Akkademja mill-Banda San Gejtanu tagħlaq iċ-ċelebrazzjonijiet tat-350 sena mill-Kanonizazzjoni tal-qaddis tal-providenza

L-Akkademja se ssir nhar it-Tlieta 21 ta’ Diċembru 2021, fil-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu

Nhar it-Tlieta 21 ta’ Diċembru 2021, fil-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, se tkun qed titella’ Akkademja Mużikali mill-Banda San Gejtanu biex jiġu fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet li saru biex tfakkar it-350 anniversarju minn meta San Gejtanu ġie kkanonizzat.

Matul din l-Akkademja li se tibda fis-7.30pm, se jiġu esegwiti diversi bċejjeċ mużikali mill-arkivju tal-Għaqda u siltiet ġodda li se jindaqqu għall-ewwel darba propju għal din l-okkażjoni.

Fost il-bċejjeċ mużikali li se jiġu esegwiti se jkun hemm l-Innu lill-San Gejtanu ta' Joseph Abela Scolaro u Dun Frans Camilleri, l-innu Kbir Gejtanu ta’ Ray Sciberras u Anselm Sciberras, l-innu O Gejtanu Patrun Maħbub ta’ Tano u Rene Monseigneur u kanzunetta ġdida bl-isem ta’ Gejtanu li emmen u ħabba ta’ Jonathan Borg u Brian Bonnici.

Il-Banda San Gejtanu se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha Jonathan Borg u se jieħdu sehem ukoll il-kor Bel Canto, is-Sopran Claire Caruana, it-tenur Joseph Aquilina, il-baritonu Albert Buttigieg u l-kantant Mark Tonna.

Fost okkażjonijiet u attivitajiet oħra li saru fl-aħħar xhur, il-Banda San Gejtanu tellgħet dramm oriġinali u anke wirjiet.

Id-dħul huwa b’xejn u kulaħdd imħeġġeġ jattendi billi josserva l-protokolli kollha li huma fis-seħħ minħabba l-pandemija.

More in Festi