'Għamluha impossibbli li ssir purċissjoni bil-Bambin; Kif se tagħlaq purċissjoni bil-barriers?'

Organizzaturi ta' purċissjonijiet bil-Bambin qed jirċievu imejl biex jispeċifikaw jekk huwiex possibbli li r-rotta kollha tkun magħluqa bil-barriers

Persuni li huma involuti fl-organizzazzjoni tal-purċissjonijiet tal-Bambin, saħqu mas-sit illum.com.mt li għalkemm ingħata permess biex dawn il-purċissjonijiet isiru, il-protokolli imposti jagħmluha impossibbli li dawn iseħħu.

Fil-fatt, il-purċissjonijiet bil-Bambin qed ikunu kkunsidrati daqs kwalunkwe attività oħra li tinkludi nies bilwieqfa u għaldaqstant, fost ir-rekwiżiti, hemm dik biex ir-rotta kollha tal-purċissjoni tkun magħluqa bil-barriers u ma tkunx tidher minn barra, anke biex ma jinġabrux nies li ma jkunux parti mill-purċissjoni.

Diversi organizzaturi li applikaw għall-permess, issa qed jirċievu imejl, fejn fost affarijiet oħra qed jintalbu jikkjarifikaw jekk jistgħux jagħlqu l-attività bil-barriers.

L-organizzaturi li tkellmu ma' dan is-sit qalu li protokolli oħra huma sempliċi u kienu qed jippreparaw biex jimplimentaw. 

"Faċli titlob ir-reġistrazzjoni għal min se jieħu sehem fil-purċissjoni. Faċli tieħu t-temperatura u tiżgura li kulħadd ikun bil-maskra. Imma spjegali kif tista' tagħlaq ir-rotta kollha tal-purċissjoni bil-barriers?", staqsew l-organizzaturi. 

Fi kliemhom, dan ma jagħmilx senx meta wieħed jara l-attivitajiet l-oħra li qed ikunu organizzati. 

"Purċissjoni bil-Bambin bil-barriers, imma mbagħad banda tal-Milied fil-Belt Valletta, b'mijiet ta' nies imdawwra magħha bla distanza ta' xejn, ma jimpurtax," komplew jisħqu. "Bażikament qalulna li nistgħu norganizzaw il-purċissjoni imma qed jagħmluha impossibbli li dawn isiru."

Din is-sena, il-purċissjoni bil-Bambin, tagħlaq 100 sena. 

L-imejl li qed jirċievu l-organizzaturi
L-imejl li qed jirċievu l-organizzaturi

More in Festi