Mill-festa ta’ Bormla bħala esperiment, għat-tħassib dwar il-fondi; X’qed jgħidu d-dilettanti?

X’inhu l-akbar tħassib tad-dilettanti tal-festi? Il-festi qalgħu d-daqqa tal-mewt? X’jista’ jsir fl-immedjat biex ikunu protetti? L-ILLUM tistaqsi

Ħafna mir-restrizzjonijiet issa tneħħew u anke attivitajiet b’udjenza bilwieqfa rritornaw. Tista’ tgħid li l-festi biss għadhom lura ħafna biex jibdew jiġu ċċelebrati kif kienu.

Fl-aħħar jiem diversi dilettanti u persuni involuti fil-festi waqqfu gruppi fuq Facebook jilmentaw dwar dan u saħansitra jisħqu li l-festi qalgħu d-daqqa tal-mewt. 

Fid-dawl ta’ dan, l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda waqqfet working group li se jħejji pjan ta’ azzjoni, biex jingħata lill-awtoritajiet biex il-festi, inkluż tal-Ġimgħa Mqaddsa jerġgħu jibdew isiru.

Dwar dan kollu, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ erba’ dilettanti u persuni li ħadmu qatigħ tul is-snin biex ikabbru l-isem tal-festa Maltija.

‘Il-festa ta’ Bormla għandha sservi ta’ esperiment biex mis-sena d-dieħla l-festi jerġgħu jibdew isiru’

L-ILLUM bdiet titkellem mal-istoriku u ċ-Chairperson tal-Kumitat Festi Esterni Santa Venera, Mario Coleiro li mill-ewwel wera t-tħassib tiegħu fuq id-daqqa li l-volontarjat fil-festa jista’ jieħu jekk dawn jibqgħu wieqfa kompletament.

Coleiro insista li dan huwa l-akbar tħassib tiegħu. Saħaq li persuna li qabel kienet tagħti ħafna mill-ħin tagħha għall-festa u issa sabet modi ġodda kif tgħaddi l-ħin liberu, kapaċi tibda ssibha diffiċli biex terġa’ tibda tinżel il-maħżen.

Mistoqsi x’jaħseb li kien l-akbar impatt tal-pandemija fuq il-festi, Coleiro insista li bla dubju ta’ xejn il-ġbir qala’ l-akbar daqqa. Fakkar kif għal diversi xhur, l-attivitajiet li kienu jiġu organizzati biex jinġabru fondi għall-festa, waqfu kważi kollha u llum għadhom limitati.

Madanakollu, Coleiro ma jaħsibx li l-pandemija kienet id-daqqa tal-mewt għall-festi, inkluż dawk tal-Ġimgħa Mqaddsa. Madanakollu insista li daqqa ħadu u fi kliemu, irid jgħaddi “ftit taż-żmien mhux ħażin” biex jerġgħu jilħqu l-livell li kienu laħqu.

Fi kliemu, kollox jiddependi minn kemm se jdumu ma jerġgħu jibdew jiġu organizzati l-festi esterni u festi oħra bħal dawk tal-Ġimgħa l-Kbira.

“Jekk mhux se nibdew nerħu xi ftit mir-restrizzjonijiet u nibdew norganizzaw xi ħaġa, il-festi se jkunu ħadu daqqa qawwija u jrid jgħaddi żmien biex jerġgħu lura għal dak li kienu,” insista.

L-ILLUM staqsiet lil Coleiro x’jaħseb li jista’ jsir fl-immedjat biex il-festi kif nafuhom ikunu protetti. Fakkar kif bħalissa qed issir esperimentazzjoni fuq attivitajiet tal-massa, bħalma huma kunċerti u festivals. Fakkar li anke attivitajiet sportivi bl-udjenza reġgħu bdew.

Kien għalhekk li saħaq li bl-istess mod għandhom isiru esperimenti bil-festi esterni biex jinstab mod kif dawn ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jiġu organizzati, anke jekk b’mod kawt.

“Għandna opportunità quddiemna, jiġifieri l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla,” insista Coleiro. Fi kliemu, jistgħu jiġu rrilaxxati xi ftit mir-restrizzjonijiet biex jippermettu li l-festi esterni jsiru.

“Dan għandu jservina ta’ mudell biex minn dak li jkun jista’ jsir fil-festa ta’ Bormla, nibdew inżidu fuqu ftit ftit għall-istaġun tal-festi li ġej, fosthom anke l-Ġimgħa l-Kbira,” insista Coleiro.

Saħaq li jista’ jkun hemm min jargumenta li la ma sarux il-festi sa issa, ma ssirx lanqas ta’ Bormla, imma insista wkoll li d-dilettanti ma għandhomx jinħlew fuq l-argumenti. 

