Il-Ġużeppini Għaxqin jgħannqu mill-ġdid lil San Ġużepp wara aktar minn sena mċaħħda mix-xbieha tiegħu

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn il-proċess tar-restawr tal-istatwa ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq u ċ-ċelebrazzjonijiet storiċi li organizzaw il-Ġużeppini Għaxqin biex jilqgħu lura din ix-xbieha tant għal qalbhom

Mument waqt l-inawgurazzjoni tar-restawr fuq il-vara ta’ San Ġużepp fil-Katidral Għawdxi
Mument waqt l-inawgurazzjoni tar-restawr fuq il-vara ta’ San Ġużepp fil-Katidral Għawdxi

Tħobb jew ma tħobbx il-festi, ma tistax ma tirrikonoxxix li fil-kultura tagħna, l-istatwa jew l-istatwi tal-qaddisin li tagħhom niċċelebraw il-festi, huma parti essenzjali mill-identità tal-ibliet u l-irħulha tagħna. Apparti li huma xogħlijiet tal-arti imprezzabbli, huma xi ħaġa li l-komunitajiet tagħna jħossuhom parti minnhom u bir-raġun għax kienu huma li ħadmu u għadhom jaħdmu biex dawn saru, iżżejnu u jiġu kkonservati għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM tieħu gost u tagħti wkoll prominenza mhux biss lill-festi li niċċelebraw, imma anke meta waħda minn dawn ix-xbiehat tgħaddi minn proċess ta’ restawr. F’dan il-Ħadd, il-gazzetta se tkun qed tagħti ħarsa lejn ir-restawr li sar fl-aħħar xhur fuq il-vara ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq, il-mimmi ta’ għajnejn il-Ġużeppini ta’ dan ir-raħal antik u pittoresk, magħruf ukoll għall-festi kbar li jiċċelebra.

Kien ilu jinħass il-bżonn li jsir intervent ta’ restawr fuq din l-istatwa u anke l-pedistall tagħha. Ritratti, li ttieħdu dakinhar li l-istatwa ttieħdet għar-restawr, juru l-ħsara li din kellha, inkluż qsim fl-għonq tal-vara u anke ħsara fl-induratura tagħha. 

Għalhekk wara diversi diskussjonijiet bejn il-kumitat tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp u l-fratellanza ddedikata lill-istess qaddis, intagħżlu l-artisti Michael u Adonai Camilleri Cauchi u l-induraturi Mario, Ruben u Austin Camilleri Cauchi, li flimkien kellhom jaħdmu fuq ir-restawr kemm tal-istatwa u anke tal-pedistall tagħha.

Fil-fatt, l-istatwa nħarġet mill-Knisja ta’ Ħal Għaxaq nhar il-25 ta’ Settembru 2019 u qabdet triqitha lejn il-gżira Għawdija, għall-maħżen fin-Nadur ta’ Michael u ibnu Adonai Camilleri Cauchi. Mill-banda l-oħra Mario, Ruben u Austin Camilleri Cauchi ħadu ħsieb li ssir l-induratura mill-ġdid tal-pedistall.

L-artisti kollha flimkien ħadmu biex reġgħu taw lura lill-Għaxqin l-istatwa ta’ San Ġużepp fil-glorja u l-ġmiel kollu tagħha, mill-karnaġġjon, għall-iżgraffir tal-libsa ta’ San Ġużepp u d-dettalji fil-pedistall tal-vara. 

Dettall mill-ħsara li kellha l-vara ta’ San Ġużepp
Dettall mill-ħsara li kellha l-vara ta’ San Ġużepp

Tfaqqa’ l-pandemija u San Ġużepp jinqabad Għawdex

Min kellu jgħid lill-Ġużeppini Għaxqin li fl-2020 kellha tfaqqa’ l-pandemija. Fil-fatt l-istatwa tant għażiża għalihom ukoll inqabdet Għawdex u kellhom jagħmlu aktar minn sena mċaħħda minnha.

Ta’ min ifakkar li kif kien se jiġri fil-lokalitajiet kollha li fihom issir festa lil San Ġużepp, is-sena li għaddiet, anke f’Ħal Għaxaq kienu maħsuba li jsiru festi kbar li kellhom ifakkru l-150 anniversarju minn meta l-Beatu Papa Piju IX kien ipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali.

