Nazju Falzon u Carlo Acutis jakkumpanjaw lill-Beltin tul ir-Randan

It-Tnejn u l-Erbgħa se jkunu esposti r-relikwi ta' dawn iż-żewġ Beati u li jwasslu biex kull nhar ta' Ġimgħa jsir mument ta' talb quddiem il-Kurċifiss ta' Ġieżu

Illum jibda ż-żmien tar-Randan. Żmien qaddis u importanti għall-Knisja li jwassal lin-Nisrani sal-Ġimgħa Mqaddsa, b'mod partikolari għat-Tridu Solenni tal-Għid u l-akbar solennità tal-Knisja, l-Għid il-Kbir.

Fil-Belt Valletta, il-kult tal-Ġimgħa Mqaddsa jmur lura ħafna snin tant hu hekk li din is-sena, l-Arċikonfraternità tas-Santissimu Kurċifiss, imwaqqfa fil-Knisja ta' Sidtna Marija ta' Ġesù tagħlaq 375 sena mit-twaqqif tagħha.

Il-qabar ta' Nazju Falzon fil-Knisja ta' Ġieżu
Il-qabar ta' Nazju Falzon fil-Knisja ta' Ġieżu
Il-Beatu Carlo Acutis
Il-Beatu Carlo Acutis

Iżda mhux il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira biss huwa importanti għall-Beltin, imma ż-żmien kollu tar-Randan, hekk kif fil-Knisja ta' Sidtna Marija ta' Ġesù, magħrufa bħala Ta' Ġieżu, issir mixja li tilħaq il-qofol tagħha kull nhar ta' Ġimgħa, bir-riflessjonijiet u t-talb quddiem il-Kurċifiss Mirakoluż.

Din is-sena, jakkumpanjaw din il-mixja, se jkunu l-Beatu Nazju Falzon, li jinsab midfun f'din l-istess knisja u anke l-Beatu Carlo Acutis, dan iż-żagħżugħ Taljan li, miet fl-2006 u li għadu kemm ġie Beatifikat f'Ottubru 2020.

Kull nhar ta’ Tnejn se tkun esposta r-Relikwa tal-Beatu Nazju Falzon u kull nhar ta’ Erbgħa se tkun esposta r-Relikwa tal-Beatu Carlo Acutis.

Dan se jwassal biex kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija, bħal ma hi t-tradizzjoni, isiru l-Ġimgħat bi ħsieb u talb quddiem il-Kurċifiss Ta' Ġieżu.

More in Festi