Il-Mixja lejn is-7 ta’ Ġunju 1919: Ħarsa lejn il-qagħda ta' pajjiżna (1)

Illum niċċelebraw il-festa pubblika tas-Sette Giugno. Il-Professur Godfrey Pirotta jieħu lill-qarrejja tal-ILLUM lura għal dak li wassal għal dawn l-irvellijiet... 

Għal ħafna, l-irvellijiet tas-Sette Giugno kellhom rabta mill-qrib mal-Ewwel Gwerra Dinjija. Kif se naraw, din il-Gwerra kellha sehem f’dak li sehħ, imma l-għan prinċipali ta’ dan l-artiklu huwa biex juri kif il-qagħda ekonomika ħażina ta’ Malta, minn ħafna snin qabel dan il-mument storiku, ħejjiet it-triq li wasslet għall-irvellijiet. Is-7 ta’ Ġunju kien il-qofol ta’ din it-triq twila. Dan ma jfissirx li fatturi politiċi ma tawx sehem kbir ukoll, imma dik hija storja li diġà taw kasha ħafna kittieba oħra f’xogħlijiet serji u mhux se noqgħod intenniha hawn.  

Godfrey Pirotta
Godfrey Pirotta

L-ewwel skossi 

Kważi għoxrin sena qabel tmiem is-seklu dsatax kienet faqqgħet il-ġlieda dwar il-lingwa. Tliet rapporti, wieħed ta’ Frederick Rowsell, ieħor ta’ Penrose Julyan u ieħor ta’ Patrick Keenan, kienu emfasizzaw l-importanza li l-ilsien Ingliż jikseb iktar dominanza fil-gżejjer Maltin. Din il-politika sabet ħafna reżistenza mill-klassi professjonali u mill-knisja; tal-ewwel għax kienu ċerti li l-użu tal-Ingliż fil-Qrati u postijiet oħra tas-servizz pubbliku kien se jwassal għall-invażjoni ta’ Brittaniċi f’Malta li jieħdu xogħol il-Maltin, u tat-tieni għax kienet tibża’ li din il-politika twassal biex jinfiltra it-tagħlim tar-reliġjon Protestanta f’Malta. Din il-ġlieda ippolarizzat il-politika Maltija, tant li saħansitra lejn l-aħħar tas-seklu dsatax anki l-impjieg maċ-Ċivil waqgħu vittma tagħha. Gerald Strickland, li dak iż-żmien kien Chief Secretary, kien għamilha ċara li min kien kontra l-ilsien Ingliż ma tantx kellu ċans għall-impjieg. L-impjiegi maċ-Ċivil kienu mfittxija ħafna minn żgħażagħ ta’ edukazzjoni tajba u din il-politika kienet ta’ ostakolu għall-futur tagħhom. Ladarba din il-politika kienet ġiet interpretata bħala waħda li tattakka l-għajxien tan-nies li jintlaqtu minnha, kienet faċli għall-oppożizzjoni li toħloq gwerra qaddisa kontra din il-politika. Kwistjoni oħra kienet in-nefqa tal-Gvern fuq proġetti pubbliċi, li essenzjali kemm kienu essenzjali, kienu sejrin joħolqu piżijiet kbar fuq il-kaxxa ta’ Malta u jżidu t-taxxi. 