“Kull attività bdiet tiċċaqlaq ħlief il-festi. Ejja ma nkunux aħna stess li nżommu l-festi lura billi noqogħdu ngħidu li ħaddieħor se jagħmel xi ħaġa meta aħna ma stajna nagħmlu xejn. Issa hu l-mument li dak kollu li jsir, tkun liema tkun il-festa, nikkunsidrawh bħala ta’ ġid għalina lkoll biex ikun pass ieħor biex ngħollu l-festi mill-ġdid fuq saqajhom,” saħaq Coleiro.  

‘L-awtoritajiet minn issa għandhom jitkellmu dwar il-Milied u l-festi għas-sena d-dieħla’

Tkellimna mal-preżentatur u s-Segretarju tal-Għaqda Każin Banda San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ, Brian Bonnici li insista li waħda mill-aktar affarijiet li jinkwetawh huwa li ntilfu żewġ ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ li għada pit’għada suppost li se jkollhom f’idhom il-festi.

“Huma dawk li ilhom mit-twelid fil-festa jew li l-festa tiġri fil-familja li baqgħu jersqu lejn il-każini u l-imħażen. Ħafna oħrajn tlifnihom,” insista.

Madanakollu, l-akbar tħassib għal Bonnici huma l-bandisti li għamlu kważi sentejn wieqfa għal kollox. Insista li jinsab ċert li hemm bandisti li mhux se jerġgħu jersqu lejn il-baned. Fi kliemu hemm minnhom li sabu xogħol part-time u oħrajn li issa sabuhom komdi jgawdu s-sajf u mhux kuljum impenjati bid-daqq.

Apparti minn hekk, Bonnici saħaq li diġà kien qed jinħass in-nuqqas ta’ bandisti u dan kien qed jissarraf fi prezzijiet għolja u aktar spejjeż għall-festa.

“Il-każin tagħna għamilna eżerċizzju. Ikkalkulajna li l-ispiża marbuta mal-bandisti se tkun qed tiżdied b’40%,” spjega, waqt li fakkar li d-dħul tal-każini u l-għaqdiet kollha tal-festa naqas. “Jekk tiġini festa u titlobni servizz ta’ banda b’1,300, se naħsibha darbtejn qabel naċċetta. Ma tistax toqgħod iddur festi oħra u toħroġ il-flus minn ġewwa.”

Mill-banda l-oħra saħaq li fil-kmamar tan-nar jidher li għad hemm l-entużjażmu anke għax dawn baqgħu jaħarqu matul il-ġimgħa tal-festa u l-Gvern, apparti l-għajnuna finanzjarja, ħareġ ukoll b’festivals li permezz tagħhom baqgħu attivi.

Imma l-festi qalgħu d-daqqa tal-mewt? Bonnici ma jaħsibx li dan huwa l-każ anke jekk saħaq li jekk tiġi t-tielet sena u l-festi jerġgħu ma jsirux, inkluż tal-Ġimgħa Mqaddsa, allura hemm jemmen li l-festi jkunu tpoġġew f’riskju kbir.

Madanakollu insista li l-entużjażmu u l-interess għadu hemm. Fil-fatt, Bonnici ilu snin jippreżenta programmi marbuta mal-festi u fi kliemu, qatt daqs din is-sena ma kellu rispons u interess daqshekk kbir.

Kompla jisħaq li jemmen li ftit ftit il-festi se jerġgħu jiġu għal dak li kienu u saħansitra saħaq li hemm ċans ukoll li “jissaffew.”

“Nemmen ukoll li biex jibqgħu ħajjin ma nistgħux inħallu l-festi kif kienu għaxar snin ilu. Kieku ta’ qabilna ma mxewx maż-żmien u tawna l-festa kif nafuha llum, kieku llum il-festa għadha limitata għal quddiesa, purċissjoni u forsi xi ikla. It-tiġdid huwa importanti. Kif u kemm se tiġġeded jagħmel id-differenza,” insista Bonnici.

Mistoqsi jekk hux qed jara xi ħaġa differenti li tista’ ssir fl-immedjat, Bonnici saħaq li hemm ħafna modi kif il-festi jistgħu jiġġeddu jew jaddattaw, kif wara kollox għamlu fl-aħħar xhur, għaċ-ċirkostanzi.

“Jekk eżempju se jkun hawn nuqqas kbir ta’ bandisti, irridu noħorġu b’soluzzjonijiet oħra biex nadattaw għaċ-ċirkostanzi,” kompla jispjega.

