Festi li ma jintesew qatt fl-Isla ta’ 25 sena ilu

F'jum il-festa ta' Marija Bambina nfakkru mas-Sengleani l-100 anniversarju mill-inkurunazzjoni tal-vara għażiża billi nħarsu lura lejn iċ-ċelebrazzjonijiet li seħħew 25 sena ilu u li raw lil din ix-xbieha għażiża taqsam il-Port il-Kbir lejn il-Kapitali Valletta

23 ta’ Awwissu 1996: L-istatwa ta’ Marija Bambina waqt li qed tiġi trasportata mill-Belt Valletta lejn l-Isla
23 ta’ Awwissu 1996: L-istatwa ta’ Marija Bambina waqt li qed tiġi trasportata mill-Belt Valletta lejn l-Isla

Ħafna huma l-ġrajjiet li jibqgħu mniżżlin b’ittri tad-deheb – ġrajjiet li baqgħu jinsġu flimkien b’rabta li ma tinħallx, lill-poplu Senglean mal-Bambina. Fost dawn il-ġrajjiet, jispikka l-avveniment kbir li seħħ fix-Xatt tal-Isla nhar l-4 ta’ Settembru 1921. Xena li ma tintesa qatt kienet l-inkurunazzjoni solenni tax-xbieha antika u mirakoluża ta’ Marija Bambina, l-Omm ħanina li għal tliet sekli kienet it-tarka li skansat minn kull tiġrib lill-Isla, il-belt tal-Madonna.

Għalkemm għaddew ħafna snin, din hija ġrajja li anke llum, mitt sena wara, timliena b’ferħ li ma jitfissirx. Tul dawn il-mitt sena, is-Sengleani għamlu minn kollox, biex il-jum tal-4 ta’ Settembru ma jisbaħx u jgħaddi bla ma jiġi mfakkar.

1996 – il-Ħamsa u Sebgħin Anniversarju 

Fis-16 ta’ Frar 1995, fuq inizjattiva tal-Kan. Dun Vinċenz Cachia, Arċipriet tal-Isla, ġie ffurmat il-Kumitat tal-75 Anniversarju tal-Inkurunazzjoni ta’ Marija Bambina. 

Il-kumitat inkariga lill-pittur Frank Portelli biex iħejji logo li kellu jidher fuq kull ħaġa marbuta mal-anniversarju. Ġie ppubblikat kalendarju artistiku għas-sena 1996 li ġabar fih tnax-il ritratt bil-kulur ta’ kwadri ta’ pittura, kollha b’temi Marjani, li nsibu fil-bażilika u fil-knisja tal-Portu Salvu. Ġew ordnati wkoll numru limitat ta’ statwetti replika tal-istatwa tal-Bambina biex ikunu ta’ tifkira għal dan l-anniversarju.

Il-ftuħ uffiċċjali tal-festi kien il-Ħadd, 7 ta’ Mejju 1995 meta, permezz ta’ quddiesa solenni konċelebrata, ġie mfakkar il-ħruġ u l-wasla f’Malta tar-reskritt tal-inkurunazzjoni. Dakinhar, inqrat għall-ewwel darba it-Talba tal-Anniversarju li tqassmet lill-familji kollha. 

Fil-31 ta’ Diċembru 1995, Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta, bagħat messaġġ lill-parroċċa tal-Isla. Fih hu kiteb: “li nħarsu lejn Marija bħala mudell, li nirriflettu fuqha u li nfasslu l-imġieba tagħna li tkun taqbel ma’ tagħha, għandu jkun l-iskop prinċipali taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-anniversarju. Wara kollox, dawn kienu l-kwalitajiet magħrufa tas-Sengleani meta b’turija tal-qima u l-għożża tagħhom, għamlu t-talba tagħhom biex l-istatwa ta’ Marija Bambina tkun inkurunata.”

