Titħassar l-ewwel festa esterna għall-2021; San Pawl tal-Belt se joħroġ f'Settembru

Fi Frar il-festa ta' San Pawl Nawfragu se tkun iċċelebrata fil-knisja bi tħejjija spiritwali u anke l-Pontifikal

Ritratt: Carl Farrugia
Ritratt: Carl Farrugia

Il-Kapitlu tal-Kolleġġjata Pawlina tal-Belt Valletta flimkien mal-Għaqda tal-Pawlini fi stqarrija spjegaw kif minħabba l-pandemija tal-Covid-19, il-festa ta’ San Pawl Nawfragu mhux se ssir kif issir is-soltu.

Fil-fatt, fl-10 ta’ Frar se tkun qed issir il-festa fil-knisja u l-pellegrinaġġ bil-vara ta’ San Pawl se jkun diferit għall-Ħadd 5 ta’ Settembru.

L-istqarrija tispjega kif il-Festa ta’ San Pawl se tkun iċċelebrata bi preparazzjoni spiritwali fil-knisja, u bil-Pontifikal li se jsir fl-10 ta’ Frar 2021 fid-9.30 a.m, immexxi bħal dejjem mill-Arċisqof Charles Scicluna. Din se tkun imxandra live fuq it-televiżjoni. Il-mużika din is-sena, se tkun taħt id-direzzjoni tal-Maestro di Cappella ġdid, Mro Hermann Farrugia Frantz. 

L-Għaqda tal-Pawlini se tkun qed  tarma u żżejjen l-inħawi madwar il-knisja, u se torganizza attivitajiet fil-Barrakka ta’ Isfel fid-9 ta’ Frar, u Taħt il-Qanpiena nhar l-10 ta’ Frar filgħaxija, bil-miżuri kollha hekk kif mitluba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Is-Società Filarmonica Nazionale La Valette se tanima l-festa fil-qafas tal-programm ta’ din is-sena. 

Intant, il-pellegrinaġġ bil-vara se jkun qed isir fil-5 ta’ Settembru, dejjem jekk il-pandemija tkun għaddiet u jkun hemm il-permessi meħtieġa.

More in Festi