‘L-Isla grata lejn minn xerred demmu:’ Il-monument ta’ Malta Rebbieħa fil-festa tal-Bambina

L-Isla tieqaf biex tiċċelebra s-solennità tat-Twelid tal-Verġni Marija, jew aħjar il-festa tal-Bambina kif nafuha l-Maltin. Apparti minn hekk, f’din il-ġurnata, magħrufa wkoll bħala l-Vitorja, il-Maltin ifakkru r-rebħa fuq l-Assedju l-Kbir u jirringrazzjaw lill-Bambina għaliha. Fl-Isla, il-Belt qatt mirbugħa, dawn il-ġrajjiet huma ċċelebrati bi kbir tant li fil-qalba tal-armar, wieħed isib ukoll monument f’ġieħ Malta Rebbieħa 

It-tmienja ta’ Settemrbu hija ġurnata mniżżla fil-kalendarju tal-festi nazzjonali. Meta niftħu l-paġni tal-istorja, niftakru li dan il-jum twieled mar-rebħa tal-Kavallieri u l-Maltin fuq l-għadu Mislem, vittorja li tqieset bħala t-tmiem ta’ theddida fuq it-twemmin u ċ-ċiviltà Nisranija, aktar u aktar meta ġiet lejlet il-festa tat-Twelid tal-Madonna. 

Il-poplu feraħ u għammed dan il-jum bħala l-Festa tal-Vitorja. Fl-ewwel Otto Settembre, fil-Birgu saret purċissjoni mill-knisja tal-Lunzjata għall-Knisja Konventwali ta’ San Lawrenz, bis-sehem tal-Gran Mastru La Valette. Hawn, tkanta l-innu ta’ radd il-ħajr.  

Monument tar-rebħa 

Fl-1581, il-knisja ewlenija tal-Isla nħatret parroċċa bl-isem ta’ ‘Santa Marija tal-Vitorja’, b’tifkira tar-rebħa l-kbira tal-1565, kif jixhdu l-kliem minquxa fuq il-faċċata tagħha: Monumentum Insignis Victoriae MDLXV. Hekk, id-data liturġika tat-Twelid tal-Madonna, ingħaqdet ma’ jum il-rebħa u l-kelma ‘vitorja’ saret sinonima mal-festa tat-Twelid tal-Madonna. 

Ma’ ftuħ Settembru fil-qlub Maltin, l-aktar tas-Sengleani, jixgħel is-sens patrijottiku ta’ Malta rebbieħa. Dawn is-sentimenti, nisslu l-ħsieb u x-xewqa li fl-Isla, Civitas Invicta, tiġi ċċelebrata bil-kbir il-festa tal-Vitorja mat-tifkira tal-Assedju l-Kbir. U fis-6 ta’ Settembru, qrib Jum il-Vitorja, l-Isla tfakkar din ir-rebħa bi gratitudni lejn dawk l-antenati li xerrdu demmhom.  

Lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, is-Sengleani xeħtu ħarsithom fuq tnejn minn ‘ħuthom’, magħrufin sew għall-ħila artistika tagħhom. L-istatwarju Karlu Darmanin, talbuh isawwar statwa ta’ Malta Rebbieħa u lid-disinjatur u skultur Aristide Bonnici, talbuh iħejji disinn għal kolonna kbira li fuqha kellha titqiegħed dik l-istess statwa.  

Xi żmien qabel l-1888, iż-żewġ opri tlestew u saru parti mill-armar tat-toroq għall-festa tal-Bambina.  

L-istatwa tal-Malta armata fl-1905 fi Triq il-Vitorja kantuniera ma’ Triq id-Duluri.
L-istatwa tal-Malta armata fl-1905 fi Triq il-Vitorja kantuniera ma’ Triq id-Duluri.

L-istatwa ta’ Malta Rebbieħa 

Fl-istatwa allegorika ta’ Malta naraw il-figura ta’ mara liebsa korazza pettorali fuq libsa bajdanija li toħroġ minn taħt din l-armatura u tasal sal-wiċċ ta’ sieqha filwaqt li l-kmiem jgħattu parti mid-dirgħajn. Fuq rasha għandha elmu bi tliet pjumi, waħda bajda f’nofs tnejn ħomor. Dawn l-istess kuluri narawhom jiddominaw l-ilbies tant li, jikkumplimenta l-bjuda tal-libsa, naraw mant ħamrani li jaqa’ minn wara d-dahar u jibqa’ nieżel sa taħt saqajn il-figura. 