Gerald Strickland
Gerald Strickland

Minħabba f’dawn il-kwistjonijiet fl-aħħar għaxar snin tas-seklu dsatax, il-qiegħa saħnet mhux ħażin. Waqt meetings pubbliċi fl-irħula, l-għajta ta’ ‘Malta għal-Maltin’ kienet tidwi ta’spiss akkumpanjata min tgħajjir lejn Chamberlain, li kien Segretarju għall-Kolonji, Strickland u uffiċjali oħrajn tal-Gvern. Il-Knisja wkoll daħlet fil-kwistjoni u l-Isqof ma laqax talba tal-Gvernatur biex irażżan lill-Kleru milli jużaw il-prietki tal-Ħadd kontra l-Gvern. Il-qiegħa issa tant saħnet li rapport tal-pulizija stqar li kien hemm il-probabbiltà ta’ attakki fuq il-persuna ta’ Strickland, waqt li l-Avukat tal-Kuruna sostna li kien qed jitħejja pjan biex Strickland jiġi assassinat u ta parir lil dan tal-aħħar, li kien jinsab Londra, biex jibqa’ hemm sakemm l-affarijiet jikkwitaw. Min-naħa tiegħu, il-Gvernatur, f’nota lil Chamberlain, qallu li l-popolazzjoni tal-Belt Valletta kienet bi ħġarha kontra l-Gvern. Din is-sitwazzjoni ma damitx biex wasslet, fl-1903, l-ewwel, għas-sospensjoni tal-kostituzzjoni u ftit wara għar-revoka tagħha. 

Skoss kbir ieħor 

Waqt li kien qed iseħħ dan kollu, l-ekonomija ta’ Malta kienet sejra tajjeb. Iżda f’inqas minn tliet snin l-istampa kellha tinqaleb ta’ taħt fuq. Fil-fatt kienet il-kriżi gravi ekonomika li ħakmet lil Malta wara l-1906 li ddomminat l-istorja u li hi, flimkien ma’ dak li seħħ fil-Gwerra l-Kbira, ġabet lill-popolazzjoni Maltija f’sitwazzjoni ta’ kważi ribelljoni. Jiena, iktar ‘il fuq, diġà semmejt x’kien qed jingħad f’meetings pubbliċi u kif, għaxar snin qabel l-irvellijiet tal-1919, diġà kien qiegħed jinħass ferment politiku fil-gżejjer Maltin. Il-kriżi ekonomika kompliet kebbset in-nar.  

Matul il-ħakma Ingliża l-ekonomija ta’ Malta kienet saret kważi kompletament dipendenti fuq in-nefqa tal-qawwiet Ingliżi. Malta kienet fortizza strateġika u fis-seklu dsatax u kmieni fis-seklu għoxrin investew ħafna biex isaħħu l-fortizza. Kull meta l-Ingliżi kienu jinvestu f’xogħlijiet, inkella kull meta kienet tiżdied il-preżenza tal-qawwiet tagħhom f’Malta, l-attività ekonomika domestika kienet tieħu qabża ‘il quddiem. B’danakollu, meta dawn ix-xogħlijiet jieqfu, jew il-preżenza tonqos, l-ekonomija tieħu daqqa sew ‘l isfel. Fi żminijiet tajbin, il-pagi jogħlew u l-qgħad jonqos. Imma, magħhom, kienu jogħlew ukoll il-prezzijiet u l-kirjiet. Meta tfaqqa’ r-riċessjoni, jiżdied il-qgħad u l-pagi jistaġnaw, għalkemm il-prezzijiet u l-kirjiet idumu ma jinżlu ‘l isfel, jekk qatt jinżlu. Dan huwa biżżejjed biex joħloq kriżi fil-ħajja ta’ numru ferm kbir ta’ nies, u jekk ma jwassalx għall-irvellijiet, żgur iwassal għal tgergir kbir kontra l-awtoritajiet li mingħandhom il-poplu jistenna għajnuna. 

Tkabbir ekonomiku bla preċedent taħt l-Ingliżi! 

Bejn l-1890 u l-1906 l-istorja rrepetiet ruħha, b’differenza li dan kien l-ikbar boom ekonomiku li qatt esperjenzat Malta taħt il-ħakma Ingliża. Fis-snin ta’ qabel is-seklu għoxrin Malta rat il-bidu tat-twettiq ta’ numru kbir ta’ xogħlijiet infrastrutturali – sistemi ta’ drenaġġ ġodda, l-qalba tas-sistema tat-tqassim tal-ilma minn akwedotti tal-ġebel għal kanen tal-ħadid, l-introduzzjoni tas-servizz tal-ferrovija bejn il-Belt u r-Rabat, u t-tnedija tas-sistema elettrika f’ħafna żoni ta’ Malta. Dawn l-inizjattivi lkoll ħolqu opportunitajiet kbar ta’ xogħol. Wara l-1901, barra l-estensjoni tas-sistema tad-drenaġġ lejn numru ta’ rħula, Malta rat il-bini tal-breakwater u ta’ numru ta’ skejjel ġodda u faċilitajiet oħra. Barraminhekk, il-gwerra fl-Afrika t’Isfel ġabet preżenza militari kbira lejn Malta li żiedet id-dħul tal-Maltin f’ħafna oqsma tal-ħajja. Huwa stmat li sal-1904 il-qawwiet militari u navali Ingliżi kienu għamlu investiment f’Malta li kien ilaħħaq iż-żewġ miljuni sterlina fis-sena, somma fenominali għal dawk iż-żminijiet. 

