Joħroġ il-Bambin mill-presepju u jniżżlu fit-toroq; 100 sena mill-ewwel dimostrazzjoni bil-Bambin

Anke jekk din is-sena mhux se ssir jew inkella se ssir differenti, il-gazzetta ILLUM tiċċelebra l-ewwel ċentinarju mid-Dimostrazzjoni tal-Bambin li beda San Ġorġ Preca

id-Dimostrazzjoni bil-Bambin | Ritratt tal-Arċidjoċesi ta' Malta
id-Dimostrazzjoni bil-Bambin | Ritratt tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Din tal-lum hija l-aħħar gazzetta qabel Jum il-Milied u għalhekk il-gazzetta ILLUM ħasbet li tiċċelebra tradizzjoni li din is-sena tagħlaq mitt sena. Din hija d-dimostrazzjoni bil-Bambin.

Anke jekk minħabba l-pandemija u l-protokolli li ġew imposti, din il-purċissjoni mhijiex se ssir, jew almenu mhux se ssir kif imdorrija biha, il-gazzetta ILLUM ħasbet li xorta waħda tiċċelebra din it-tradizzjoni li ma ssibha imkien aktar, ħlief fil-gżejjer Maltin.

Il-purċissjoni tal-Bambin hija esklussivament xi ħaġa tagħna l-Maltin u l-Għawdxin u għalhekk għandna ngħożżu din it-tradizzjoni li tagħmel il-Lejl tal-Milied uniku f’Malta.

Meta saret l-ewwel purċissjoni bil-Bambin?

Kien propju fl-24 ta’ Diċembru tal-2021, mitt sena ilu, meta San Ġorġ Preca organizza l-ewwel purċissjoni bil-Bambin fit-toroq tal-Ħamrun.

Jingħad li meta saret l-ewwel purċissjoni, is-soċi tal-Mużew ma kinux ippreparati, iżda Dun Ġorġ ma kienx xi wieħed li jaqta’ qalbu.

Daru kemm felħu biex isibu Bambin tajjeb għall-purċissjoni. Ma setgħu jsibu b’xejn, sakemm fl-aħħar iddubbaw Bambin mingħand Patri Franġiskan Konventwali mill-Komunità tal-Belt.

Il-purċissjoni saret u ħafna tfal u rġiel ħadu sehem fiha jżommu xemgħat u weraq tal-palm.

San Ġorġ Preca
San Ġorġ Preca

San Ġorġ Preca u l-misteru tal-Inkarnazzjoni...

It-tir ta’ San Ġorġ Preca kien wieħed. Anke jekk il-Milied huwa kkaraterizzat mir-rigali u l-festini, it-tfal minn ċkunithom għandhom jifhmu li l-veru sens tal-Milied, jibqa’ t-twelid ta’ Ġesù.

Fil-fatt, Dun Ġorġ kellu ħafna għall-qalbu l-misteru tal-inkarnazzjoni, jiġifieri t-twemmin li l-Iben ta’ Alla sar Bniedem.

Wara kollox kien hu li għażel “il-motto” tas- Soċjetà tad-Duttrina Kristjana jew tal-Mużew kif insibuha llum, u ried li l-membri u s-soċi tagħha jeħduha magħhom kull fejn ikunu. “Verbum Dei Caro Factum Est,” li tfisser “Il-Kelma ta’ Alla Saret Bniedem.”

L-ewwel Superjur tal-Mużew, Ewġenju Borg jgħid lil Dun Ġorġ, dawn il-kelmiet mill-Iskrittura kienu jaffaxinawh u mhux l-ewwel darba li kien jieħdu għalih waħdu biex joqgħod ikellmu u jispjegalu l-Bibbja, b’mod partikolari l-ewwel ftit versi tal-Evanġelju skont San Ġwann, fejn wieħed isib dan il-kelmiet.

San Ġorġ ma riedx li jżomm dan biss għalih. L-imħabba lejn il-ġrajja tal-inkarnazzjoni ried li jxerridha kemm jiflaħ u hekk għamel bil-purċissjoni tal-Bambin.