Biex jitfakkar il-75 anniversarju mill-ħruġ tad-digriet li bih il-Kolleġġjata tal-Isla ġiet elevata għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri, fit-3 ta’ Jannar 1996 saret quddiesa solenni mmexxija minn Mons. Arċisqof Emmanuel Gerada, assistit mill-Kapitlu Senglean. Din iċ-ċelebrazzjoni kienet animata mill-Kor Marija Bambina flimkien mal-orkestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Alfred Callus.

Bejn it-23 u l-25 ta’ Jannar, fil-bażilika, sar Festival tal-Korijiet. F’dan il-festival ta’ mużika sagra, ħadu sehem disa’ korijiet minn disa’ parroċċi differenti li taw tliet serati mill-isbaħ fl-ambjent tal-knisja imżejna kif jixraq għal dik l-okkażjoni. 

Biex l-imħabba lejn il-Bambina titwassal għand il-ġenerazzjoni futurI, fid-19 ta’ Jannar 1996, fis-sala tas-Sede tal-Azzjoni Kattolika, ġie organizzat il-final ta’ quiz dwar l-istorja u d-devozzjoni lejn il-Bambina fl-Isla għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji. 

Attivitajiet pastorali

Saru diversi ċelebrazzjonijiet ta’ natura pastorali. Fost l-oħrajn, insemmi l-Adorazzjoni għall-Qdusija tal-Kleru u għall-Vokazzjonijiet (9 ta’ Marzu); il-lejl ta’ talb qabel żjajjar fil-familji minn membri tal-Leġjun ta’ Marija bil-għan prinċipali li t-talba tar-Rużarju terġa’ ssib postha fid-djar tagħna (4 ta’ Mejju); l-41 Kungress tat-Terz Ordni Karmelitan (5 ta’ Mejju); il-Kungress tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Alla (26 ta’ Mejju); is-Sajda Mużewmina (Ġunju); u l-Healing Service mill-Moviment Kariżmatiku Nazzjonali (28 ta’ Ġunju).

Fit-12 ta’ April 1996 fil-bażilika ttellgħet Akkademja Mużiko-Letterarja taħt il-patroċinju ta’ Dr Ugo Mifsud Bonnici, President tar-Repubblika. Kienet serata ta’ livell mill-aktar għoli u dinjituż kemm fl-għażla u l-esekuzzjoni tal-mużika kif ukoll fil-qari tal-poeżiji u d-diskors sabiħ u mqanqal li għamel s-Senglean Dr Raymond Busuttil.

Fis-26 ta’ Mejju, l-anzjani Sengleani ġeddew il-memorji tal-esperjenzi tagħhom ta’ 75 sena qabel, waqt serata fis-sala tas-Sede. L-Imħallef Franco Depasquale mexxa lill-kelliema ewlenin li kienu Charles Clews, John Buhagiar, William Hockey, Angelo Dougall u Giolino Grima.

Il-Bambina fil-knisja tal-Portu Salvu

Matul l-aħħar tlett ijiem ta’ Mejju, l-istatwa tal-Bambina ġiet esposta għall-qima fil-knisja tal-Madonna tal-Portu Salvu li dejjem ingħatat importanza u sehem mistħoqq f’anniversarji ta’ din ix-xorta.  

F’dawk il-jiem, l-istatwa dehret għall-ewwel darba bil-libsa tad-deheb u l-fidda. Din l-opra ta’ reqqa u artiġġjanat mill-aqwa, tlestiet wara tnax-il sena ta’ xogħol mill-arġentier Vanni Barolo. Jispikkaw fuq kollox il-finezza u l-eżattezza saħansitra fl-iċken dettall, b’mod partikulari kif id-disinn oriġinali ġie riprodott b’mod daqshekk eżatt fil-pjanċa. Fiha ntuża deheb fi tliet kuluri ħalli jkun hemm kuntrast bejn il-mant, il-bordura u x-xaqliba. Il-libsa twila ta’ taħt il-mant hija tal-fidda. L-inawgurazzjoni saret fid-29 ta’ Mejju fi tmiem Ballata dwar l-istorja tal-Bambina, miktuba minn Charles Coleiro. 