Mandankollu, parti sew mill-ispiża għal dawn ix-xogħlijiet kellha titħallas mit-taxxi tan-nies. M’hemmx dubju li dawn ix-xogħlijiet taw kontribut sinifikanti biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, u sakemm dawn ix-xogħlijiet kienu għaddejjin, il-ħaddiem Malti gawda minn prosperità kbira. L-importazzjoni ta’ prodotti żdied sewwa u l-aspettattiva tal-poplu żdiedet ukoll. Mili sħaħ ta’ djar ġodda ġew mibnija, bliet u rħula kibru qatigħ u anki żdied it-traffiku fit-toroq. In-nies bdew jiżżewġu ta’ età iżgħar u, bejn l-1901 u l-1911, il-popolazzjoni qabżet b’14.5 fil-mija. Fl-1904-5 id-dħul tal-Gvern laħaq £467.335, l-akbar somma li qatt laħaq, waqt li s-surplus tal-Gvern kien ta’ £160,000, li wkoll kien rekord għall-pajjiż. Issa, meta wieħed iqis li dan id-dħul kien ġej prinċipalment mid-dwana u mit-taxxi indiretti, wieħed malajr jintebah kemm din kienet indikazzjoni ċara tan-nefqa fuq il-konsum. 

Il-parti l-kbira tad-dħul tal-Gvern, għal aktar minn seklu, kien jinkiseb mit-taxxa fuq il-qamħ, li wara kollox ma kinitx ħlief taxxa fuq il-ħobża ta’ kuljum tal-ħaddiem u l-familja tiegħu Godfrey Pirotta

Daqs il-boom, ġiet il-waqgħa ekonomika u t-taxxi  

Iżda l-waqgħa ġiet f’daqqa, daqs kemm kien ġie f’daqqa l-boom. Fl-1906 ix-xogħlijiet kienu spiċċaw, il-qgħad ħa qabża kbira ‘il fuq, il-pagi waqgħu b’rata mgħaġġla ħafna u, fi żmien qasir, fil-pajjiż beda jqum il-paniku. In-nies bdew ifittxu biex jemigraw bi ħġarhom. In-nefqa tal-Gvern f’dik li kienet tissejjaħ karità, għax il-frażi servizzi soċjali jew welfare state ma kinux għadhom saru parti mill-vokabularju politiku ta’ kważi ebda pajjiż, laħqet is-somma ta’ £68,000 sas-sena 1909; waqt li dħul tal-Gvern ħa daqqa kbira ‘l isfel. Fl-1906 il-Gvern irrapporta defiċit ta’ £14,330, ta’ £17,592 fl-1907, ta’ £24,842 fl-1909, u ta’ £26,246 fl-1910. Dan kien ifisser li sal-1911 il-Gvern prattikament ma kellux fondi biex jaħdem u biex jirrispondi għall-kriżi li kienet qed taħkem lil Malta. 

