‘Għalija allaħares ma jkunx dan id-delizzju;' Ibiddel rokna fid-dar f’Santwarju ta’ Santa Marija

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Joe Chetcuti, vuċi sinonima mad-dilettanti tal-festi, tal-marċi u tal-baned u titkellem miegħu dwar delizzju partikolari, li ma ssibu mkien aktar fid-dinja ħlief f’xi djar Maltin, partikolarment ta’ dawk li l-festi huma ħajjithom

Joe Chetcuti. Żgur li ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni mad-dilettanti tal-festi, partikolarment dawk li jħobbu l-baned u l-marċi. Ħafna jafuh għall-programm ‘Marċi u Bandalori’ li ilu aktar minn 20 sena jippreżenta fuq Net FM. Huwa involut f’diversi każini tal-banda u tul is-snin ippreżenta għexieren ta’ kunċerti u programmi mużikali fil-festi tagħna l-Maltin. Kif jgħid hu stess: “Malli nisma’ banda, qalbi tfur.”

Fil-jum għażiż ta’ Santa Marija, ġurnata għall-qalb il-Maltin u l-Għawdxin, mhux biss għax diversi parroċċi jiċċelebraw il-festa titulari tat-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna, imma għax niftakru wkoll fil-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija, li għen mhux ftit lill-Maltin fl-aħħar ġimgħat kruċjali tat-Tieni Gwerra, il-gazzetta ILLUM qed tiltaqa’ ma’ Chetcuti li anke jekk joqgħod Ħaż-Żebbuġ, huwa Mosti kbir.

Kif inhu xieraq, bħall-bqija tal-Mostin, anke jekk b’differenza minħabba l-pandemija, Chetcuti se jkun qed jiċċelebra lil Santa Marija fis-Santwarju Bażilika tal-Mosta. Madanakollu ma hemmx bżonn imur fir-Rotunda biss biex jiċċelebra l-festa.

Fil-fatt, fis-skiet tad-dar tiegħu, fejn jgħix ma’ martu Phyllis, Chetcuti għandu knisja minjatura li, bla dubju, iddedikaha lil Santa Marija. Propju dwar dan id-delizzju, li l-gazzetta ILLUM iddeċidiet li tkellem lil Chetcuti.

Kemm ilu b’dan id-delizzju?

Illum, Chetcuti għandu 59 sena, iżda ilu minn meta kien żgħir ħafna b’dan id-delizzju. Mal-ILLUM irrakkonta kif meta kien għadu daqxejn ta’ tifel, wieħed superjur tal-MUSEUM kien tah artal żgħir bħala rigal tal-Milied. Fi kliemu, minn hemm beda jinteressa ruħu fil-knejjes.

“Niftakarni niffitta lill-ġenturi tiegħi biex almenu darba fil-ġimgħa mmorru għand is-Sur Cordina, ta’ Cordina Emporium ta’ Triq il-Merkanti l-Belt li kien u għadu jbigħ affarijiet sagri u anke affarijiet f’minjatura bħal statwetti u gandlieri,” saħaq Chetcuti.

Fi kliemu, qatt ma telgħu l-Belt u marru lura d-dar, il-Mosta, b’idhom f’idhom. “Dejjem konna nixtru xi ħaġa għal dan l-artal,” insista.

Iżda dan l-artal ma baqax għand Chetcuti għal dejjem. Fil-fatt kien tah lil ħabib tiegħu għax f’moħħu dejjem kien iberren li jkollu xi ħaġa akbar. Tant hu hekk li kien żamm xi aċċessorji bħalma huma xi gandlieri u fjuretti. "Dawn baqgħu għandi sal-lum il-ġurnata,” kompla.

… kellhom jħaddu s-snin

Madanakollu, kellhom jgħaddu diversi snin biex Joe Chetcuti reġa’ kellu knisja minjatura sakemm xi snin ilu tela’ Għawdex biex jara wirja tal-Ġimgħa l-Kbira tal-ħabib tiegħu George Mercieca.

“Waqt illi kont qiegħed hemm, ġie missieru, Amante Mercieca u spjegali li kien ħadem kollox hu, inkluż l-artal u l-bankuni għall-istatwa,” kompla jirrakkonta Chetcuti. “Ħa pjaċir ħafna meta faħħartlu xogħlu. Kumpliment mingħand dilettant niżillu għasel.”

Minn dakinhar, għaddew xahrejn u Chetcuti kien mistieden jippreżenta Akkademja Mużikali fl-okkażjoni tal-festa tal-Għasri, taħt id-direzzjoni ta’ iben Amante Mercieca, is-Surmast Antoine Mercieca.

“Nara lil Amante ġej b’barżakka magħluqa u qalli: din għalik. Kif ftaħtha nsib ġmiel ta’ artal tal-injam. Lanqas ridt nemmen. Ma nafx kemm-il darba għidtlu grazzi,” kompla. “Waqt li kont fuq il-vapur bdejt nhewden kif se nagħmel minjatura.”

Ma tantx dam jaħsibha għax l-għada, Joe Chetcuti mar għand il-ħabib tiegħu, il-mastrudaxxa Żebbuġi Michael Camilleri biex jaħdimlu prospettiva għal wara dan l-artal ċkejken. Ix-xewqa ta’ Joe kienet li din tkun għandu sa Mejju 2016, jiġifieri xahar qabel it-tieġ tat-tifla tiegħu Pauline Marie. 

