Ġurnalist Karmelitan se jkun iddikjarat qaddis nhar il-Ħadd li ġej

Titu Brandsma nqatel fil-Kamp tal-Konċentrament ta’ Dachau fis-26 ta’ Lulju 1942

Nhar il-Ħadd li ġej, fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Franġisku se jkun qed jikkanonizza lill-Beatu Titu Brandsma. 

Brandsma kien saċerdot Karmelitan, professor tal-università, kittieb, lettur rispettat, ġurnalist fl-Olanda u li ħadem ħafna fil-qasam tal-ekumeniżmu.

Huwa kien arrestat fid-19 ta’ Jannar 1942 għax kien tkellem kontra r-reġim Nazista u ħadem ħafna biex żamm lill-ġurnali Kattoliċi fl-istess linja tat-tagħlim tal-Knisja fuq in-Nazziżmu. Dak iż-żmien, ir-reġim Nazista kien invada l-Olanda, art twelid Patri Brandsma, u pprova jbella’ lill-poplu tal-pajjiż, il-prinċipji tan-Nazi. 

Brandsma ġie maqtul fil-Kamp tal-Konċentrament ta’ Dachau fis-26 ta’ Lulju 1942.

Bħala għalliem, lettur u ġurnalist, P. Brandsma kien magħruf sew fl-Olanda u fil-lezzjonijiet u d-diskorsi tiegħu kien tkellem ħafna kontra l-filosofija Nazista qabel u waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Bħala Assistant Ekkleżjastiku tal-Unjoni tal-Ġurnalisti Kattoliċi, huwa żar l-edituri Kattoliċi madwar l-Olanda kollha.  Dan għamlu f’isem l-Isqfijiet Kattoliċi tal-Olanda biex jinkoraġġixxi lill-edituri Kattoliċi biex iżommu sħaħ fil-fehma li ma jippubblikawx propaganda Nazista.  

Bħala President tal-Għaqda tal-Iskejjel tal-Knisja, huwa ħadem biex titwarrab kundizzjoni mitluba min-Nazisti, dik li tfal Lhud kellhom jiġu mkeċċija mill-iskejjel.  Fl-iskejjel immexxija mill-Patrijiet Karmelitani, P. Brandsma ma mexiex ma’ din il-kundizzjoni.  

Huwa pprotesta wkoll meta l-gvern naqqas is-salarju tal-għalliema b’40 fil-mija.

Il-fehmiet tiegħu dwar in-Naziżmu kienu magħrufa ħafna kemm fl-Olanda u kemm mal-mexxejja Nazisti.  In-Nazi kienu jsibuh bħala, “l-patri żgħir perikoluż.”

Għall-ġurnalisti Kattoliċi huwa sar mudell għall-vokazzjoni ġurnalistika, ta’ konvinzjoni etika u li kien impenjat fit-tfittxija tal-verità.  Għal din ir-raġuni , fl-1988, l-Għaqda tal-Ġurnalisti Kattoliċi (UCIP) ħolqot il-premju, Titus Brandsma Award. 

Dan huwa premju li li jingħata kull tliet snin lill-ġurnalista jew organizzazzjonijiet li jkun jidher li ħadmu ħafna f’dan l-impenn tagħhom biex ifittxu l-verità.

Brandsma rċieva diversi unuri matul ħajtu, fosthom dik li ġie magħżul bħala Rettur Manifiku tal-Università Kattolika ta’ Nimega u rċieva l-Ordni tal-Iljun Olandiż mir-Reġina Wilhelmina għas-sehem tiegħu fil-ministeri li jaqdu u jaħsbu fl-oħrajn.

F’Lulju 2016, l-investigazzjoni djoċesana dwar il-presunt miraklu miksub bl-interċesjoni tal-Beatu Titu Brandsma ġara fid-Djoċesi ta’ Palm Beach (Florida, USA).  Il-presunt miraklu kien il-fejqan ta’ P. Michael Driscoll, Karmelitan, minn tumur malinn li kien mifrux fil-glandoli limfatiċi.  

F’Novembru 2020, il-Konsultazzjoni tat-Tobba, maħtura mill-Kongregazzjoni tal-Vatikan għall-Kawżi tal-Qaddisin, għarfet li ma kienx hemm spjegazzjoni xjentifika għall-fejqan ta’ P. Driscoll mill-kanċer.  Il-fejqan ingħad li sar bl-interċessjoni tal-Beatu Titu Brandsma.  Fil-25 ta’ Mejju 2021, il-Kungress tat-Teoloġi, għaraf il-miraklu.  Tal-istess opinjoni kienu l-kardinali u l-isqfijiet fis-Sessjoni Ordinarja li saret fid-9 ta’ Novembru 2021.

Fl-aħħar, fil-25 ta’ Novembru 2021, il-Papa Franġisku awtorizza lill-Kongregazzjoni tal-Kawża tal-Qaddisin biex toħroġ id-digrieti dwar il-miraklu bl-interċessjoni tal-Beatu Titu Brandsma u b’hekk fetaħ it-triq għall-kanonizzazzjoni.  Fl-4 ta’ Marzu 2022, waqt Konċistorju Ordinarju Pubbliku, il-Papa Franġisku kkonferma l-opinjoni tal-kardinali u tal-isqfijiet u ħabbar id-data tal-kanonizzazzjoni tal-Beatu Titu.

Intant, il-Provinċja Karmelitana Maltija se tkun qed tiċċelebra quddiesa ta' ringrazzjament nhar il-Ġimgħa 20 ta' Mejju fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.

More in Festi