlasijiet li d-DB kien qed jagħmel lill-Partit Nazzjonalista jew inkella l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri u flus jew ħlasijiet għaddejjin lejn gazzetta ewlenija f'dan il-pajjiż jew inkella t-tmexxija tagħha.  Jissemmew ħafna d-donazzjonijiet li jgħaddu bejn il-partiti u negozjanti kbar li mbagħad, x'kumbinazzjoni, meta dak il-partit jitla' fil-Gvern jirbħu t-tenders li jkun fihom ftit miljuni mhux ħażin. 

Forsi ta' Azzopardi, wara dak li żvelat din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda, dehret aktar u qajmet ħafna iktar diskussjoni għaliex huwa ħafna aktar voċiferu dwar il-korretezza politika u allura wieħed jistenna li min ixandar il-korretezza u l-purità jkun pur u korrett dejjem hu u fejn ma kienx, jiddikjara minn qabel ħalli kulħadd ikun jaf.  Kif jgħidu bl-Ingliż 'all the cards on the table'.  Il-fatt illi ma għamilx dan meta kellu diversi opportunitajiet  kien żball u jkun ta' xejn li Azzopardi jsejjaħ l-istorja 'invenzjoni' meta hu stess ammetta li ġrat u eventwalment (u sewwa għamel) talab skuża.  

Imma ejja ma naħsbux li dan kien l-uniku u l-aħħar każ. 

Is-sospensjoni jew  awto-sospensjoni ta' Azzopardi mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, kien hemm min sejħilha finta u falza.  Anke jekk stess hi, u f'dan il-punt wieħed ma jistax jgħid li hi jew mhix b'mod definittiv,  wieħed jistenna issa wkoll illi fil-każi simili li jista' jkun hemm jew jistgħu jirriżultaw fil-futur, politiċi u uffiċjali oħrajn ukoll jissospendu lilhom infushom jekk aċċettaw rigali jew għotjiet ta' servizzi, oġġetti jew affarijiet oħra ta' ċerta valur sostanzjali b'xejn li setgħu deheru, anke jekk ma kinux, qed jikkompromettu l-pożizzjoni ta' dak id-Deputat jew inkella (aktar agħar) ta' dak il-Ministru.  

Il-mument li nibdew niskużaw jew inċekknu dak li jagħmel politiku li jikkompromettieh, kif kien hemm min għamel fil-każ ta' Azzopardi, kif kien hemm min għamel f'każi simili marbutin ma' politiċi Laburisti, u kif se jerġa' jkun hemm min jagħmel fil-futur - huwa l-mument li aħna nagħtu l-liċenzja lill-politiċi biex jagħmlu li jridu

Il-punt kardinali huwa dan:  Ħadd ma jagħtik xejn ta' xejn! Ma nilgħabuhiex tal-boloħ.  Ħadd ma jsiefrek bil-private jet biex tara logħba football jew xi finali taċ-Champions League meta inti politiku u allura għandek il-poter, hekk għalxejn.  Ħadd ma jagħtik tliet fliexken inbid Petrus li jiswew €5,000 meta inti l-aktar persuna li għandek poter f'Malta, għalxejn (anke jekk Muscat għamel sew li ħalliehom f'idejn l-Istat u ma ħadhomx hu!).  Ħadd ma jħallaslek il-pagi jew iħallaslek xi kampanja elettorali biex ikollok il-poter, għalxejn - għax qalbu perżuta għal Malta.  Ħadd ma joqgħod jibgħat iċ-chats minn filgħodu sad-dlam lil xi politiku ta' poter, jekk mhux biex ikun fiż-żarbun tal-poter!  U naturalment ħadd ma joqgħod iħallaslek kamra f'lukanda li tiswik l-eluf, meta inti deputat għalxejn lanqas.

L-eks Ministru John Dalli kien iħobb jgħidha ħafna u kellu raġun:  "Xejn mhu b'xejn" - lanqas pjaċir jew rigal ma jingħatax lil politiku għalxejn!  Jingħata, għax min tah qed jistenna xi ħaġa lura.  

Mela ejja naqblu fuq il-kunċett hawnhekk.  Politiku, jekk hux Ministru, Segretarju Parlamentari jew biss Deputat m'għandu qatt jaċċetta rigali li jistgħu jikkompromettuh.  Hawnhekk m'aħniex qed ngħidu xi familja tagħti biro jew xi ħadd jagħti figolla.  Qed nitkellmu fuq rigali u servizzi li jiswew ħafna flus u li jiġu mogħtija minn negozjanti kbar li xi darba jew oħra  se jiġu quddiem politiku u jagħmlulu pressjoni biex tgħaddi xi miżura, biex jgħaddi xi permess, forsi biex jirbaħ xi tender jew xi erba' biċċiet xogħol, biex jingħata xi biċċa art pubblika u nistgħu nibqgħu sejrin. 

Quddiem dawn politiku irid ikun dejjem sod, mhux kompromess minn xi ftehim jew minn xi servizz li qed jieħu b'xejn jew minn xi rigal jew minn xi pjaċir jew agħar minn hekk, mill-finanzjament tal-kampanja elettorali tiegħu minn xi negozjant. 

Dik hija s-serjetà li tant nitkellmu fuqha hawn Malta. Bla kompromessi.  Ħa min ħa, hu min hu jew hi min hi u qiegħed ma' liema partit qiegħed.  Jekk inti politiku, tkellem ma' kulħadd - imma torqod ma' ħadd!  

Il-mument li nibdew niskużaw jew inċekknu dak li jagħmel politiku li jikkompromettieh, kif kien hemm min għamel fil-każ ta' Azzopardi, kif kien hemm min għamel f'każi simili marbutin ma' politiċi Laburisti, u kif se jerġa' jkun hemm min jagħmel fil-futur - huwa l-mument li aħna nagħtu l-liċenzja lill-politiċi biex jagħmlu li jridu u biex il-mentalità nepotista u korrotta tixxettel, mhux tonqos. 

L-istorja li ħarġet din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda kienet karta ħamra għal Azzopardi, pero kienet ukoll karta safra għal dawk il-politiċi kollha li mhumiex qed jagħmlu distinzjoni ċara bejn il-pożizzjoni ta' poter tagħhom u min irid juża' dak il-poter għall-vantaġġ tiegħu. 

 

More in Politika