Mons. Ġużeppi Adami (1868 - 1927): Arċipriet ta’ merti kbar għall-Isla, belt twelidu

Fabian Mangion jiċċelebra l-ħajja ta' Mons. Ġużeppi Adami, l-Arċipriet Senglean li ġab għall-Isla l-Inkurunazzjoni u l-Bażilika

Il-bidu tal-familja Adami f’Malta jinsab lejn nofs is-seklu sbatax biż-żwieġ bejn Emmanuele de Adamo u Alaria Anna Gamberino fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sidtna Marija tal-Portu Salvu, il-Belt Valletta fis-7 ta’ Ġunju 1649. Dan iż-żwieġ kien iż-żerriegħa li nibtet u kabbret siġra li tat frott abbundanti ta’ personalitajiet illustri.

Il-familja Adami

Dixxendenti ta’ din il-familja bdew jgħixu fl-Isla u, sa nofs is-seklu dsatax, insibu żewġ familji bil-kunjom Adami, it-tnejn jiġu minn xulxin.

L-ewwel waħda nbdiet biż-żwieġ bejn Saverio Adami u Maria Scicluna, li seħħ fil-Knisja Kolleġġjata tal-Isla fl-4 ta’ Frar 1812. Minn dan iż-żwieġ, tnisslu numru ta’ wlied. Fosthom, kien hemm, Ġorġ, li fl-1840, wiret il-benefizzju ekkleżjali ta’ zijuh, il-Kanonku Dun Ġużepp Scicluna u b’hekk sar l-ewwel kanonku bil-kunjom Adami fil-Kolleġġjata Sengleana. Wild ieħor kien Franġisk, tabib, li nvolva ruħu fil-politika. 

Kien hemm ukoll Tereża li, fit-12 ta’ Frar 1854, fil-Kolleġġjata tal-Isla, ingħaqdet fiż-żwieġ mat-Tabib Dott. Franġisk Fenech. Kien minn ulied din il-koppja li ġie ffurmat il-kunjom Fenech Adami. Tereża u Franġisk huma l-bużnanniet ta’ Dott. Eddie Fenech Adami, President Emeritu.

It-tieni familja kienet dik ta’ Franġisk Adami li, fit-12 ta’ Lulju 1859 ingħaqad fiż-żwieġ ma’ Tereża Camilleri fil-knisja ta’ Sidtna Marija tal-Portu Salvu, l-Belt Valletta. Minn dan iż-żwieġ tnisslu disa’ wlied, ilkoll mgħammda fil-Kolleġġjata tal-Isla. Fosthom, insibu lil Goffred, avukat u membru fil-Kunsill tal-Gvern, li bena l-ġenealoġija ta’ familji Maltin bil-għan li jħalli dokumentazzjoni dwar l-oriġini tal-Maltin. Din il-Giuliana, magħrufa llum bħala The Adami Collection, tinsab konservata fil-Biblijoteka Nazzjonali.

Żewġ ulied oħra kienu Salvinu u Ġużeppi li saru qassisin. Fis-26 ta’ Diċembru 1906, Salvinu sar kanonku tal-Kolleġġjata tal-Isla billi wiret il-kanonikat tal-Kanonku Dun Ġorġ Adami. Ġużeppi, is-suġġett ta’ din il-kitba, kellu jistenna ftit iżjed.

Il-battisterju tal-irħam li tħallas mill-Arċipriet Adami
Il-battisterju tal-irħam li tħallas mill-Arċipriet Adami

Iben il-Belt Qatt Mirbuħa

Ġużeppi twieled fl-Isla, fit-3 ta’ Mejju 1868. Erbat’ijiem wara, ġie mgħammed fil-Kolleġġjata mill-Kan. Dun Franġisk Colombo, Arċipriet tal-Isla.

Serva bħala abbati fil-Kolleġġjata u ta’ 15-il sena, kien jgħallem lit-tfal fl-Istutut tal-knisja ta’ San Ġiljan u iżjed tard f’dak tal-Oratorju tal-Kandlora, fl-Isla stess. Wara s-snin ta’ formazzjoni fis-seminarju, fid-19 ta’ Mejju 1894, ġie ordnat saċerdot. Fl-1895 kiseb id-dottorat fit-teoloġija mill-Università ta’ Malta. 

Fl-istess żmien huwa ntgħażel bħala kappillan tas-Sorijiet Franġiskani fl-Isla, u bosta istituti għażluh bħala l-konfessur tagħhom. Kien ukoll direttur spiritwali ta’ xi skejjel. Bħala predikatur tajjeb, mhux biss kien fost il-qassisin tal-Missjoni, imma ġie msejjaħ ukoll f’bosta knejjes ta’ Malta. 

