Illejla l-Port il-Kbir jixgħel bil-kuluri tal-logħob tan-nar għall-festa ta' San Lawrenz

L-ispettaklu pirotekniku prinċipali msejjaħ “ La Notte Di San Lorenzo 2022”, isir illejla, Lejliet il-Festa u jibda fl-10pm

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Lawrenz iċċelebrata f'dawn il-jiem fil-Belt Vittoriosa, fil-Port il-Kbir, se jerġa' jittella' spettaklu tal-logħob tan-nar organizzat mill-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Awwissu tal-Birgu.

L-ispettaklu pirotekniku prinċipali msejjaħ “ La Notte Di San Lorenzo 2022”, isir illejla, Lejliet il-Festa u jibda fl-10pm. Il-pubbliku li se jattendi huwa mħeġġeġ biex jara dawn l-ispettakli minn fuq is-swar tal-Birgu, fejn se jkun hemm is-“sound system.” Ħdejn il-club tal-Boċċi tal-Birgu, se jintrama “sound system” kif ukoll diversi effetti ta’ dwal biex jikkumplimentaw l-ispettaklu pirotekniku.

Is-Serata tibda b’wirja ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mall-kanzunetta oriġinali ta’ dan l-ispettaklu – “La Notte di San Lorenzo” – mużika ta’ Philip Vella u lirika ta’ George Peresso u kant ta’ Ludvig Galea. Eżatt wara jinħarqu l-murtali tradizzjonali tal-beraq u dawk tal-kulur. Il-final, li tant ikun mistenni, se jibda b’wirja kbira ta’ nar sinkorinizzat mal-mużika. Din is-sena intgħażlet tema Taljana u l-wirja se tkun sikronizzata mall-kanzunetti Funiculi Funicula ta’ Luigi Denza u Peppino Turco, Ogni Volta ta’ Paul Anka, Vedo Nero ta’ Zucchero, La Nostra Favola ta’ Jimmy Fontana u Time to say goodbye ta’ Andrea Bocelli u Sarah Brighton.

La Notte di San Lorenzo 2022 tiġi fi tmiemha b’wirja ta’ nar tradizzjonali Malti, ftuħijiet kbar ta’ beraq u blalen kbar. Din il-wirja wkoll se tkun akkumpanjata permezz tal-kanzunetti Miss you ta’ Winter Moods u Joseph Calleja, Marigold ukoll ta’ Winter Moods u finalment Vincero ta’ Fredrik Kempe. 

Dawk kollha li se jattendu għal din is-Serata Piroteknika, jistgħu jaslu fil-post ċentrali fejn se jkun hemm is-sound system jew billi jiġu minn naħa tal-Monasteru ta’ Santa Skolastika ( min-naħa tal-Pjazza) jew minn Triq iċ-Ċentinarju (min-naħa tax-Xatt tal-Birgu). 

Ta’ min jghid ukoll li mit-8.30p.m ‘il quddiem fejn ser ikun hemm armata is-sistema tas-sound u fejn hu mistenni se jkun hemm ukoll marċi brijużi u progammi mużikali mill-Banda Maria Assunta tal-Gudja u mill-Banda San Leonardu ta’ Hal Kirkop 

Tul il-ġurnata ta' għada, fil-festa għażiża ta' San Lawrenz, in-nar ma jonqosx bil-qofol jinħoloq bil-kaxxa tal-ħruġ tal-purċissjoni fis-7:15pm u l-murtali li jinħarqu tul il-ħin tal-purċissjoni sal-11pm.

More in Festi