Il-Belt Valletta tiżżejjen bi statwa oħra mill-isbaħ; L-Agostinjani jilqgħu l-istatwa titulari ta’ Santu Wistin issa kompluta

L-istatwa ta’ Santu Wistin tnaqqxet fl-injam mill-artisti Alfred u Aaron Camilleri Cauchi 

Il-Belt Valletta hija magħrufa għall-istatwi sbieħ meqjusa kapolavuri u issa aktar u aktar, hekk kif din il-ġimgħa, il-parroċċa Agostinjana, laqgħet l-istatwa titulari l-ġdida ta’ Santu Wistin kompluta bl-induratura u l-polikromija. 

Oriġinarjament, din l-istatwa ġiet inawgurata fl-2017, iżda dak iż-żmien tħalliet fl-istat oriġinali tagħha. Fil-fatt, għal dawn l-aħħar snin, wieħed seta’ jammira x-xogħol fl-injam ta’ din l-istatwa ta’ Santu Wistin, hekk kif tħalliet mingħajr żebgħa jew induratura.  

Hekk ħarġet, fost oħrajn, fil-Festa l-Kbira, meta fl-okkażjoni tal-Valletta 2018, kienu tlaqqgħu l-erba’ vari titulari tal-Belt Valletta u saħanistra kien hemm min xtaq li titħalla hekk, biex ikun jista’ jitgawda aħjar ix-xogħol fl-injam. 

Iżda fl-aħħar xhur inħasset il-ħtieġa li din l-istatwa tkun kompluta anke biex tkun tista’ tikkumplimenta aħjar mhux biss il-vari l-oħra li nsibu fil-Belt Valletta, imma anke l-vari kollha proċessjonali li l-Maltin imdorrija bihom. 

Għalhekk, madwar sentejn ilu, l-istatwa ttieħdet għand Horace Farrugia, fil-bottega tiegħu fl-Imdina, biex ikun jista’ jagħmel ix-xogħol tal-iżgraffir u l-induratura ta’ din il-vara.  

L-istatwa, ittieħdet ukoll għand l-artisti Alfred u Aaron Camilleri Cauchi, li naqqxuha fl-injam, biex ħadmu, din id-darba, fuq il-polikromija tal-vara u dekorazzjonijiet oħra. 

Din mhijiex l-ewwel vara titulari ta’ din il-parroċċa. Fil-fatt, l-istatwa titulari l-ġdida qed tieħu post statwa oħra tal-injam li kienet inħadmet mid-ditta Santa Ruffina fi Spanja fuq disinn tal-artist Ċensu Apap. 

Madanakollu, din l-istatwa qatt ma daħlet f’qalb il-parruċċani, anke għax kien hemm diskrepanzi kbar bejn l-abbozz oriġinali u l-iskultura finali. Apparti minn hekk, kienu saru diversi interventi fuq l-istess statwa biex tidher aħjar. Fost oħrajn saru alterazzjonijiet fil-kappa, fl-ispalel u anke fl-ilbies tal-istatwa.  

Tant hu hekk li meta waslet minn Spanja, Santu Wistin kien jidher liebes it-tonka sewda li jilbsu l-Agostinjani. Eventalment sar intervent biex minflok bit-tonka taħt il-kappa, Santu Wistin jidher liebes il-kamżu abjad, bil-bizzilla u anke l-istola, kif jilbsu s-saċerdoti. Kienet saret ukoll l-induratura. 

Minkejja kull tentattiv li sar, din l-istatwa baqgħet ma tinżilx tajjeb u eventwalment ittieħdet id-deċiżjoni li din tinbidel mhux biss biex issir waħda isbaħ, imma anke biex tkun tirrifletti aħjar il-kobor ta’ Santu Wistin, wieħed mill-akbar qaddisin u dutturi tal-Knisja u l-ħeġġa li hu kellu biex ixandar il-kelma t’Alla. 

Biex inaqqxu fl-injam din l-istatwa, intagħżlu l-artisti Alfred u ibnu Aaron Camilleri Cauchi li xogħolhom huwa mifrux madwar Malta u Għawdex, kemm fi knejjes u anke fit-toroq fil-ġranet tal-festi.  

Fil-fatt, Alfred Camilleri Cauchi ħadem ukoll l-istatwa titulari ta’ Kristu Re ta’ Raħal Ġdid u preżentament, flimkien ma’ ibnu, qed jaħdmu fuq is-sett statwi ġodda tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Ħal Għaxaq, sett sħiħ tal-injam. 

Wara li sar l-abbozz tat-tafal, l-artisti għamlu xeba’ xhur jaħdmu fuq din l-istatwa. Santu Wistin hu rappreżentat liebes ta’ Isqof. Fuq il-mitra, l-artist għamel xbihat tal-erba’ evanġelisti. F’idejh qed iżomm qalb tħeġġeġ li hi simbolu tal-qaddis u fl-id l-oħra baklu mill-isbaħ mixtri mill-Ordni tal-Agostinjani. Ħdejn saqajh u jżomm mal-baklu, hemm anġlu żgħir li wiċċu hu maħdum fuq in-neputi ta’ Alfred Camilleri Cauchi u iben Aaron Camilleri Cauchi. 

L-istatwa, wasslet fil-parroċċa fl-istess sena li fiha l-familja Agostinjana Maltija ċċelebrat il-200 anniversarju mit-twaqqif tal-Provinċja Agostinjana f’din il-gżira u ftit xhur qabel ġie mfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa Agostinjana Beltija. 

Hekk kif issa l-istatwa tlestiet bl-induratura ta’ Horrace Farrugia, li wkoll ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni, saret l-inawgurazzjoni tagħha nhar it-Tlieta li għadda, waqt kunċert ta’ mużika sagra.  

Matul il-kunċert ġew eżegwiti siltiet mużikali li wieħed isib fl-arkivju mużikali tal-Provinċja u tal-Kunvent tal-Agostinjani tal-Belt, miktuba minn Patrijiet, kompożituri famużi u oħrajn li nkitbu riċentament. 

L-istatwa se tkun qed toħroġ fit-toroq tal-Belt, għall-ewwel darba kompluta, nhar il-festa titulari, li din is-sena se ssir nhar il-Ħadd 18 ta’ Settembru. Il-purċissjoni tal-festa, f’din il-parroċċa, issir filgħodu u tgħaddi mhux biss mill-inħawi tal-Mandraġġ, imma anke minn Triq ir-Repubblika. 

More in Festi