Fl-aħħar jum ta’ Mejju filgħaxija, l-istatwa tal-Bambina inħarġet quddiem il-kunvent ta’ San Filippu, fejn saret quddiesa mmexxija minn Mons. Arċisqof Gerada. Wara sar pellegrinaġġ aux flambeaux bl-istatwa tal-Bambina tul Triq il-Vitorja sal-bażilika u fit-tmien tieghu sar Att ta’ Konsagrazzjoni tal-parroċċa lill-Madonna.

Wkoll nhar l-aħħar ta’ Mejju filgħodu, wara korteo bi statwa żgħira, replika tal-Bambina, mill-knisja tal-Vitorja sa Pjazza 4 ta’ Settembru, it-tfal tal-iskola primarja għamlu manifestazzjoni ta’ talb u kant madwar l-istatwa tal-Madonna tan-Nofs li ġiet ukoll inkurunata b’kuruna tal-ward. It-tfal bil-bnadar f’idejhom tul il-korteo, akkumpanjati mill-banda tal-iskola Umberto Calosso, ħolqu spettaklu u taw ġieħ lill-Madonna mat-toroq.

Missjoni mill-Ordnijiet Reliġjużi

Il-qofol tal-festi beda jinħass l-aktar hekk kif bdew is-Sibtijiet tal-Bambina bi tħejjija għall-festa. Fil-ġimgħat ta’ qabel is-Sibtijiet, saru żjajjar pastorali fid-djar kollha, li kienu mqassma f’żoni,  minn diversi patrijiet membri ta’ Ordnijiet Reliġjużi. F’din il-missjoni fost il-familji, l-ewwel esperjenza ta’ dan it-tip fid-djoċesi, ħadu sehem Ġiżwiti, Karmelitani, Franġiskani Konventwali, Fraġiskani Minuri, Franġiskani Kappuċċini, Agostinjani, Karmelitani Skalżi u s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. 

Il-Bambina fil-Belt Valletta

Ferm mistennija kienet l-okkażjoni unika meta l-istatwa ta’ Marija Bambina ittieħdet il-Belt Valletta u ġiet esposta għall-qima tal-Maltin fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Hemm, fit-22 ta’ Awwissu 1996, saret ċelebrazzjoni għall-emigranti Maltin li kienu fostna għall-jiem tal-festa. L-għada, 23 ta’ Awwissu, Mons. Carmelo Xuereb, Vigarju Ġenerali Emeritu, iċċelebra quddiesa flimkien mal-membri tal-Kapitlu tal-Katidral, il-Kapitlu Senglean u l-kappillani u retturi tal-knejjes tal-Belt. 

Wara, l-istatwa tal-Bambina, ittieħdet mill-Kon-Katidral u, akkumpnjata miż-żewġ baned tal-Belt u folla kbira ta’ nies, twasslet sa ħdejn il-pixkerija, fix-Xatt tal-Belt. L-istatwa ġiet imtella’ fuq barkun u, akkumpanjata bid-daqq tal-Banda Queen’s Own, twasslet fix-Xatt tal-Isla. Fuq il-baħar, l-istatwa kienet akkumpanjata mid-dgħajjes tar-Regatta tad-distretti kollha, mill-Patrol Boats tal-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll għadd mhux żgħir ta’ dgħajjes u vapuretti oħra li wasslu lin-nies lejn l-Isla. Kienet xena li ma tintesiex malajr meta l-Bambina telqet mill-Belt u qasmet il-Port lejn ix-Xatt tal-Isla fost l-għajjat ta’ ferħ, il-mixgħela u l-logħob tan-nar.

L-istatwa ta’ Marija Bambina ġiet milqugħa fix-Xatt tal-Isla u, bis-sehem tal-Banda Queen’s Own, twasslet sal-bażilikaf’dimostrazzjoni ferrieħa u devota.  