Kappillan f’Ħal Għaxaq

Meta f’Awwissu 1902, il-Kan. Dun Ġużepp Tagliaferro spiċċa minn Arċipriet tal-Isla u sar monsinjur, Adami kien fost dawk li resqu għall-konkors ta’ arċipriet tal-Isla. Iżda dakinhar, l-għażla waqgħet fuq Dun Franġisk Briffa.

F’Ħal Għaxaq, f’Awwissu 1904 ingħalaq il-parrokat ta’ Dun Albert Dalli u fl-1905 Dun Ġużepp Adami, sar is-suċċessur tiegħu. Fil-pront huwa ddedika ħafna minn ħinu f’ħidma pastorali b’risq l-Għaxqin. Kompla wkoll fuq fejn ħallew ta’ qablu f’dak li jirrigwarda t-tisbieħ tal-knisja parrokkjali. Fost l-oħrajn, fi żmienu, il-paviment tal-knisja inkesa bl-irħam kif inhu llum. 

Arċipriet tal-Isla

Fl-24 ta’ April 1908, miet il-Kan. Dun Franġisk Briffa, l-Arċirpriet tal-Isla, ta’ 46 sena. Adami reġa’ ppreżenta ruħhu għall-konkors u din id-darba, l-għażla waqgħet fuqhu. Fid-29 ta’ Ottubru 1908 ingħata l-pussess bħala d-disa’ arċipriet tal-Isla.

Adami malajr medd għonqu għax-xogħol, u kompla l-kisi tal-pilastri tal-knisja bl-irħam, mibdija mill-predeċessuri tiegħu. Fl-1911, ħa ħsieb li jsir battisteru tal-irħam u bi statwa ċkejkna fuqu ta’ San Ġwann jgħammed lil Kristu. L-arċipriet innifsu ħallas għall-ispejjeż ta’ dak il-battisteru.  

Fl-1912, fil-faċċata tal-knisja parrokkjali saru xi żidiet. Fiċ-ċentru tat-tieni ordni tagħha, li kien ta’ stil Joniku, tqiegħdet statwa tal-Bambina waqt li, fin-niċeċ, tqiegħdu statwi tal-erba’ evanġelisti. Inbena wkoll frotispizju bi stil Korint.  Fil-quċċata kien hemm is-Salvatur b’maġenbu, waħda fuq kull naħa, l-istatwi ta’ Mosè u Elija.

Kartolina ta’ tifkira b’rikonoxximent lejn il-protagonisti fl-għoti tad-dinjità ta’ Bażilika lill-Kolleġġjata Sengleana. Minn fuq: Papa Benedittu XV, Kardinal Antonju Vico, Prefett tal-Kongregazzjoni tar-Riti, Mons. Arċisqof Dom Mawru Caruana OSB, Dom Mawru Inguanez OSB u Kan. Dun Goffred Lubrano
Kartolina ta’ tifkira b’rikonoxximent lejn il-protagonisti fl-għoti tad-dinjità ta’ Bażilika lill-Kolleġġjata Sengleana. Minn fuq: Papa Benedittu XV, Kardinal Antonju Vico, Prefett tal-Kongregazzjoni tar-Riti, Mons. Arċisqof Dom Mawru Caruana OSB, Dom Mawru Inguanez OSB u Kan. Dun Goffred Lubrano

Adami ħass il-bżonn li tingħata attenzjoni liż-żgħażagħ. Għalhekk, fl-1909, Dun Ġużepp Darmanin, saċerdot magħruf għall-għerf tiegħu, fetaħ domus għaż-żgħażagħ ħdejn is-swar ta’ San Mikiel. Dan il-post żviluppa u tliet snin wara sar Oratorju li ssemma għall-Papa Piju X. Fl-1912, infetaħ ċentru ieħor għaż-żgħażagħ fl-Oratorju ta’ San Filippu. It-tfal ta’ dik ix-xaqliba tal-Isla kienu jinġabru fih kuljum għad-duttrina. Dan beda jkun magħruf bl-isem ta’ Dar iż-Żgħażagħ Piju X. 

Fit-30 ta’ Mejju 1912, il-Kapiltu Senglean ġie mogħti l-jedd, mill-Kongregazzjoni tal-Konċilju, li jagħmel użu mill-mazza. 

Għal Malta, is-sena 1913 hi importanti għall-kult ewkaristiku għaliex hawn ġie ċċelebrat il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali bejn it-22 u is-27 ta’ April. F’dik is-sena, il-Lega Ewkaristika tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, imwaqqfa fl-Isla fl-1908, kisbet l-approvazzjoni. Fis-16 ta’ Lulju 1914, l-istess Lega ġiet affiljata mal-Arċkonfraternità ta’ San Ġwakkin f’Ruma, u stagħniet b’ħafna benefiċċji spiritwali.