Mistoqsi x’jista’ jsir biex nipproteġu l-festi, Bonnici insista li minnufih jeħtieġ li jkun hemm grupp b’saħħtu li jagħmel pressjoni biex il-festi s-sena d-dieħla jsiru u li l-awtoritajiet minn issa jagħtu indikazzjoni li l-festi se jsiru, ġaladarba l-pandemija tibqa’ taħt kontroll.

“Minn San Pawl għadna nibdew. Imma l-awtoritajiet minn issa jridu jitkellmu. Mal-festi qed ninkludi wkoll il-Ġimgħa l-Kbira, il-Karnival li xorta ma jistax isir bħas-soltu u għandu jkun hemm indikazzjoni wkoll anke għall-Milied,” kompla Bonnici.

Fil-fatt fakkar li dan il-Milied se jkun iċċelebrat l-ewwel ċentinarju minn meta saret l-ewwel purċissjoni bil-Bambin. Qal li jkun dnub jekk dan ma jkunx iċċelebrat b’mod xieraq, anke għax din it-tradizzjoni diġà naqset. 

Bonnici qal ukoll li huwa importanti u tajjeb li l-Gvern qed jgħin lill-għaqdiet kollha tal-festi, imma fi kliemu dan ma jagħmilx sens jekk il-festi jibqgħu wieqfa.

“Ħadd mhu se jinvesti jew jaħdem fuq proġetti ġodda jekk ma jarax futur.” 

‘L-esaġerazzjonijiet iridu jiġu mrażżna u nkunu responsabbli jekk irridu li l-festi jirritornaw’

Anke l-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Baned (GĦNKB), Noel Camilleri, saħaq mal-gazzetta ILLUM li fost l-aktar affarijiet li qed jinkwetawh hemm il-fatt li ħafna mill-każini, fi żmien li damu magħluqin, esperjenzaw nuqqas fl-impenn komunitarju u fil-voluntiera.

Insista li l-festa hija waħda komunitarja, li tibda mill-funzjonijiet fil-knejjes u tkompli fit-toroq. “Il-fatt li ħafna minn dawn l-attivitajiet ma sarux, naqas is-sens ta’ komunità u ta’ appartenenza. Huwa fundamentali li nerġgħu ndaħħlu fil-komunitajiet tagħna dan is-sens għax wara kollox tissaħħaħ is-soċjetà kollha kemm hi,” insista.

Anke Camilleri saħaq li jinkwetah il-fatt li jista’ jkun hemm bandisti li jnaqqsu mill-impenn tagħhom. 

“Il-fatt li dawn il-bandisti għamlu żewġ staġuni ma jdoqqux żgur li ma għenx.” Saħaq li jekk verament hawn imħabba għall-mużika allura dan huwa żmien li kulħadd iqum għal din l-isfida biex il-baned jerġgħu jinstemgħu fit-toroq u t-teatri.

Semma wkoll il-problema tal-fondi u l-ġbir li l-każini u l-għaqdiet tal-festi għadhom ibatu minnha. “L-għajnuna fuq bażi nazzjonali u mhux distrettwali hija essenzjali jekk verament nemmnu li l-festu għandhom jibqgħu jsiru.”

Appella biex jinħoloq fond nazzjonali biex jgħin lis-soċjetajiet tal-banda waqt li insista li dawn huma patrimonju nazzjonali u jaħdmu ħafna favur il-komunitajiet. 

“Dan il-fond għandu jkun amministrat mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda jew minn Federazzjoni Nazzjonali li jkollha fi ħdanha dawk l-għaqdiet volontarji involuti fil-festi inkluż anke l-Festi tal-Ġimgħa Mqaddsa,” insista.

Mistoqsi dwar il-futur tal-festi, Camilleri saħaq li jekk wieħed irid ikun realistiku jrid jirrikonixxi li hemm diffikultajiet għall-festi kollha inkluż tal-Ġimgħa Mqaddsa.

“Madanakollu jekk kif ipproponiet l-Għaqda nibdew diskusjonijiet minn issa bejn kull min hu involut u mal-awtoritajiet, nemmen li b'ħidma kollettiva u b'għajnuna fuq bazi nazzjonali mill-Gvern nistgħu negħlbu dawn l-isfidi,” insista. “Kien proprju għalhekk li l-Għaqda waqqfet working group biex nipproponu metodi u protokolli kif jistghu ssiru l-festi mis-sena d-dieħla.”

Mistoqsi x’jista’ jsir biex il-festi jkunu protetti, Camilleri fakkar kif l-GĦNKB ħadmet bla nifs biex tiddaħħal applikazzjoni mal-UNESCO biex il-Festa Maltija tkun rikonoxxuta bħala wirt intanġibbli dinji. 

