'Kellna laqgħa pożittiva dwar il-festi ... laqgħa oħra dalwaqt biex niddiskutu kif se niċċelebrawhom'

Ilbieraħ l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda kellha laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela li matulha ġew diskussi l-festi

Il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, Noel Camilleri, qal mas-sit illum.com.mt li lbieraħ filgħaxija delegazzjoni tal-Eżekuttiv kellha laqgħa "pożittiva ħafna" mal-Prim Ministru Robert Abela li matulha ġew diskussi l-festi u anke s-sitwazzjoni tas-soċjetajiet mużikali.

Camilleri saħaq li fil-futur qrib se tkun qed issir laqgħa oħra, li għaliha se jkun preżenti l-Prim Ministru stess, li matulha se jkun diskuss kif jistgħu jiġu ċċelebrati l-festi matul din is-sena.

Mistoqsi jekk din hijiex indikazzjoni li matul din is-sena se nkunu qed naraw ċaqlieqa fejn jidħlu l-festi esterni, Camilleri wieġeb fil-pożittiv, anke jekk saħaq li kollox jibqa' jiddependi mis-sitwazzjoni tal-pandemija.

Madanakollu huwa deher pożittiv li l-affarijiet se jkunu qed jiċċaqilqu.

Id-dilettanti tal-festi tkellmu ħafna fl-aħħar ġimgħat dwar il-fatt li l-festi esterni huma l-uniku attivitajiet li baqgħu mhux qed isiru.

Fil-fatt, matul is-sena li għaddiet, il-festi ġew iċċelebrati biss fil-knejjes u kienu ftit dawk il-festi li laħqu għamlu xi ċelebrazzjonijiet esterni, anke jekk dawn xorta waħda kienu limitati ħafna u skont il-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa. 

More in Festi