L-inawgurazzjoni tax-xogħol ta’ restawr fuq din il-vara kellu jkun il-qofol ta’ din il-festa speċjali, iżda kollox kellu jitħassar u l-preparamenti kollha taru mar-riħ.

Il-vara tittieħed għar-restawr
Il-vara tittieħed għar-restawr

2021 sena providenzjali għall-Ġużeppini Għaxqin

Iżda kif jgħid il-Malti, min jistenna jithenna. Fit-8 ta’ Diċembru li għadda, il-Papa Franġisku ħareġ ittra appostolika bl-isem ‘Patris Corde’ jew aħjar ‘B’Qalb ta’ Missier’ u ddikjara din is-sena bħala Sena Ġużeppina.

Għalhekk, il-Ġużeppini Għaxqin ħatfu l-opportunità, xammru l-kmiem u bdew jaħdmu biex fl-aħħar setgħu jilqgħu lura lil San Ġużepp f’Ħal Għaxaq.

Iċ-ċelebrazzjonijiet li ġew organizzati mill-Għaqda Mużikali San Ġużepp, b’kollaborazzjoni mal-kappillan Dun Andrew Schembri kienu verament storiċi hekk kif l-istatwa ta’ San Ġużepp ġiet inawgurata fil-Katidral tal-Assunta fiċ-Ċittaddella. 

Fil-fatt, nhar is-Sibt 23 ta’ Jannar, saret Akkademja Mużikali, bit-tema ‘B’Qalb ta’ Missier’ mill-banda ta’ San Ġużepp taħt id-direzzjoni tas-Surmast Reno Busuttil fil-Katidral ta’ Għawdex.

Mad-daqq tas-silta “Fanfare of Saint Joseph,” wara sena u erba’ xhur, l-Għaxqin li telgħu bi ħġarhom Għawdex, setgħu jerġgħu jitfgħu ħarsithom fuq l-istatwa ta’ San Ġużepp, issa fil-glorja kollha tagħha.

Iċ-ċelebrazzjonijiet komplew l-għada, il-Ħadd 24 ta’ Jannar, meta saret quddiesa solenni fil-Katidral ta’ Għawdex u wara l-istatwa ta’ San Ġużepp intregħet mill-fratelli Ġużeppini u mxiet mill-Katidral sal-Bieb taċ-Ċittaddella. 

Fil-fatt, wara żmien nieqsa mill-festi, il-ħoss tal-banda, anke jekk bid-distanza soċjali u l-ħoss tal-murtali minn fuq l-Għolja ta’ Gelmus, maħdum mill-Vampa Organisations, niżlu għasel mhux biss mal-Ġużeppini Għaxqin imma anke mad-dilettanti Għawdxin u Maltin li telgħu fil-pjazza taċ-Ċittaddella biex jassistu għal din iċ-ċelebrazzjoni storika.

L-istatwa ta’ San Ġużepp ħierġa mill-Katidral ta’ Għawdex. Ritratt ta’ Daniel Cilia
L-istatwa ta’ San Ġużepp ħierġa mill-Katidral ta’ Għawdex. Ritratt ta’ Daniel Cilia

Imma l-festi ma spiċċawx hemm...

Minn hemm, l-istatwa ta’ San Ġużepp bdiet triqitha lura lejn Malta u lejn ir-raħal ta’ Ħal Għaxaq. 

Iżda l-festi ma spiċċawx hemm! Kulħadd jaf kemm il-Ġużeppini jafu jiċċelebraw, anke jekk bir-restrizzjonijiet.

L-istatwa ta’ San Ġużepp ġiet armata fil-Knisja Parrokjali ta’ Ħal Għaxaq biex setgħet titgawda minn dawk kollha li xtaqu jżuruha u jammiraw ix-xogħol li sar fuqha.

Matul il-Ġimgħa ta’ bejn il-25 u l-31 ta’ Jannar, saru katekeżi dwar il-ħajja u l-persuna ta’ San Ġużepp.

Iċ-ċelebrazzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom nhar il-Ħadd li għadda, b’quddiesa solenni fil-Knisja Parrokjali ta’ Ħal Għaxaq, immexxija mill-Kappillan, il-Kanonku Andrew Schembri, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Schembri.

