Oratorju uniku se jiċċelebra l-200 sena mill-pussess tal-ewwel kanonċi tal-Kolleġġjata tal-Birgu

Din is-serata mużikali se tkun qed ittemm sena ta' ċelebrazzjonijiet li l-poplu tal-Birgu ċċelebra bi kbir matul l-aħħar sena biex ifakkar it-tieni ċentinarju tal-Kolleġġjata

Biex tagħlaq it-tieni ċentinarju mill-pussess tal-ewwel Kanonċi tagħha, il-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz tal-Birgu, flimkien mal-Fondazzjoni Kottonera se ttella’ oratorju, nhar is-Sibt 8 ta’ Jannar fit-8pm bit-tema: “Dawl jiddi dija – jismu l-Kbir Laurentius”. 

Il-Kolleġġjata tal-Birgu hija waħda mill-aktar knejjes importanti f’Malta mhux biss għax tinsab fil-Belt Rebbieħa, li rat isseħħ fiha l-istorja ta’ poplu, imma anke kienet ċentrali fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, tant li kienet il-Knisja Konventwali tal-Ordni.

Din hija l-ewwel parroċċa, wara l-Knisja Katidrali tal-Imdina li tiġbor fiha d-devozzjoni lejn id-Djaknu Martri ta' Ruma, San Lawrenz.

Dan l-Oratorju għandu lirika tal-kittieb u poeta Vittoriosan George Peresso u kompożizzjoni oriġinali ta’ Andrew Lawrence Zarb, li se jkun ukoll qed jidderieġi l-Orkestra. 

L-Oratorju jirrakkonta l-aħħar jiem mill-ħajja ta’ San Lawrenz. L-Oratorju nibet fuq idea tar-Rev. Kan. Stephen Attard, Segretarju tal-Kapitlu. Infatti l-lirika ta’ dan l-Oratorju, ġiet ibbażata fuq l-innu Akatistos ta’ dan il-Qaddis Levita. L-Akatistos huma innijiet li ġejjin mit-tradizzjoni Biżantina fejn hemm għadd ta’ innijiet li jitkantaw waqt illi l-fidili jibqgħu bilwieqfa. 

L-ewwel parti ta’ dan l-Oratorju tiddeskrivi l-persekuzzjoni Rumana kontra l-ewwel Insara u l-biża’ li kellu l-Imperatur Valerjanu minn San Lawrenz. Din se tkun interpretata mit-Tenur stabbilit Charles Vincenti. Warajha tidħol it-tieni xena, ta’ meta Lorenzu ltaqa’ mal-Papa Sistu II, fejn se tinstema aria mill-Baritonu magħruf Alfred Camilleri bħala Sistu II. 

Wara l-element tal-arrest ta’ Lorenzu, jinħass sens ta’ biża’ u inċertezza li jsib il-wens tiegħu f’ Matrona Pietatis, it-tielet tema, li ser tkun interpretata’ mis-sopran Rosabelle Bianchi, fejn fil-melodija ħelwa tagħha tiddeskrivi l-virtuwijiet ta’ Laurentius. 

Il-kompożitur Zarb imbagħad fir-raba’ xena jagħti stampa tremenda tal-martirju bil-ħoss tan-nar iħeġġeġ, il-ħadid tal-gradilja, it-tbatija u dak li jġib miegħu martirju kiefer bħal dan. 

Għalkemm il-martirju huwa element attroċi, minnu toħroġ melodija li tqanqal, kantata minn Roger Tirazona fil-karattru prinċipali ta’ Laurentius, kantant tenorili magħruf ferm fix-xena lokali. 

Isegwi hawnhekk, bl-Alelulia il-Kor Cappella Ceciliana, li se tkun taħt id-direzzjoni tad- direttur Abraham D’ Amato. Wara l-Allelulia, t-temi jwasslu għall-Gran Final, li fih ser ikun hemm xi ħaġa oriġinali li sa issa għadha qatt ma ntużat f’ kompożizzjonijiet bħal dawn. 

Ta min jgħid ukoll, li bħala preludju se jindaqqu wkoll tliet Antifoni ta’ San Lawrenz. L-Antifona ta’ Paolo Nani Levita Laurentius li nstabet fl-arkivju tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata, mill-kompożitur Andrew Lawrence Zarb, li daħal għall-biċċa xogħol illi jimla n-nieqes li kien fiha. 

Ha tindaqq ukoll l-Antifona ta’ Paolino Vasallo, li għal diversi snin kien il-Maestro di Cappella tal-Kolleġġjata. Din l-Antifona hija maghrufa bhala Antifona di San Lorenzo per la Translazione. Finalment se tindaqq l-Antifona Levita Laurentius li hija tant għal qalb il-poplu tal-Birgu, dik tal-Kanonku Luigi Fenech, li kien ukoll Kanonku effettiv fl-Istess Kolleġġjata. 

Is-Serata se titmexxa minn Joseph Chetcuti. Qabel jibda l-Oratorju, l-awtur stess, George Peresso, se jkun qed jagġti tagħrif dwar il-lirika tal-istess Oratorju. 

Din is-Serata Mużikali se tiġi fi tmiemha bl-Innu Popolari lil San Lawrenz, kompożizzjoni ta’ Mro. Lorenzo Galea li jitkanta tant mill-qalb mill-Vittoriosani. 

Id-dħul huwa bla ħlas u se jigu osservati ir-regolamenti u restrizzjonijiet kollha marbuta mall-Covid 19. 

More in Festi