Id-driegħ lemini hu mgħolli ’l fuq, ixejjer xabla misluta. Id-driegħ tax-xellug, hu aktar baxx u ħiereġ ’l barra bil-figura qed iżżomm lasta bil-bandiera tal-Ordni tperper magħha.  

Hawn għandna figura pjuttost movimentata fejn l-id mgħollija tiġi bbilanċjata bl-id li magħha hemm il-bandiera. Filwaqt li l-id il-leminija tenfasizza l-vertikalità tal-figura, l-id ix-xellugija toħroġ ’l barra lejn l-ispettatur b’mod orizzontali u frontali. Il-figura qed iserraħ fuq sieqha l-leminija mentri l-oħra tinsab mitfuħa xi ftit lura u f’linja djagonali li tkompli tagħti moviment lill-kompożizzjoni.  

Din l-istatwa tgawdiet għal ftit aktar minn tmenin sena għaliex, sfortunatament, fil-lejl ta’ bejn it-8 u d-9 ta’ Settembru 1971, il-gżejjer Maltin intlaqtu minn maltempa qalila. Din ikkawżat ħafna ħsarat fl-armar ta’ barra tal-festa tal-Isla li kienet għadha kemm intemmet. Dan it-temp kiefer kien il-kawża li l-Malta ta’ Darmanin tintilef għal kollox. Kien diżappunt kbir f’għeluq il-festi ċinkwantenarji li fakkru l-inkurunazzjoni ta’ Marija Bambina. 

L-istatwa ta’ Malta Rebbieħa li naraw illum, b’xebħ mal-oriġinali, saret mill-istatwarju Ġlormu Dingli u żżanżnet fis-6 ta’ Settembru 1972.  

Kolonna monumentali 

Din il-kolonna kbira b’erba’ panewijiet għoljin, fil-kantunieri tagħha għandha figuri ta’ erba’ Torok, fosthom mara, b’ħarsithom telliefa ’l fuq lejn l-istatwa ta’ Malta Rebbieħa. F’idejhom iġibu  emblemi tal-Gran Mastri D’Homedes, La Sengle, La Valette u Cottoner. Dawn il-figuri, maħduma wkoll minn Karlu Darmanin, saru ftit snin wara li tlestiet il-Malta, u, sakemm saru, fil-kantunieri tal-kolonna, kienu jintramaw erba’ pilandri li, għal xi żmien, baqgħu wkoll jintramaw flimkien mat-Torok.  

Il-faċċatiet wieqfa tal-kolonna, li jiffurmaw it-tromba, huma mżejna bi skrizzjoni fuq parċmina dekorattiva. 

Fil-panew ta’ quddiem, naqraw hekk: “Dil-Belt li ma ntrebħitx qawwiet il-fidi”. L-Isla ssieltet mhux biss biex ma taqax taħt għadu barrani, iżda wkoll biex tibqa’ tgħożż il-fidi Nisranija li dejjem ħaddnet. L-istess fidi, raddet lura l-qawwa lis-Sengleani biex belthom ma tintrebaħx mill-għadu Mislem.  

Fuq waħda mill-faċċatiet tal-ġenb, hemm din l-skrizzjoni: “Qalbiena xejn anqas mill-aqwa ta’ kull ġens”. Din il-kitba tistqarr li, għalkemm żgħar bħala nazzjon, missirijietna rnexxielhom jirbħu fuq għadu kbir fin-numru u fil-qawwa. Iktar minn hekk, meta naraw iċ-ċokon tal-Isla, bi ftit nies qalbiena u bl-għajnuna ta’ xi kavallieri, dawn irnexxielhom ma jħallux lill-għadu qalil jidħol fil-belt u jirbaħha.  

Fil-faċċata ta’ wara, hemm skrizzjoni li taqra: “Malta grata lejn min xerred demmu”. Wara l-waqgħa ta’ Sant’Iermu, ħarset it-Torok waqgħet fuq l-Isla. Kollox kien jiddependi mit-taqbid ta’ fuq l-Isla u l-Forti San Mikiel. Il-Maltin u l-kavallieri, b’qalbhom ittaqtaq, stennew bil-ħerqa l-eżitu ta’ din il-battalja. Minkejja kollox, ir-rebħa ġiet. Għalhekk, sejra qatt l-Isla tinsa is-sehem kbir u erojku li taw uliedha f’din il-ġrajja storika u mdemmija?!  