Din il-kriżi, ma setax jonqos, li ssoktat tagħti n-nar lill-ferment politiku li kien qam lejn it-tmiem tas-seklu dsatax u li fl-1903 kien wassal biex ġiet revokata l-kostituzzjoni rappreżentattiva li kellha Malta. Il-membri eletti tal-Kunsill tal-Gvern, u li kienu naqsu li jieħdu posthom fil-Kunsill, issa fetħu l-kanuni fuq il-Gvern. Huma bdew jisħqu mal-poplu li huma kienu wissew ripetutament kontra l-miżuri li kienu ħadu l-awtoritajiet f’Londra u Malta, u kemm kienu saħqu li Malta kienet fqira wisq biex tidħol għal dawn ix-xogħlijiet kbar kollha f’daqqa jew biex iġġorr it-taxxi li kienu daħlu. Il-politika tal-Gvern, huma qalu, kienet tidher li se toħloq instabbiltà ekonomika kbira u ġġib lil Malta fi kriżi, imma l-Gvern ma kienx ta’ widen u baqa’ jonfoq il-flus mingħajr ma jħabbel rasu għall-futur. Huma fakkru li fl-1902 il-poplu kien ġie imwissi kontra s-sens ta’ ewforija li kien qed jaħkem lill-gżira u li la darba dawn ix-xogħlijiet jispiċċaw Malta taqa’ fi kriżi. Ftit snin ta’ prosperità, huma saħqu, kienu se jderru u darrew lill-ħaddiem Malti għal-livell ta’ għajxien li għada pitgħada kien se jkun impossibbli għalih li jmantni. 

Iffaċċjat min din il-kriżi u din il-kritika il-Gvernatur, fl-1906, ħatar sottokumitat 'biex jikkunsidra l-kwistjoni ta’ kif seta’ jinkiseb bilanċ permanenti bejn id-dħul u n-nefqa tal-Gvern.’ Iżda l-alternattivi li sab quddiemu dan il-kumitat kienu tnejn: tnaqqis fin-numru tal-impjegati tal-Gvern jew żieda fit-taxxi eżistenti, inkella l-impożizzjoni ta’ taxxi ġodda.  

Dawn kienu żewġ alternattivi, li kif rajna, żgur ma kinux se jkunu popolari ma’ poplu diġà magħfus sew. Il-kumitat ħass li ż-żieda fin-numru ta’ nies bla xogħol ma kien ta’ vantaġġ għal ħadd. Barraminhekk wieħed ma setax jistenna li nies bla dħul finanzjarju jħallsu t-taxxi. Kieku kellu jkun hekk, żgur li kienu se jaqgħu fuq il-Gvern għall-għajnuna u jkomplu jżidu mal-piżijiet finanzjarji li diġà kienu jeżistu. Għalhekk il-kumitat wasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm triq oħra ħlief li jiżdiedu t-taxxi u b’mhux inqas minn £37,800 fis-sena. 

Mandankollu, din il-miżura li ma kienet popolari xejn mal-poplu, lanqas laħqet l-għanijiet tagħha u fl-1908 il-Gvern waqqaf kumitat ieħor biex jistudja l-operat tad-Dipartimenti tal-Gvern ħalli tkun tista’ titnaqqas in-nefqa f’dan is-settur. Dan il-kumitat, waqt li sejjaħ għat-trażżin ta’ numru żgħir ta’ impjiegi maċ-Ċivil, naqas li jgħid kif verament setgħu jkunu implimentati miżuri sostanzjali biex in-nefqa tal-Gvern tonqos b’mod sinifikattiv. Il-kumitat kien tal-fehma li l-kriżi f’Malta ma kellhiex x’taqsam man-numru ta’ impjegati fis-Servizz Ċivili jew mal-livell ta’ pagi tagħhom, imma mal-fatt li l-iskwarda navali Ingliża u numru ta’ riġmenti kienu telqu minn Malta b’telf għall-ekonomija lokali. 

F'Londra, is-Segretarju għall-Kolonji, Lord Crewe, ma qabilx ma’ din il-konklużjoni u insista kemm fuq it-tnaqqis tal-impjegati kif ukoll fuq riforma tas-Servizz Ċivili. Għalhekk huwa, fl-1908, bagħat Malta lil Robert MacCarthy biex jagħmel riforma fid-Dwana li wara kollox kienet tipprovdi l-akbar dħul għall-Gvern Malti. Bis-saħħa ta’ MacCarthy, id-dwana wasslet biex tiffranka mhux inqas minn £14,000 fi żmien sentejn. Crewe ma waqafx hemm u, f’Diċembru 1909, ordna lill-Gvernatur Sir Leslie Rundle biex iwaqqaf Kumitat tal-Finanzi sabiex jeżamina ix-xogħol tal-kumitati li ġew qabel u jara kif setgħu jiġu implimentati numru sostanzjali ta’ tnaqqis fin-numri tas-Servizz Ċivili u fin-nefqa pubblika. 

