Editorjal | Paġna ġdida

Minkejja l-ostakli kollha li hemm quddiemna, irridu nsibu l-aħjar metodi biex inwasslu l-kitbiet tagħna

Mill-bidu tagħha f’April 2006, il-gazzetta ILLUM stqarret u ddikjarat li trid tkun il-gazzetta bl-ilsien Malti li tħares lejn l-interessi ta’ dawk li ma għandhomx vuċi. 

Gazzetta Maltija indipendenti bi ħsieb ċar favur dawk li qegħdin fix-xifer, dawk il-minsija, il-ħarsien ambjentali, r-riformi soċjali, l-inġustizzji, il-migranti, l-integrazzjoni u kif ukoll l-kontabilità. 

Ma ppruvajnix ma nagħtux l-impressjoni li din il-gazzetta hi gazzetta bi prinċipji xellugin sodi. Aktar u aktar meta rajna li ħafna mill-prinċipji xellugin ma kienux rappreżentati fil-midja l-oħra u fil-Partit Laburista.

Illum ħarsa madwarna tkompli tikkonferma li l-vojt li kien hemm fil-midja, llum jekk xejn kiber u mhux ċkien.

Illum hemm infatti dominanza minn midja li mhix imnebbħa minn xi ideal partikolari ħlief li tkun popolari.

U l-midja f’Malta saret qisha divertiment. Minn bloggers li jippreżentaw intervisti b’ebda referenza għall-kuntest u huma superfiċjali, għal gazzetti u portals li huma xprunati minn stejjer li jġibu l- ‘clicks' u mhux stedina għal diskussjoni serja.

Dan wassal għal sitwazzjoni fejn dawk l-istejjer umani u li dawk l-istejjer li jqanqlu mistoqsijiet importanti dwar l-aspetti soċjali u ambjentali mhumiex imfittxija mill-qarrejja.

Insejna l-iskop tal-midja bħala r-raba pilastru tad-demokrazija.

Huwa f’dan il-kuntest li l-ILLUM bħala gazzetta trid tkompli taħdem. 

Minkejja l-ostakli kollha li hemm quddiemna, inkluż finanzjarji, irridu nsibu l-aħjar metodi biex inwasslu l-kitbiet tagħna.  Mingħajr ma ninsew minn fejn bdejna u fejn iridu naslu.

Qegħdin f’pajjiż fejn il-movimenti politiċi fuq ix-xellug huma riflessjoni fqira ta’ x’suppost ikunu. 

Jew inkella fejn kull forma ta’ narrativa li tagħmel mistoqsijiet fuq l-kapitaliżmu u r-regħba jiġu trattati bħala estremi jew żejda.

F’dan id-dawl il-gazzetta ILLUM bi ħsiebha tbiddel il-wiċċ u forsi anke l-enfasi biex tkun rilevanti u kif ukoll aktar effettiva. Numru ta’ edituri u ġurnalisti ħadmu snin twal fil-gazzetta.  Mingħajrhom ix-xogħol siewi ta’ 17 il-sena ma kienx ikun possibli.

Issa wasal iż-żmien li naġġornaw ftit biex nilqgħu għall-mewġ ta’ bidla fuq il-midja tradizzjonali. Ninbiddlu imma l-kitba u l-enfasi jrid jibqa’ l-istess; dirett u bla tlaqliq u politiku!

More in Ittri