Novena ta’ tħejjija

In-novena bdiet fil-25 ta’ Awwissu bi tħejjija għall-jum tal-4 ta’ Settembru. F’kull ġurnata saru ċelebrazzjonijiet speċjali fosthom l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof. Saret ukoll quddiesa De Requiem b’suffraġju ta’ dawk is-Sengleani li b’tant ħeġġa ħadmu għall-inkurunazzjoni tal-Bambina u għall-benefatturi kollha tal-bażilika.

F’dawk il-jiem ġew mistiedna sitt isqfijiet: Mons. Pawl Darmanin OFM Cap, Isqof ta’ Garissa, Mons. Jose Sebastian Laboa, Nunzju Appostoliku għal Malta, Mons. Nikol Ġ. Cauchi, Isqof ta’ Għawdex, Mons. Pawl Giglio, Arċisqof ta’ Tindari, Mons. Fouad Twal, Arċisqof tat-Tuneżija, u Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta. Ġew mistiedna wkoll sitt Kapitli Kolleġġjali li kienu tax-Xagħra, Għawdex, tar-Rabat, Malta, ta’ Bormla, tal-Birgu, tal-Belt Valletta, ta’ Birkirkara u l-Kapitlu Metropolitan.

Il-qofol tal-festi

Il-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet intlaħaq nhar l-Erbgħa, 4 ta’ Settembru 1996. Filgħodu, wara li t-tfal imxew f’korteo minn Pjazza 4 ta’ Settembru sal-bażilika, saret il-quddiesa għalihom, iċċelebrata mill-Kan. Arċipriet Dun Vinċenz Cachia, u fi tmiemha saret l-offerta tal-warda tad-deheb f’riġlejn l-istatwa ta’ Marija Bambina. 

Fis-sitta ta’ filgħaxija, bdiet purċissjoni solenni tad-dħul tal-quddiesa mill-bażilika għax-Xatt bl-istatwa tal-Bambina, mmexxija minn Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca, flimkien mal-isqfijiet mistiedna, il-Kapitlu Senglean u saċerdoti oħra. Mons. Jose Sebastian Laboa, Nunzju Appostoliku, assista għal din il-quddiesa. Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bil-kant tat-Te Deum, l-Antifona tal-Bambina u l-Innu tal-Inkurunazzjoni. 

L-istatwa tal-Bambina twasslet lura lejn is-Santwarju tagħha permezz ta’ dimostrazzjoni ferrieħa bis-sehem tat-tliet baned tal-Kottonera. F’dawk il-jiem memorabbli ta’ Settembru 1996, ħadu sehem ukoll il-baned Prince of Wales Owntal-Birgu, Stella Maris ta’ Tas-Sliema, King George V tal-Imqabba, G.M. Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid, Konti Ruġġieru u L’Isle Adam tar-Rabat, Malta, Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq, San Bartilmew ta’ Ħal Għargħur u Leone tar-Rabat, Għawdex.

Issa li kien għadda l-anniversarju tal-inkurunazzjoni, l-attenzjoni daret għal fuq it-8 ta’ Settembru, jum it-Twelid tal-Imqaddsa Verġni Marija, il-festa titulari. Dakinhar filgħodu sar Pontifikal Solenni mmexxi minn Mons. Arċisqof Mercieca, assistit mill-Kapitlu Senglean. Patri Philip Cutajar OFM Cap., il-Provinċjal tal-Kappuċċini, niseġ paneġierku ta’ tifħir lil Marija Bambina f’jum twelidha.

Waranofsinhar, wara Għasar Solenni mmexxi minn Mons. Isqof Twal, saret il-purċissjoni devota bl-istatwa inkurunata ta’ Marija Bambina, immexxija mill-istess isqof. Iċ-ċelebrazzjonijiet denji li permezz tagħhom ġie mfakkar il-75 anniversarju mill-inkurunazzjoni tal-Bambina ġew fi tmiemhom fi dħul il-purċissjoni, bil-kant tal-Antifona u l-Barka Sagramentali. Dawn kienu ġrajjiet li ma jintesew qatt, l-isbaħ festi li saru tul il-parrrokat tal-Kan. Arċipriet Dun Vinċenz Cachia.

More in Festi