Fl-immedjat insista li kulħadd għandu jaħdem biex il-festi jingħatalhom rikonoxximent konkret. Fakkar li kemm mil-lat turistiku u anke minn dak kummerċjali, il-festi huma importanti ħafna.

“Għandna bżonn ukoll naħdmu sabiex aktar zgħażagħ jifhmu l-importanza tal-festi fuq bazi komunitarja. Hemm nuqqas kbir ta' sens ta' appartenenza li n-nuqqas tiegħu se jkollu effett fuq il-festi.”

Appella għal aktar dixxiplina minn kulħadd biex ikunu dawk involuti fil-festa stess li juru li l-festi jistgħu jerġgħu jiġu ċċelebrati.

“Irridu nammettu li f'dawn l-aħħar snin l-esaġerazzjonijiet żdiedu ħafna u nħoss li hemm bżonn li nkunu responsabbli u fejn hemm l-esaġerazzjonijiet jiġu mrażżna jekk verament iridu li l-festi jrisu u saħħet iċ-ċittadin tinżamm fuq nett tal-prioritajiet tagħna,” temm jisħaq

‘L-entużjażmu għall-festa hemm baqa’ imma jrid ikun hemm inizjattivi li jgħinu lill-entitajiet tal-festa’

Ottimist kien id-Deputat, tabib u dilettant tal-festi u n-nar Godfrey Farrugia. Fakkar kif anke jekk il-festi ma sarux kif wieħed imdorri bihom, matul dan l-istaġun kien hemm bliet u rħulha fejn apparti l-festa interna, organizzaw ċertu attivitajiet, dejjem skont ir-restrizzjonijiet.

Pereżempju kien hemm baned li organizzaw kunċerti fil-knisja u anke festi li organizzaw attivitajiet fil-pjazez bir-restrizzjonijiet u l-protokolli fis-seħħ.

“Dan juri li hemm il-ħerqa tan-nies li tipparteċipa,” insista Farrugia. Kompla jisħaq li minkejja dan kollu, l-identità ta’ komunità ma ntilfet qatt, tant li n-nar, li l-irwol tiegħu fil-festa huwa ta messaġġier, baqa’ jinħaraq.

Mill-banda l-oħra insista li d-daqqa ta’ ħarta nħasset fil-ġbir u kien hawn li appella lill-Gvern biex jgħin b’mod konkret lill-entitajiet tal-festa, inkluż lill-każini li għamlu sagrifiċċji kbar meta baqgħu għal żmien twil magħluqa biex irażżnu l-pandemija.

Ikkritika l-fatt li l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-NGOs tefa’ f’keffa waħda lill-għaqdiet kollha, inkluż dawk tal-festa fir-regoli dwar ġbir ta’ fondi. Fakkar li l-għaqdiet tal-festa huma magħmula minn voluntiera li ħafna drabi joħorġu l-flus minn buthom. Fi kliemu din kienet mossa kerha li affettwat negattiv lill-festi.

Mill-banda l-oħra faħħar l-impenn tal-Ministeru għat-Turiżmu li organizza festivals u attivitajiet li permezz tagħhom żamm lill-kmamar tan-nar attivi. 

“Imma ma ngħidx li l-festa qalgħet daqqa ta’ ħarta. Anzi, b’mod matur, ħadet xejra differenti u xorta ġiet iċċelebrata b’modi differenti,” insista. “Nemmen li l-festa, matul is-sena d-dieħla, għandha ċans li terġa’ tieħu l-atmosfera li kellha eżatt fl-2019.”

Farrugia insista li l-festa għandha dimensjoni reliġjuża, soċjali u kulturali. Saħaq li l-aspett kulturali baqa’ u anke l-aspett reliġjuż. Spjega kif kien l-aspett soċjali li waqaf imma insista li l-ħerqa tan-nies li jerġa’ jkollhom il-festa għadu hemm.

“Tħares lejn il-Facebook u l-mod kif il-Facebook iċċelebra l-festa fl-aħħar sentejn, juri li l-entużjażmu għadu hemm,” insista. “Fil-ħajja moderna u mgħaġġla n-nies ma għandhomx ċans jiltaqgħu. In-nies bla ma trid tfittex dan il-kuntatt. In-nies se toħroġ. Fil-festa,il-manifestazzjoni tan-nies tiċċelebra lilha nnifisha u lill-padruni li huma parti mill-identità tal-lokalità.”

Kien hawn li temm jisħaq li qalbu mhijiex maqtugħa anke jekk tenna li għandu jkun hemm l-inizjattivi neċessarji biex il-festi jkunu sostnuti. 

More in Festi