Editorjal | Serqa leġittimizzata. Il-kuntratt VGH għandu jkun nullifikat

Il-kuntratt lil Vitals Global Healthcare kien serqa, imma issa qed insiru nafu wkoll f’liema livelli sfaċċati niżlu dawk in-nies li taw tliet sptarijiet pubbliċi lil din il-kumpanija

Din il-ġimgħa sirna nafu li Ram Tumuluri, ir-raġel li hedded u qabbad lil min jhedded lil din il-gazzetta bi SLAPP fil-Kanada, għax kienet din il-gazzetta l-ewwel li kixfitu – li mexxa negozju li falla (ergo fallut) u li agħar minn hekk kien instab ħati minn Qorti Kanadiża li seraq flus ta’ bookings tal-lukanda li kien qed imexxi; in-Nikita Lake Lodge- ta lilu nnifsu €5 miljuni. 

Kos hux, meta tiftakar li kien hawn min f’pajjiżna – saħansitra ġurnalisti – li ddefendew l-oppożizzjoni għall-ISLAPP. Ara lil liema tip ta’ ħallelin kienu qed jipproteġu dawn. 

Mhux biss, kif ilna ngħidu, il-kuntratt lil Vitals Global Healthcare kien serqa, imma issa qed insiru nafu wkoll f’liema livelli sfaċċati niżlu dawk in-nies li taw tliet sptarijiet pubbliċi lil din il-kumpanija, li għadna sal-lum ma nafux min huwa l-Ultimate Beneficiary Owner (UBO) tagħha. Xi ħlew hux! Seraqna xi ħadd, imma ma nafux eżatt min seraqna! Dak għaqal bl-assi tal-poplu!  Dik ġustizzja soċjali! Dak soċjaliżmu! 

Niffriskaw naqra l-memorja: il-VGH ma kellha ebda esperjenza fis-saħħa, ġiet iffurmata biex tirbaħ it-tender għall-isptarijiet. Kienet din il-gazzetta li żvelat kif il-Gvern – kemm Nazzjonalista u anke Laburista – kien investa bil-qawwi f’apparat mediku, sodod, għamara u aktar f’dan l-isptar, eżatt qabel inbiegħ. Konna żvelajna wkoll illi l-Gvern intrabat li jibqa’ joħroġ €1.8 miljun fis-sena għall-Isptar ta’ Għawdex.

Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat ukoll illi l-VGH, permezz ta’ Shapoorji Pallonji ma kinux qed iħallsu lil Gatt Brothers, kumpanija tal-kostruzzjoni lokali. Il-Ħadd ta’ qabel l-ILLUM żvelat ukoll kif it-tim sħiħ li kien qed jieħu ħsieb l-informatika, fosthom sistema ta’ ‘inputting’ ta’ pazjenti ħallew iċ-ċwievet mal-ħaddiema tal-VGH u telqu minn Malta.

M’hemmx skużi! Din tal-VGH kienet serqa, leġittimizzata mill-istat, minn dawk li direttament jew indirettament kienu responsabbli għal dan il-kuntratt

Imbagħad fallew, għax kien irrapportat li l-VGH ma kellhiex biżżejjed flus. Alla jbierek! Ħadu tliet sptarijiet għal ewro wieħed biss, tajniehom l-eluf tal-ewro kuljum biex jagħmlu dan il-proġett, m’għamlu prattikament xejn, ma ħallsux lill-kuntratturi - imma xorta fallew. Jew forsi kienu ddestinati li jfallu? Jew forsi hemm ħafna aktar li għad irridu niskopru? Il-kuntratt għandu jitwaqqa’ u jekk hemm bżonn jerġa’ jibda proċess ta’ privatizzazzjoni mill-ġdid. 

M’hemmx skużi! Din tal-VGH kienet serqa, leġittimizzata mill-istat, minn dawk li direttament jew indirettament kienu responsabbli għal dan il-kuntratt. 

Robert Abela għandu jagħmel dak li hu sew, kif diġà wera li hu predispost li jagħmel fuq kwistjonijiet nazzjonali u fir-rigward ta’ governanza. Armi dan il-kuntratt fil-landa taż-żibel, ġib lil Ram Tumuluri lura u ġiegħlu jiffaċċja l-ġustizzja flimkien ma’ kull min seta’ huwa mdaħħal f’din l-oxxenità u wiegħed lilek innfisek, lill-poplu u lil dawk kollha ta’ rieda tajba li ħniżrijiet bħal dawn ma jerġgħux isiru.

More in Politika