Wara 39 sena, il-Kurċifiss ta’ Ġieżu u d-Duluri jirritornaw flimkien fit-toroq tal-Belt Valletta għall-paċi fl-Ukrajna

Din se tkun waħda mill-okkażjonijiet rari li fihom se jkun qed jinħareġ dan il-kurċifiss devot u meqjus mirakoluż li jħalli biss il-knisja f’ċirkostanzi straordinjarji

Il-kurċifiss ta’ Ġieżu ħiereġ minn Bieb il-Belt lejn il-Fosos tal-Furjana fl-okkażjoni tas-Sena Pawlina
Il-kurċifiss ta’ Ġieżu ħiereġ minn Bieb il-Belt lejn il-Fosos tal-Furjana fl-okkażjoni tas-Sena Pawlina

Wara nuqqas ta’ sentejn,  mill-bieraħ irritornaw il-purċissjonijiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir. Iżda din il-ġimgħa mhijiex mimlija biss tradizzjonijiet u ċelebrazzjonijiet esterni imma anke wkoll mumenti ta’ riflessjoni, devozzjoni u talb. Hekk se jiġri llum fit-toroq tal-Belt Kapitali hekk kif se jkun organizzat pellegrinaġġ nazzjonali, bix-xbiehat devoti tad-Duluri u l-Kurċifiss devot, magħruf bħala Ta’ Ġieżu.

Il-vara devota tad-Duluri tinħareġ proċessjonalment kull sena, nhar it-Tifkira tad-Duluri fl-aħħar Ġimgħa tar-Randan u anke fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Hija xbieha devota mmens u kull sena tiġbed lejha eluf ta’ persuni li jimxu warajha. Il-Kurċifiss jinħareġ biss f’anniversarji u f’sitwazzjonijiet straordinarji, anke jekk xorta waħda, jiġbed lejh eluf ta’ devoti kull sena li jmorru jitolbu quddiemu fil-Knisja ta’ Sidtna Marija ta’ Ġesù, magħrufa bħala ‘Ta’ Ġieżu.’

Aktar rari huma l-pellegrinaġġi li jsiru biż-żewġ xbiehat flimkien, kif spjega mal-gazzetta ILLUM il-Gwardjan tal-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Valletta, Patri Ramon Farrugia OFM u anke Ryan Catania, membru tal-Arċikonfraternità tas-Santissimu Kurċifiss tal-Belt Valletta. Fil-fatt, l-aħħar darba li dawn iż-żewġ xbiehat devoti ħarġu flimkien kien fil-25 ta’ Marzu tal-1983, fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Fidwa.

Patri Ramon Farrugia saħaq li fiċ-ċirkostanzi straordinarji li d-dinja qed tgħix fihom, din is-sena ttieħdet id-deċiżjoni li fil-pellegrinaġġ tad-Duluri (li minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija ma setax isir nhar il-Ġimgħa), jinħareġ ukoll dan il-Kurċifiss devot. Tul il-pellegrinaġġ se jkun qiegħed isir talb għall-paċi, b’mod partikolari fl-Ukrajna. 

Din mhux se tkun l-ewwel darba li l-Kurċifiss ta’ Ġieżu se jkun qed jinħareġ f’pellegrinaġġ ta’ talb għall-paċi. Fl-2003, kien inħareġ f’pellegrinaġġ għall-Paċi fl-Art Imqaddsa.

Il-Gwardjan saħaq li l-Maltin għexu ż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta b’ħafna entużjażmu u ħeġġeġ biex dan l-entużjażmu iżda jinżamm ħaj.

“J’Alla dan l-entużjażmu issa nibqgħu ngħixuh anke billi nattendu għal dan il-pellegrinaġġ li se jsir bħala talba għall-postijiet fejn hemm il-gwerer, għal ħutna li qegħdin ibatu, b’mod partikolari għall-Ukreni. Inħeġġeġ ħafna lil kulħadd biex jattendu għal din il-mixja wara ommna Marija Addolorata u l-Kurċifiss mirakoluż,” appella Patri Ramon Farrugia,

Il-pellegrinaġġ bil-kurċifiss fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Fidwa tal-1933
Il-pellegrinaġġ bil-kurċifiss fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Fidwa tal-1933

Liema kienu d-drabi oħra meta nħareġ dan il-Kurċifiss?