Fuq ir-raba’ u l-aħħar panew naqraw hekk: “L-Isla stħaqqilha monument f’ġieħ ir-rebħa”. L-Isla kienet protagonista ewlenija f’din il-ġrajja. Jekk ma kienx jistħoqq ġieħ lill-Isla għal din ir-rebħa, mela min kien jistħoqqlu ġieħ?  

Fi Triq il-Vitorja 

Kif kien xieraq, sa mill-bidu nett, dan il-monument lil Malta Rebbieħa, beda jintrama fit-triq ewlenija tal-Isla – Triq il-Vitorja, għall-ewwel, kantuniera ma’ Triq id-Duluri. Aktar tard, probabbilment meta tkabbru t-turġien u z-zukklatuta tal-kolonna biex jinħoloq spazju aħjar għall-istatwi tat-Torok, il-Malta sabet postha aktar ’il fuq,  kantuniera  ma’ Triq Sant’Anġlu.  

Fis-snin tal-gwerra (1939-1942), la saru festi u anqas t-toroq ma ġew imżejna. Iżda fl-1943, meta fl-Isla saret il-purċissjoni storika bil-Bambina u li matulha waslet l-aħbar ta’ tmiem il-gwerra għal Malta, fit-toroq tal-Isla sar xi ftit armar. Fost l-oħrajn, l-istatwa ta’ Malta Rebbieħa, intramat fil-ġenb ta’ Triq il-Vitorja ma’ Triq Sant’Anġlu, iżda biss fuq it-turġien, iz-zukklatura u l-pedestall tal-kolonna, flimkien mal-erba’ Torok. 

Wara l-gwerra, u sal-1957, il-Malta ntramat fejn tintrama llum, fil-wesgħa ta’ Triq il-Vitorja, hekk kif tibda n-niżla, liema fetħa nħolqot kawża tat-tiġrif ta’ bini fl-inħawi fi żmien il-gwerra. Bejn l-1958 u l-1963, il-Malta reġgħet bdiet tittella’ fi Triq il-Vitorja kantuniera ma’ Triq Sant’Anġlu, sa ma sabet il-post fiss tagħha fl-1964. 

Dimostrazzjoni a la veneziana 

Il-baned kellhom sehem importanti fil-ġimgħa tal-festa tal-Bambina. Il-marċ l-aktar popolari kien dak tal-lejla tas-6 ta’ Settembru. Kienet lejla ċelebrattiva, xi drabi anke b’żewġ baned, li fiha kienet issir dimostrazzjoni a la veneziana, bl-istatwa ta’ Malta Rebbieħa. Żgħażagħ kienu jġorru fanali tal-karti li jixegħlu bix-xemgħa u bandalori u kartelli b’versi marbuta mar-rebħa tal-assedju mpittra fuqhom. 

Meta l-istatwa ta’ Malta kienet tittella’ fuq il-kolonna, l-għaqdiet kollha tal-parroċċa kienu jippreżentaw kuruni tar-rand u kien isir diskors kommemorattiv. Iċ-ċelebrazzjoni kienet tintemm bid-daqq tal-Innu Malti u bid-daqq ta’ Innu lil Malta, kompożizzjoni tas-Surmast Gaetano Grech fuq versi tal-Kanonku Francesco Zarb. Mis-6 ta’ Settembru 1960, beda jiġi esegwit Innu lil Senglea, kompost mis-Surmast Francesco Tesoriere fuq versi tal-Kanonku Carmelo Muscat. Dawn iż-żewġ innijiet kienu jitkantaw minn kor ta’ tfal Sengleani. 

Illum, l-istatwa ta’ Malta Rebbieħa, tinġarr fuq l-ispallejn fuq bradella mżejna bil-kuruni tar-rand tal-għaqdiet Sengleani, waqt marċ mill-banda ċittadina La Vincitrice. Mal-wasla tal-marċ biswit il-kolonna, l-istatwa tiġi miġbuda u mgħollija għal fuq il-kolonna permezz ta’ parank imqabbad ma’ ganċ ma’ dahar l-istatwa, bil-vent stirat tiegħu jgħaddi minn naħa għall-oħra tat-triq.  