Il-mastrudaxxa hekk għamel. Il-prospettiva waslet u Chetcuti ħadha għand Manwel Chircop għall-irħamar u anke ħadem mejda tal-kewba għal taħtha għand l-istess mastrudaxxa.

“Sadanittant lill-mara ma kont għidtilha b’xejn. Malli ratha għoġbitha mmens,” insista.

‘Is-sabiħ ta’ dan id-delizzju huwa li qatt ma int lest’

Illum dan huwa l-post fejn Chetcuti jgħaddi l-ħin tiegħu u jistrieħ. Fi kliemu stess: “Allaħares ma jkunux dawn l-affarijiet.”

Insista mal-ILLUM li s-sabiħ ta’ dan id-delizzju huwa li qatt ma int lest. “Il-mument li tgħid li int lest, id-delizzju jispiċċalek,” saħaq. “Il-gost jinsab filli dejjem tipprova toħloq xi ħaġa ġdida għall-knisja u tarmaha għall-festa li tkun ġejja.”

Kien hawn li Chetcuti semma lil ħabib tiegħu Alfred Camilleri, li wkoll għandu knisja minjatura u jmorru għand xulxin biex jarmaw flimkien il-knisja tagħhom għall-festa li jkun imiss.

‘Meta nlesti nkun fis-seba' sema’

“Malli tkun lesta nkun fis-seba’ sema u xi ritratt ma jonqosx ukoll!” insista Chetcuti. 

Saħaq ukoll li l-hena tiegħu, minn żmien għal żmien, jagħmel xi ħaġa ġdida biex iżid l-armar u jkollu xi jbiddel għal festi u okkażjonijiet differenti. Fil-fatt, meta r-Rotunda tal-Mosta ngħatat id-dinjità ta' Bażilika Minuri, Chetcuti ma damx ma xtara umbrellun żgħir (wieħed mis-simboli tal-Bażilika) għall-minjatura tiegħu wkoll.

“L-hena tiegħi noqgħod ingawdiha tul dak iż-żmien li ddum armata. Xi talba ma tonqosx lanqas!” kompla jirrakkonta mal-ILLUM. 

Bla dubju ta’ xejn, l-aktar li jitpaxxa bil-minjatura tiegħu, ikun fil-ġranet għeżież tal-festa ta’ Santa Marija, meta anke l-knisja ta’ Chetcuti tkun fl-aqwa tagħha, armata bil-linef, il-gandlieri u l-fjuretti tal-festa u ma jonqosx id-damask. Ma għandux kobor, imma għal Joe, din ir-rokna fid-dar tiegħu, qisha l-ġenna. 

‘Il-knejjes ma għandhomx jispiċċaw sempliċiment mużew tal-arti'

Ovvjament, biex tkun taf kif għandek tarma għall-festi differenti, trid tkun ukoll dilettant u kapaċi tosserva dak li jsir fil-knejjes tal-ibliet u l-irħula tagħna.

Chetcuti jisħaq mal-ILLUM li l-gost tiegħu jammira kull biċċa armar fil-knejjes tagħna u japprezza x-xogħol tal-arti li jkun hemm warajhom.

“Il-knejjes ta’ Malta u Għawdex għandhom ċertu faxxinu l-aktar meta jkunu mżejnin sa ruħ ommhom għall-festi. Minn quddiem għajnejja dejjem jgħaddili ħsieb wieħed: minjaf kemm batew ta’ qabilna biex illum aħna ingawdu dan kollu. Minjaf kemm  qagħdu nieqsa huma biex ħarġu l-flus għal xi opra li tkun qed issir,” insista.

Iżda hawn Chetcuti waqaf u insista mal-ILLUM li jekk dan kollu, jekk dan l-armar u dawn it-tradizzjonijiet sbieħ ma jressqux lin-Nisrani lejn Alla, u ma jgħinuhx isir jixbah lill-Madonna u l-patruni li nkunu qed niċċelebraw, allura ma jkun ifisser xejn.

“Nappella biex il-knejjes ma nġibuhomx mużewijiet tal-arti tul il-jiem tal-festa, imma nagħmlu minnhom għodod effikaċi biex permezz ta’ dawn it-tradizzjonijiet, nersqu lejn Alla,” kompla jisħaq.

‘Altru milli qed imut ... naħseb li huwa delizzju li qed jiżdied’

Tkellimna fuq il-futur ta’ dan il-passatemp u jekk hux qed imut minħabba l-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu u l-mezzi ta’ kommunikazzjoni li saru joħdulna ħafna mill-ħin tagħna. 

Chetcuti insista li aktar milli jispiċċa, dan l-aħħar snin aktar qed jara li dan id-delizzju reġa’ qed jieħu l-ħajja. 

“Biżżejjed tara ftit kemm ikun hawn wirjet tal-Ġimgħa Mqaddsa li ħafna minnhom ikunu ambjentati fi knisja minjatura,” insista. 

Saħaq li dan l-interess għadu ħaj bis-saħħa tal-Għaqda Dilettanti Mudelli tal-Knejjes li kull sena torganizza diversi wirjiet u torganizza laqgħat u workshops bil-għan li dan id-delizzju jibqa’ ħaj u jissaħħaħ.

“Ma hemmx xi tgħid. Huwa passatemp sabiħ. Iżommok miġbur id-dar. Iressqek aktar biex tifhem il-liturġija li niċċelebraw għax bla ma trid tistaqsi għaliex narmaw jew għalxiex jintuża ċertu armar. Fuq kollox huwa passatemp li jressqek lejn id-divin. Nittama li ngħożżuh u nżommuh ħaj,” temm jgħidilna.

More in Festi