Fl-1914, daħlet fl-Isla s-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, imwaqqfa minn San Ġorġ Preca. L-ewwel ma daħlu kienu l-bniet li fetħu l-qasam tagħhom fi Triq il-Kurċifiss. Fl-1916, is-subien fetħu l-qasam fi Triq Sant’ Ursola.

Is-snin 1914-1918 kienu snin diffiċli li matulhom, il-gżejjer tagħna ntlaqtu mit-tbatijiet ikkawżati mill-ewwel gwerra dinjija. Għalkemm ma kienx hawn bumbardamenti, il-ħajja ma kinitx normali, u l-festi kienu sospizi. Fl-1917, kien hemm il-biża’ li Malta tiġi attakkata mill-ajru, u fl-Isla, il-belt li tmiss mat-tarzna, il-biża’ kien akbar. Il-gwerra ntemmet fl-1918, imma l-konsegwenzi ma spiċċawx malajr. Fis-snin ta’ wara baqa’ jinħass il-ġuħ.  Daħal ukoll ħafna mard u fost oħrajn, kien hemm l-epidemija magħrufa bħala l-ispanjola, li kkaġunat il-mewt ta’ ħafna. 

Fl-1919, ħafna kienu xewqana li jiċċelebraw b’solennità l-festa tal-Bambina wara nuqqas ta’ erba’ snin. Imma nqala’ l-inkwiet tas-Sette Giugno meta s-suldati Ingliżi sparaw fuq xi Maltin u qatluhom. B’sinjal ta’ luttu, il-festa esterna tal-Bambina ma saritx lanqas f’dik is-sena.

Aktar kmieni, Adami bilkemm ma telaqx mill-Isla għaliex fis-26 ta’ Jannar, ħa sehem f’konkors biex jiġi magħżul Kanonku Penitenzier fi ħdan il-Kapitlu Metropolitan tal-Imdina. Iżda l-għażla ma waqgħetx fuqu. Inzerta li, filwaqt li Malta raddet ħajr lil Alla talli l-ġlied waqaf, fid-19 ta’ Mejju, l-Arċipriet Adami feraħ flimkien mal-kapitlu, l-kleru u l-poplu tal-Isla f’egħluq il-25 sena mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu.

Fl-1 ta’ Marzu 1920, l-Arċipriet Adami, formalment, ippreżenta talba lill-Arċisqof Dom Mawru Carauna OSB biex jagħmel il-kuntatti meħtieġa mas-Santa Sede biex id-devozzjoni u l-imħabba lejn x-xbieha għażiża ta’ Marija Bambina tkun rikonoxxuta u mkabbra billi tiġi nkurunata f’ċerimonja solenni. 

Fil-31 ta’ Marzu 1920, l-arċisqof ressaq rikors lill-Papa Benedittu XV. Deċiżjoni b’eżitu posittiv ittieħdet mill-Kaptilu tal-Vatikan, u b’hekk, fil-25 ta’ April 1920 ħareġ ir-reskritt tant mixtieq tal-inkurunazzjoni tal-Bambina. 

Kolleġġjata ssir Bażilika

Meta l-preparattivi għall-festa tal-inkurunazzjoni bdew mexjin  sewwa, u l-entużjażmu tal-poplu tal-Isla beda kulma jmur joktor, nibtet ix-xewqa li l-Knisja Kolleġġjata tiġi elevata għad-dinjità ta’ bażilika. Ħafna xtaqu li l-Bambina tiġi inkurunata f’tempju li jkun imżejjen b’ġieħ ieħor.

Fil-21 ta’ Settembru 1920 intbagħat rikors lill-Papa Benedittu XV, u fit-3 ta’ Jannar 1921, il-Papa ħareġ l-ittri appostoliċi bl-isem Ad Perennandam Memoriam li permezz tagħhom, il-Kolleġġjata tal-Isla ġiet elevata għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri.

Dawn id-dokumenti pontifiċji kitbu paġna oħra tad-deheb fl-istorja tal-Isla u b’kelmiet ċari taw lill-Kolleġġjata tal-Isla l-privileġġi kollha li jgawdu l-Bażiliċi Minuri ta’ Ruma. 