“Żgur u mhux forsi li dawn is-sittax-il xahar li għaddew ma kinux faċli anke fid-dawl tal-fatt li f’dak kollu li ġie organizzat dejjem ittieħdu l-miżuri kollha neċessarji u meħtieġa skont is-supretendenza tas-saħħa pubblika. Però bil-koperazzjoni u bil-kollaborazzjoni ta’ dawk kollha nvoluti, żgur li nistgħu nħarsu lura lejn dak kollu li seħħ b’sodisfazzjon kbir,” saħqu l-organizzaturi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM.

Filwaqt li rringrazzjaw lil dawk kollha involuti, inkluż ukoll lill-Kapitlu tal-Katidral ta’ Għawdex, lill-Vampa Organisations u lis-Soċjetà Filarmonika Leone tar-Rabat Għawdex, awguraw li dawn l-attivitajiet ikomplu jsaħħu l-imħabba tal-Għaxqin lejn San Ġużepp.

X’nafu dwar il-vara ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq?

L-istatwa ta’ San Ġużepp meqjuma fil-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq hija xogħol id-ditta Fratelli Bertarelli ta’ Milan. Din ħadet post statwa oħra li llum tinsab meqjuma fis-sede tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp.

Din ix-xbieha, minquxa fl-injam, waslet f’Malta f’Novembru tal-1932 u ġiet irregalata lill-fratellanza ta’ San Ġużepp. Sena wara, f’Mejju tal-1933 nħarġet għall-ewwel darba f’purċissjoni.

L-istil ta’ din l-istatwa huwa wieħed naturalista, imma romantiku tal-bidu tas-seklu għoxrin u għalhekk imneżża’ mid-disinn elaborat tal-barokk.

Madanakollu l-istatwa hija devota ħafna u tirrifletti l-imħabba bejn San Ġużepp il-missier u Ġesù l-iben. Dettall ħelu f’din l-istatwa u li juri r-rabta bejn San Ġużeġġ u Ġesù huwa l-ġilju.

Normalment, fix-xbiehat, San Ġużepp jidher iżomm f’idu zokk, bħal bastun, bil-ġilju, simbolu tas-safa. F’din l-istatwa, il-ġilju jgħaddi minn idejn Gesù għal idejn San Ġużeġġ

Il-pedistall mill-isbaħ ta’ din il-vara kien sar ftit taż-żmien wara u nħadem fuq disinn ta’ Karmenu Tonna mir-Rabat Malta.

X’inhi s-Sena Ġużeppina?

Kif spjegat fl-artiklu, fit-8 ta’ Diċembru li għadda, il-Papa Franġisku ddikjara s-sena 2021 bħala Sena Ġużeppina, biex jiċċelebra l-150 sena minn meta San Ġużepp kien ipproklamat Patrun tal-Knisja Universali.

Kien il-Papa Piju IX, illum Beatu, li fit-8 ta’ Diċembru tal-1870, ipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali. Dan ifisser li l-Papa ried li jipproklama lil San Ġużepp, il-missier putattiv ta’ Ġesù, bħala protettur u l-ħarries tal-Knisja.

Propju għalhekk li f’ħafna pitturi, San Ġużepp jidher b’idu wieqfa jipproteġi xbiha ta’ knisja.

Piju IX kien devot kbir ta’ San Ġużepp tant li fost kitbiet oħra, kien iddedika erba’ dokumenti importanti dwar dan il-qaddis kbir u li permezz tagħhom kompla jxerred u jkabbar it-tagħlim fuqu, fosthom dwar l-irwol importanti li Ġużeppi kellu fl-istorja tas-salvazzjoni.

Ta’ min isemmi wkoll li fi żmien il-pontifikat ta’ Piju IX, kien hemm diversi konċilji lokali li kienu rrakkomandaw il-promozzjoni tad-devozzjoni Ġużeppina, inkluż il-Konċilju ta’ Vjenna, ta’ Praga, tal-Kolocsa, tal-Ungerija, tal-Kolombja, ta’ Bordeaux u ta’ Baltimora.

Fil-fatt, il-Papa Piju IX rċieva tliet petizzjonijiet jitolbuh biex jipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali. L-ewwel waħda kienet iffirmata minn 118-il Isqof, it-tieni waħda minn 43 superjur ġenerali ta’ ordnijiet reliġjużi u t-tielet kienet iffirmata minn 255 persuna, inkluż 38 kardinal, fosthom dak li kellu jkun is-suċċessur tiegħu u jieħu l-isem ta’ Ljun XIII, il-Papa li kiteb it-talba ta’ San Ġużepp. 

More in Festi