L-Ark tal-Furjana imma mhux biss ... ktieb li d-dilettanti tal-festi ma għandhomx jitilfu

224 faċċata kollha bil-kulur li jagħtu ħarsa lejn l-Ark tal-Furjaniżi imma anke lejn arkijiet oħra li jintramaw jew kienu jintramaw fil-festi Maltin

Fl-aħħar ġimgħat, id-Direzzjoni tal-gazzetta ‘Il-Furjana’ ppubblikat ktieb dwar l-Ark ta’ San Publju tal-Furjana, bl-iskop ewlieni li jinġabru flus sabiex dan l-ark, li nqrered għal kollox b'att vandalu, jinbena mill-ġdid fil-ġmiel.

L-art, li kellu 120 sena, kien ingħata n-nar u nqered kompletament fil-lejl ta’ bejn is-26 u s-Sibt 27 ta’ April tal-2019, ftit jiem biss qabel il-festa ta' San Publju.

Il-ktieb ‘L-Ark ta’ San Publju tal-Furjana (1899-2019)’ fih 224 faċċata, kollha bil-kulur, barra qoxra hard-bound u jacket bħala qoxra ta’ barra.

F’dawn il-faċċati wieħed isib mal-260 ritratt meħuda minn fotografi differenti, ewlieni fosthom hu l-magħruf fotografu professjonali Għawdxi Daniel Cilia, li tiegħu huma r-ritratti li hemm fuq il-jacket tal-ktieb. Fuq in-naħa ta’ wara tal-istess jacket hemm akwarell tal-ark magħmul mill-graphic designer u pittur Furjaniż, Joseph Scerri.

Fost l-artikolisti ta’ dan il-ktieb wieħed isib lill-mibki Professur Oliver Friggieri, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, lill-Antropologu Olandiż ta’ fama internazzjonali l-Professur Adrianus Koster, l-Arċipriet tal-Furjana l-Kanonku Dun Charles Cini u s-Sindku tal-istess lokalità Davina Sammut Hili.

Il-ktieb fih ukoll messaġġi mill-President ta’ Malta t-Tabib George Vella, tal-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna, tal-ex Ministru tal-Finanzi l-Professur Edward Scicluna u tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali  Dr Jose’ Herrera.

‘L-Ark ta’ San Publju tal-Furjana (1899-2019)’ għandu direzzjoni artistika ta’ Joseph A. Cachia u kien stampat mill-Print It ta’ Kordin.

Għalkemm ovvjament dan il-ktieb għandu jappella l-aktar għall-Furjaniżi għandu jinteressa wkoll lid-dilettanti tal-festi Maltin u lil min japprezza l-element kulturali qawwi li hemm fihom, dan għax il-ktieb jinkludi wkoll ritratti u storja ta' arkijiet li kienu u għadhom jintramaw fil-festi Maltin.

Fil-fatt l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello fl-artiklu tiegħu jagħti ħarsa fuq firxa ta’ sekli, lejn l-ark ċerimonjali f’pajjiżna. Artiklu li hu akkumpanjat minn diversi ritratti storiċi, li fosthom hemm uħud li qed ikunu ppubblikati għall-ewwel darba proprju f’dan il-ktieb.

Interessanti wkoll hi ’l hekk imsejħa ‘Lista tas-Solidarjetà, li tiġbor fiha aktar minn 70 isem ta’ parroċċi, għaqdiet, kumitati u gruppi konnessi mal-festi, każini tal-baned, fratellanzi u Facebook Pages li tellgħu post fil-paġni tagħhom tal-midja soċjali biex jesprimu solidarjetà mal-Furjaniżi wara l-att vandalu ta’ April 2019.

Il-ktieb qed jinbiegħ bil-prezz ta’ €25. Iżda jista’ jinkiseb bil-prezz imraħħas ta’ €20 permezz ta’ skema li kienet imnedija. Skema li minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari li qegħdin fihom, kien deċiż li tibqa’ tgħodd. Biex wieħed jakkwista kopja jista’ jċempel fuq in-numru 79339649.

Apparti minn hekk, id-Direzzjoni tal-gazzetta ‘Il-Furjana’ qed taħdem fuq pubblikazzjoni oħra, tal-istess livell li se tkun qed tiċċelebra t-300 sena tal-Furjana. Fil-fatt it-tir huwa li dan il-ktieb ikun ippubblikat fl-2024.

More in Festi