Ma’ Ryan Catania tkellimna aktar dwar iċ-ċirkostanzi straordinarji li waslu biex il-Kurċifiss ta’ Ġieżu nħareġ f’pellegrinaġġ. Spjega kif anke jekk fl-aħħar snin inħareġ aktar spiss minn qabel, normalment dan rari jinħareġ mill-knisja u jinżamm fin-niċċa tiegħu fuq wieħed mill-artali.

Catania saħaq li l-ewwel pellegrinaġġ magħruf li sar bil-Kurċifiss ta’ Ġieżu kien fis-sena 1913 meta f’Malta ġie ċċelebrat il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Wara dik is-sena, inħareġ fil-Ġublew tal-1933.

Il-Kurċifiss Mirakoluż reġa’ nħareġ f’pellegrinaġġ 27 sena wara, fl-okkażjoni taċ-Ċentinarju Pawlin tal-1960, meta l-Knisja f’Malta ċċelebrat l-1900 anniversarju min-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta.

Kif spjegat aktar qabel, il-Kurċifiss inħareġ pellegrinaġġ fl-1983 fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Fidda. Din kienet l-uniku sena li nħareġ max-xbieha devota ta’ Maria Addolorata, maħduma fl-1760 minn Saverio Laferla.

Il-Kurċifiss devot inħareġ ukoll fis-sena 2000 fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Fidda u sena wara wkoll fl-okkażjoni tal-għeluq tal-istess Ġublew, inħareġ fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira mal-bqija tal-vari.

Fl-2003, fuq xewqa tal-Arċisqof ta’ Malta Guzeppi Mercieca u anke tal-Ordni Franġiskan, il-Kurċifiss kien inħareġ f’Mejju biex isir pellegrinaġġ ta’ talb għall-paċi fl-Art Imqaddsa, maħkuma minn ġlied u gwerer.

L-aħħar sena li l-Kurċifiss inħareġ f’pelegrinaġġ kien fis-sena 2013 għall-okkażjoni tal-Via Sagra Nazzjonali.

Għalhekk, dik ta’ għada se tkun waħda mill-okkażjonijiet staordinarji li se jwasslu biex il-Kurċifiss ta’ Ġieżu joħroġ iterraq fit-toroq Kapitali u t-tieni darba li se jagħmel dan max-xbieha devota tad-Duluri.

Ix-Xbieha ta' Marija Addolorata
Ix-Xbieha ta' Marija Addolorata

X’se jsir?

Il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù se tkun miftuħa bejn is-6:45am u 12:45pm u mill-4pm sat-8:00pm għall-qima tad-devoti. Il-Quddies filgħodu se jkun fis-7:15, 8:15, 9:30, 11:00 u 12:15.

Il-quddiesa tad-9:30 se tkun immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna u tixxandar fuq TVM NEWS +.

Filgħaxija jkun hemm quddiesa fil-5:00pm u fis-7:30pm. 

Fis-6:00pm jibda l-pellegrinaġġ immexxi minn Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna. Il-pellegrinaġġ jidħol lura fil-knisja fis-7:15pm u tingħata l-barka sagramentali quddiem il-Knisja.

Il-Kurċifiss ta' Ġieżu mħejji għall-pellegrinaġġ tal-lejla
Il-Kurċifiss ta' Ġieżu mħejji għall-pellegrinaġġ tal-lejla

X’nafu dwar il-Kurċifiss ta’ Ġieżu?

Il-Kurċifiss ta’ Ġieżu nħadem fis-seklu 17 u wara l-aħħar xogħol ta’ restawr u konservazzjoni li sar fl-aħħar snin seta’ jkun ikkonfermat li nħadem mill-artist Sqalli Fra Innocenzo minn Petralia Sottana.

Jingħad li l-istess artist ħadem total ta’ 33 Kurċifiss, wieħed għal kull sena tal-ħajja ta’ Kristu.

Dan il-kurċifiss huwa devot ħafna u mijiet ta’ nies jirrikorru biex jitolbu quddiemu kull sena. Jolqtok fih id-dettalji tal-passjoni, fosthom xewka, mill-kuruna, li tinfed il-kappell tal-għajn.

Leġġenda saħansitra tgħid li l-artist, darba fost l-oħrajn kien qam filgħodu u sab ras dan il-kurċifiss kompluta.

Il-kurċifiss li għandu aktar minn 400 sena huwa proprjetà tal-Arċikonfraternità tas-Santissimu Kurċifiss u jinżamm b’għożża mill-Patrijiet Franġiskani fil-Knisja tagħhom fil-Belt Valletta.

More in Festi