It-trofew nazzjonali kif oriġinarjament kien jintrama.
It-trofew nazzjonali kif oriġinarjament kien jintrama.

Trofej b’tema Maltija 

F’dawn il-jiem Settembrini, l-istatwa imponenti ta’ Malta Rebbieħa, żgur li tisraq ix-xena. Il-madwar fejn jintrama dan il-monument jieħu s-sura ta’ dak nazzjonali. Jikkumplimentaw l-istatwa ta’ Malta, sett ta’ tmien trofej nazzjonali. L-Ordni ta’ San Ġwann kien forza navali u kellhu ħafna rebħiet. Meta kien jasal lura Malta xi galjott rebbieħ fuq l-għadu, kienu jnizzlu l-art l-oġġetti maqbudin jew, kif dejjem jissejħu, it-trofej. Dawn kienu jkunu bnadar Torok, xwabel, lanez u diversi armi oħra. F’kelma waħda, trofew militari jfisser rebħa u jqajjem miegħu sens ta’ nazzjonaliżmu patrijottiku.  

It-tmien trofej ta’ madwar il-Malta kienu magħmula minn antanjola tal-injam b’mannarett fit-tarf ta’ fuq u, ftit ’l isfel minnu, kuruna tar-rand b’salib u palma jaqsmu lil xulxin ġo fiha. Taħt il-kuruna tar-rand kienet titla’ bandalora sempliċi, bajda u ħamra, li fin-nofs tagħha, kellha pittura b’simboli marbuta mal-Assedju l-Kbir fejn kienet tispikka s-sena 1565. Il-bandalora kienet tkun dejqa u tispiċċa b’żewġ ponot (stil ta’ pennant). Il-lasta li żżomm il-bandalora kellha żewġ labardi, forma ta’ lanza, fit-truf tagħha u żewġ ktajjen imdendlin li jispiċċaw b’balal tal-ħadid bil-ponot. (Dawn isiru minflok lazzijiet bil-ġmiemen u jagħtu l-idea ta’ trofew militari) 

Zukklatura sempliċi, irħamata fuq l-iswed, tgħatti l-bażi tal-arblu. ’Il fuq miz-zukklatura kienu jitpoġġew żewġ friegħi tal-palm, maqbuda mal-arblu b’żigarella ħamra. F’għoli ta’ tmien piedi mill-art, jitqiegħed skudu tal-metal - tarka bis-salib tat-tmien ponot u elmu bil-pjum abjad u aħmar fuqu. Din it-tarka jkollha ukoll mannaretti, swat, lanzetti u xwabel ħerġin minnha. Sfond għat-tarka, hemm żewġ bnadar bojod u ħomor, b’lanzetta fit-tarf u l-ktajjen bil-balal tal-ħadid. Imbgħad, sporġuti ’l barra, joħorġu żewġ bandalori żgħar tal-Ordni, kompluti bil-lanzetti, mannaretti, ktajjen u balal tal-metal.  

Dan kien sett ta’ tmien trofej nazzjonali oriġinali u uniċi. Oriġinali u uniċi għaliex l-istil tagħħom ma kont tarah imkien. Nazzjonali għall-fatt li kienu magħmula minn drapp bil-kuluri nazzjonali biss, jiġifieri l-abjad u l-aħmar. Dan apparti minn simboli oħra marbuta mal-Assedju l-Kbir. 

Għaldaqstant, hija sfortuna li, mill-2018, minn dan kollu ftit baqa’. Hija wkoll stunatura li f’din l-atmosfera fuq tema nazzjonali, tmien bandalori tal-Lingwi tal-Ordni ta’ San Ġwann twaħħdu ma’ dawn it-trofej. Ċertament ma jixirqux u jidhru barra minn posthom.    

Nhar it-8 ta’ Settembru filgħodu, il-monument lil Malta Rebbieħa fl-Isla, jingħata wkoll ġieħ mill-Kumitat Festi Nazzjonali permezz ta’ tqegħid ta’ kuruna tar-rand imżewqa b’ward abjad u aħmar. 

More in Festi