Il-Bormliżi jirrestawraw waħda mill-akbar kolonni tal-festa f'Malta li għandha aktar minn 140 sena

Il-kolonna ngħatat id-dehra oriġinali tagħha u sar ukoll xogħol ta' restawr fuq l-istatwa tal-Madonna li tittella' fuqha. Dan ix-xogħol se jkun inawgurat waqt il-marċ ta' nhar it-Tlieta 6 ta' Diċembru

Il-kolonna qabel ir-restawr
Il-kolonna qabel ir-restawr

Bormla bħalissa qed tipprepara għall-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Il-Kolleġġjata qed tilbes il-libsa tal-festa u daqstant ieħor it-toroq ta’ din il-belt storika. Anke jekk fuq barra, kollox jiddependi mit-temp, il-Bormliżi qatt ma qagħdu lura fejn jidħol l-armar ta’ barra u huma magħrufa għall-armar tal-injam.

Nhar it-Tlieta li ġej, 6 ta’ Diċembru, il-Bormliżi se jinawguraw ir-restawr li sar fuq il-kolonna li fuqha tittella’ statwa tal-Immakulata Kunċizzjoni wara dimostrazzjoni. Bla dubju din hija waħda mill-akbar u l-isbaħ kolonni li hawn f’Malta.

Din il-kolonna fiha 70 biċċa biex tintrama u twila 23 pied u nofs. Din saret fuq disinn tas-Surmast Nikola Zammit, li huwa magħruf għal ħafna xogħlijiet, inkluż il-Portiku tal-Knisja Parrokjali tas-Siġġiewi. 

Ir-restawr ilu għaddej mit-13 ta’ Diċembru tal-2016 u f’dawn ix-xhur inħadmet anke skultura ġdida tal-injam fil-postijiet fejn kien hemm in-nieqes. Hekk, din il-kolonna, ingħatat id-dehra oriġinali tagħha.

Ta’ min isemmi li oriġinarjament, din il-kolonna nħadmet għall-istatwa tal-Beatu Piju IX li kien ipproklama d-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni. Fil-fatt, il-kolonna kienet saret fl-1878, sentejn wara li miet il-Papa.

Madanakollu, maż-żmien, din bdiet tintuża għall-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni, anke jekk il-Papa ma tħallix b’xejn għax saritlu kolonna oħra mdaqqsa li wkoll għadha tintrama sla-lum. Ta' min isemmi li din il-kolonna kienet intramat fix-Xgħira ta' Bormla għall-ewwel żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f'Malta.

Waqt ir-restawr, Emanuel Micallef ħa ħsieb l-irħamar. Twanny Previ ħadem l-iskultura li kien hemm nieqsa fl-injam, Ray Gaunt għamel il-gwarniċi u Pawlu Bonello ħadem biċċiet oħra tal-injam. 

Il-kolonna armata għall-ewwel żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II
Il-kolonna armata għall-ewwel żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Inħadem ukoll kanċell tal-ħadid biex tkun protetta aktar. Dan inħadem minn Joe Dimech fuq disinn ta’ Emanuel Micallef.

Apparti minn hekk, inħadmu wkoll stillarju u qamar ġdid għall-istatwa tal-Madonna li wkoll ġiet irrestawrata. Dawn saru minn Alfred Busuttil, filwaqt li Twanni Zammit ħadem erba’ pilandri ġodda li jkomplu jiddekoraw l-istess kolonna. L-induratura kollha kemm tal-kolonna u anke tal-istatwa saru minn Chris Jones.

Diversi voluntiera oħra taċ-Ċentru 19 ta’ Novembru 1944 ħadu ħsieb il-ġarr tagħha u anke xogħlijiet oħra li kien hemm bżonn. 

Nhar it-Tlieta, fit-7.55pm, jibda marċ mill-Banda San Ġorġ minn quddiem il-każin sa quddiem il-kolleġġjata fejn għat-8:00pm se jiġi inawgurat ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq l-istatwa.

Il-Banda takkumpanja l-istatwa madwar it-toroq ta’ Bormla biex fil-10:45pm se ssir l-inawgurazzjoni tal-Kolonna fi Pjazza Paolino Vassallo u t-tlugħ tal-istatwa. Se jintwera wkoll feature dwar ix-xogħol li sar. 

More in Festi