Ried li jressaq dan il-misteru, fundamentali għall-ħajja ta’ kull Nisrani, viċin in-nies. Ħareġ il-Bambin mill-presepju u niżlu fit-toroq. San Ġorġ Preca ried li l-Bambin jintwera u jkun fiċ-ċentru tal-Milied.

Propju għalhekk li aktar milli purċissjoni, Dun Ġorġ Preca ried li din tissejjaħ id-Dimostrazzjoni tal-Bambin. Huwa ried li din tkun ċelebrazzjoni ta’ fidi u mhux biss mixja wara Bambin tal-ġibs.

Il-fanali tradizzjonali li jintużaw waqt id-dimostrazzjoni bil-Bambin | Ritratt tal-Arċidjoċesi ta' Malta
Il-fanali tradizzjonali li jintużaw waqt id-dimostrazzjoni bil-Bambin | Ritratt tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Il-purċissjoni tinfirex...

Dun Ġorġ irnexxielu. Il-purċissjoni tal-Bambin saret għall-ewwel darba mitt sena ilu u niżlet tajjeb immens.

Mis-sena ta’ wara, din il-purċissjoni nfirxet u l-fergħat tal-Mużew imxerrda madwar Malta u Għawdex bdew jorganizzaw il-purċissjoni tal-Bambin ukoll.

Għalhekk issa, akkumpanjata mill-għanjiet ‘Ninni, la tibkix iżjed, ‘O Lejl tas-Skiet,” “Qed jinfirex mal-Widien” u għanjiet tradizzjonali oħra tal-Milied, il-purċissjoni tal-Bambin bdiet issir fl-ibliet u l-irħula madwar Malta u Għawdex.

It-tfal, bl-innoċenza tagħhom, kienu qed iwasslu wkoll dan il-messaġġ, li l-Bambin huwa fil-qalba taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied, fit-toroq u fil-pjazez tal-gżejjer Maltin.

Wara kollox, il-Milied ma kinitx u mhijiex festa tat-tfal. San Ġorġ Preca kien jinsisti li l-Milied hija l-festa ta’ kulħadd.

Il-famużi, il-banda u l-polza...

Ġeneralment, id-dimostrazzjoni tal-Bambin issir filgħaxija u għalhekk, maż-żmien ġew inklużi  fanali sempliċi tal-gass li kienu jinżammu fuq lasta twila biex jixgħelu d-dimostrazzjoni u l-madwar.

Dawn il-fanali ġew żviluppati u bdew jiġu mżejna b’disinn tal-injam, bi ħġieġ jew karti kkuluriti u li fuqhom ikun hemm ukoll siltiet mill-Iskrittura li jfakkru l-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù Bambin.

Il-gass ingħata l-ġenb u dawn il-fanali bdew jinxtegħlu bix-xemgħa li ddawwal il-karti kkuluriti u jagħtu atmosfera mill-isbaħ lil din id-dimostrazzjoni.

Maż-żmien anke l-baned tal-lokal bdew jieħdu sehem fil-purċissjoni. Bid-daqq tal-innijiet tal-Milied, dawn ikomplu jżidu mal-atmosfera ferriħija li din id-dimostrazzjoni bil-Bambin hija magħrufa għaliha, kif wara kollox xtaq il-qaddis Malti.

Id-drawwiet komplew jiżdiedu. Hija drawwa f’ħafna rħula li wara l-purċissjoni ssir polza biex tfal li jkunu preżenti jirbħu xi xbieha tal-Bambin jew inkella xi grotta żgħira.

Anke din hija inizjattiva biex is-Soċjetà tal-Mużew, tkompli dak li ried il-fundatur tagħha, jiġifieri li t-tfal jifhmu li l-Bambin huwa ċ-ċentru ta’ dawn il-festi.

San Ġorġ Preca fil-presepju Malti li kien intrama fil-Pjazza tal-Vatikan
San Ġorġ Preca fil-presepju Malti li kien intrama fil-Pjazza tal-Vatikan

More in Festi