Ritratt meħud bejn l-1921 u l-1930 li juri l-Bambina inkurunata u bl-artal quddiemha armata fil-Bażilika
Ritratt meħud bejn l-1921 u l-1930 li juri l-Bambina inkurunata u bl-artal quddiemha armata fil-Bażilika

Inkurunazzjoni singulari

Il-preparazzjoni għall-inkurunazzjoni kienet bdiet sa minn żmien il-festa tal-Bambina tal-1920. Għal tul ta’ sena, fit-8 ta’ kull xahar, kienet issir quddiesa bi tqarbina ġenerali u b’diskors fuq il-Madonna. Filwaqt li sar ħafna xogħol ta’ tisbieħ fil-knisja, l-istess istatwa tal-Bambina ġiet indurata, u fil-libsa tagħha, saru ornamenti bil-ħaġar prezzjuż. 

Fis-27 ta’ Mejju beda jsir ix-xogħol fuq il-bini ta’ tribuna bażilikali fuq disinn u taħt id-direzzjoni tal-Perit Indri Vassallo. L-Arċipriet Adami nnifsu, fit-12 ta’ Ġunju 1921, qiegħed u bierek l-ewwel ġebla tat-tribuna.

Il-ġurnata stabbilita għall-inkurunazzjoni kienet l-4 ta’ Settembru 1921. Il-Kapitlu tal-Vatikan iddelega lill-Arċisqof Caruana biex, dakinhar, iqiegħed il-kuruna tad-deheb fuq ras l-istatwa ta’ Marija Bambina.

Qabel ma bdew il-festi solenni, saret missjoni ta’ tlitt ijiem biex il-poplu jitħejja aħjar spiritwalment u jifhem aktar x’kien ifisser li l-Madonna tiġi inkurunta.  

Nhar l-4 ta’ Settembru wara nofs in-nhar, s-swar u il-bjut kollha madwar ix-xatt tal-Isla kienu mimlijin bin-nies. Il-purċissjoni bl-istatwa tal-Bambina, mill-Knisja Bażilika sax-xatt, tmexxiet mill-Arċisqof Caruana u ħadu sehem miegħu l-Isqfijiet Ġwann Marija Camilleri OESA u Anġlu Portelli OP. L-Arċisqof Caruana nnifsu, assistit miż-żewġ isqfijiet, qiegħed il-kuruna tad-deheb fuq ras Marija Bambina, b’xhieda tal-imħabba li l-Maltin u fuq kollox is-Sengleani għandhom lejha. 

Wara li s-surmast Paolino Vassallo kompla jmexxi l-mużika sal-ħin tal-barka sagramentali, tkanta għall-ewwel darba l-Innu tal-Inkurunazzjoni li nkiteb minn Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali, b’mużika tas-surmast Ġużeppi Caruana. 

Is-solennità straordinarja tal-inkurunazzjoni ta’ Marija Bambina ma ntnesiet qatt. Ċertament, hija l-akbar u l-isbaħ ġrajja li seħħet fil-parrokat tal-Arċipriet Adami; waħda minn dawk il-ġrajjiet li bdew u baqgħu jiġu rrakkontati minn ġenerazzjoni għal oħra.

L-irħama intersjata u epitaff fuq il-qabar ta’ Mons. Adami fil-Katidral tal-Imdina
L-irħama intersjata u epitaff fuq il-qabar ta’ Mons. Adami fil-Katidral tal-Imdina

Għeluq ta’ parrokat twil

Fl-1926, il-Kan. Dun Ġużepp Adami kien ilu 18-il sena jmexxi l-parroċċa tal-Isla. Kien żmien ta’ sodisfazzjon li żgur imlielu lill-qalbu bil-ferħ. Hu stinka biex il-Kolleġġjata ssir Bażilika u Santwarju bl-inkurunazzjoni solenni tal-istatwa ta’ Marija Bambina. 

L-aħħar ħames snin tal-parrokat tiegħu kellhom togħma ftit morra għaliex id-djoċesi ma ħaditx pożizzjoni soda kontra dawk li ma ridux jaċċettaw il-preċedenza li kienet tistħoqq lill-Bażilika Sengleana. Fl-10 ta’ Diċembru 1926, hu nnifsu, ħabbar lil sħabu l-kanonċi li l-ħidma tiegħu bħala arċipriet kienet waslet fi tmiemha għaliex kien ġie nnominat Monsinjur Koadjutur ta’ Mons. Sidor Formosa, il-fundatur tas-Sorijiet Ursolini ta’ Sant’Agata Merici.

Adami ngħata l-pussess ta’ monsinjur fis-27 ta’ Jannar 1927. Bħala monsinjur, hu kien joqgħod ir-Rabat, fejn miet fil-11 ta’ Diċembru 1930, ta’ 62 sena. Il-funeral sarlu l-għada fil-Katidral tal-Imdina fejn ġie midfun.    

More in Festi