Iżda anki dan il-kumitat falla f’dan il-għan u, bħal dawk ta’ qablu, sejjaħ għal żieda fit-taxxa li tlaħħaq ‘il fuq minn £43,000 fis-sena. L-Uffiċjali fil-Colonial Office xejn ma kienu kuntenti b’din il-konklużjoni. Wieħed minnhom, waqt li ammetta l-ħtieġa immedjata li jiżdied id-dħul tal-Gvern f’Malta, wissa li żieda kbira bħal din ma tistax ma żżidx ukoll ir-rabja tan-nies kontra l-Gvern. Wingfield, uffiċjal ieħor fl-istess uffiċju miegħu, ilmenta kontra l-fatt li l-isforzi tagħhom fuq medda ta’ erbgħin sena biex jibdlu t-taxxa fuq il-qamħ ma’ taxxi oħra, dejjem fallew. Dan kien punt importanti. Il-parti l-kbira tad-dħul tal-Gvern, għal aktar minn seklu, kien jinkiseb mit-taxxa fuq il-qamħ, li wara kollox ma kinitx ħlief taxxa fuq il-ħobża ta’ kuljum tal-ħaddiem u l-familja tiegħu. Kien il-ħaddiem li jġorr l-akbar piż tat-taxxi f’Malta. Imma l-membri eletti dejjem irreżistew l-idea li jiġu imponuti taxxi fuq prodotti oħra jew tidħol xi taxxa fuq il-wirt. Dan il-punt huwa importanti għax wieħed għandu jiftakar li l-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919 kienu wkoll protesta kontra ż-żieda fil-prezz tal-ħobż. Wieħed irid jiftakar ukoll li l-folla rrabjata li inġabret fil-Belt Valletta dakinhar, wieħed mill-miri tagħha kienu id-djar ta’ dawk li kienu importaturi tal-qamħ. Għalhekk, wieħed għandu hawn jinduna li kien hemm rabta bejn ir-rabja tal-folla u s-sistema ta’ taxxa li kienet tagħfas fuq il-poplu għal aktar minn seklu. 

Kemm dan kien minnu jidher fil-korrispondenza bejn is-Segretarju għall-Kolonji u l-Gvenatur fejn tal-ewwel esprima id-diżappunt tiegħu bix-xogħol tal-Kumitat tal-Finanzi u fakkar fuq l-impatt ħażin li żieda fit-taxxa sejra jkollha fuq il-ħaddiema f’sitwazzjoni magħmula agħar minn nuqqas kbir ta’ xogħol. Għalhekk, fuq parir ta’ Wingfield, huwa informa lill-Gvernatur li kien se jibgħat f’Malta Kummissjoni Rjali biex tistħarreġ ‘in-numri ta’ dawk impjegati mas-Servizz Ċivili, kif wkoll l-effiċjenza tiegħu,’ kif ukoll il-finanzi tal-gżira u l-possibiltajiet li t-taxxi jiġu imponuti fuq ħwejjeġ oħra minflok kif kienu preżentament u li jinstabu sorsi ġodda ta’ dħul għall-Gvern. It-tliet Kummissarji, Francis Mowatt, Russell Rea u Mackenzie Chalmers, ma’ dawn l-istruzzjonijiet kellhom ukoll miżjud eżami tas-sistema ġudizzjarja f’Malta, għax skont Londra, din kienet qed twassal għal ksur ta’ drittijiet u telf ta’ kummerċ li setgħet tgawdi minnu l-kolonja. 

(Ikompli nhar il-Ħadd li ġej...) 

Il-Monument tas-Sette Giugno
Il-Monument tas-Sette Giugno

More in Festi